7.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/187

tas-6 ta' Frar 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Evidenza reċenti wriet li t-terroristi qed jippruvaw jiżviluppaw metodi ġodda ta' ħabi ta' apparat esplożiv improvviżat maħsubin biex jikkumbattu l-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni eżistenti marbutin mal-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina.

(2)

Għalhekk, ċerti miżuri speċifiċi tas-sigurtà tal-avjazzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 (2) għandhom jiġu emendati sabiex tittejjeb il-mitigazzjoni tat-theddida mill-apparat esplożiv improvviżat moħbi fil-bagalji tal-kabina.

(3)

L-emendi għandhom jirfinaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina bl-użu ta' sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi.

(4)

L-emendi għandhom jippermettu wkoll l-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina li jkun fihom kompjuters li jinġarru u oġġetti kbar oħra li jaħdmu bl-elettriku f'ċerti kundizzjonijiet.

(5)

Għalhekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji marbutin mas-sigurtà tal-avjazzjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 għandu jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu. Huwa għandu japplika mill-1 ta' Marzu 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta' Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-Kapitolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt 4.1.2.1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.1.2.1

Qabel l-iskrinjar, il-kompjuters li jinġarru u oġġetti kbar oħra li jaħdmu bl-elettriku għandhom jitneħħew mill-bagalji tal-kabina u għandhom jiġu skrinjati b'mod separat, sakemm il-bagalji tal-kabina ma jkunux se jiġu skrinjati b'tagħmir b'sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS) li jkun jissodisfa l-istandard C2 jew standard ogħla minnu.”

;

(b)

il-punt 4.1.2.8 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“4.1.2.8

Kwalunkwe bagalja li fiha jinsab oġġett kbir li jaħdem bl-elettriku għandha terġa' tiġi skrinjata mingħajr dak l-oġġett fiha u l-oġġett li jaħdem bl-elettriku għandu jiġi skrinjat b'mod separat, sakemm il-bagalja tal-kabina ma tkunx ġiet skrinjata b'tagħmir b'sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS) li jkun jissodisfa l-istandard C2 jew standard ogħla minnu.”

.

2.

Fil-Kapitolu 12 għandhom jiżdiedu l-punti 12.4.2.7 sa 12.4.2.9 li ġejjin:

“12.4.2.7

Kull tagħmir bl-EDS maħsub biex jintuża għall-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina għandu jissodisfa tal-inqas l-istandard C1.

12.4.2.8

Kull tagħmir bl-EDS maħsub biex jintuża għall-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina li jkun fihom il-kompjuters li jinġarru u oġġetti kbar oħra li jaħdmu bl-elettriku għandu jissodisfa tal-inqas l-istandard C2.

12.4.2.9

Kull tagħmir bl-EDS maħsub biex jintuża għall-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina li jkun fihom il-kompjuters li jinġarru u oġġetti kbar oħra li jaħdmu bl-elettriku u l-LAGs għandu jissodisfa tal-inqas l-istandard C3.”

.