4.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/165

tat-3 ta' Frar 2015

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi ta' residwu għall-aċidu lattiku, Lecanicillium muscarium razzaVe6, il-kitosan kloridrat u Equisetum arvense L. f'ċerti prodotti jew fuqhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-aċidu lattiku, Lecanicillium muscarium razza Ve6, il-kitosan kloridrat u Equisetum arvense L., ma ġew stabbiliti l-ebda MRLs speċifiċi u s-sustanzi ma ġewx inklużi fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005; għalhekk japplika l-valur prestabbilit ta' 0,01 mg/kg stabbilit fl-Artikolu 18(1)(b) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Il-kitosan kloridrat huwa approvat bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Fid-dawl tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 563/2014 (3), il-Kummissjoni tqis li l-inklużjoni ta' tali sustanza fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 hija xierqa.

(3)

L-Equisetum arvense L hija approvata bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fid-dawl tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 462/2014 (4), il-Kummissjoni tqis li l-inklużjoni ta' tali sustanza fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 hija xierqa.

(4)

L-aċidu lattiku huwa approvat bħala addittiv tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 (5). Fid-dawl tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), il-Kummissjoni tqis li l-inklużjoni tal-aċidu lattiku fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 hija xierqa.

(5)

Fir-rigward tal-Lecanicillium muscarium razza Ve6, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità) ikkonkludiet (7) li l-inklużjoni tagħha fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 hija xierqa.

(6)

Abbażi tal-konklużjoni tal-Awtorità u b'kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti tas-suġġett ikkunsidrat, il-modifiki xierqa tal-MRLs jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(7)

Għaldqstant, ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness IV, l-entrati: “aċidu lattiku (2)”, “Lecanicillium muscarium razza Ve6”, “kitosan kloridrat”, u “Equisetum arvense L.” huma miżjuda, f'ordni alfabetiku.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 563/2014 tat-23 ta' Mejju 2014 li japprova s-sustanza bażika idroklorur tal-kitosan, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 156, 24.5.2014, p. 5).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 462/2014 tal-5 ta' Mejju 2014 li japprova s-sustanza bażika Equisetum arvense L., skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 134, 7.5.2014, p. 28).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta' Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel (ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1).

(7)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva Lecanicillium muscarium razza Ve6, innotifikata bħala Verticillium lecanii. EFSA Journal 2010; 8(1):1446. [45 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1446.