7.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/181

tat-30 ta' Jannar 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stipulati fil-kolonna (3) tal-istess tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness huma kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) tal-istess tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott fil-forma ta' trab fin abjad jagħti fl-isfar ippakkjat f'boroż tal-25 kg, magħmul miż-żejt veġetali idroġenat u mono- u digliċeridi minn żejt veġetali differenti. Il-mono- u digliċeridi minn żejt veġetali differenti miżjuda jikkostitwixxu 10 % bil-piż.

Il-prodott huwa ppreżentat għall-użu bħala emulsjonant fl-industrija tal-ikel.

Il-punt meta jsir likwidu minn semi-solidu huwa ta' 58 °C u l-viskożità f'68 °C huwa anqas minn 1 Pa.s.

3404 90 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 5 b) tal-Kapitolu 34 u bil-kliem tal-Kodiċi tan-NM 3404 u 3404 90 00 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1516 hija eskluża billi ingredjenti oħra huma miżjuda (10 % mono- u d-digliċeridi tal-aċidi grassi).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 1517 hija eskluża peress li l-prodott għandu karatteristika bħax-xama' li mhijiex koperta mill-ambitu tal-intestatura 1517 .

Il-prodott huwa prodott organiku prodott b'mod kimiku li għandu karatteristika bħax-xama' li ma jinħallx fl-ilma (ara nota 5 ta' Kapitolu 34) u li jissodisfa l-kriterji ta' xama' artifiċjali (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni dwar is-Sistema Armonizzata tal-intestatura 3404 , b'mod partikolari l-ittra (A).

Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi tan-NM 3404 90 00 bħala xamgħat artifiċjali u xamgħat ippreparati oħra.