14.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/229

tat-12 ta' Frar 2015

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

(2)

Fit-12 ta' Frar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/236 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK sabiex testendi sat-30 ta' Ġunju 2015, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 20(14) ta' dik id-Deċiżjoni dwar atti u tranżazzjonijiet imwettqa fir-rigward ta' entitajiet elenkati sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq ta' obbligi previsti f'kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Jannar 2012 jew f'kuntratti anċillari meħtieġa għat-twettiq ta' tali obbligi fejn il-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi Iranjani jew ir-rikavati derivati mill-provvista tagħhom ikunu għar-rimborż ta' ammonti pendenti fir-rigward ta' kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Jannar 2012 lill-persuni u entitajiet fit-territorji tal-Istati Membri jew taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, fejn dawk il-kuntratti jipprevedu speċifikament għal tali rimborżi.

(3)

Dik il-miżura taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, sabiex tiġi implimentata hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-punt (b) tal-Artikolu 28a tar-Regolament (UE) Nru 267/2012, il-kliem “sal-31 ta' Diċembru 2014” huma sostitwiti bil-kliem “sat-30 ta' Ġunju 2015”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)   ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1).

(3)  Ara l-paġna 18 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.