|
23.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 16/23 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/98
tat-18 ta' Novembru 2014
dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-ħatt l-art tal-qabdiet kollha ta' speċijiet li huma soġġetti għal limiti ta' qbid u, fil-Mediterran, anki l-ħatt l-art ta' qabdiet ta' ċerti speċijiet li huma soġġetti għal daqsijiet minimi (“l-obbligu ta' ħatt l-art”). L-Artikolu 15(1) ta' dak ir-Regolament ikopri attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f'ilmijiet li mhumiex soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terzi. |
|
(2) |
L-obbligu ta' ħatt l-art se jibda japplika l-aktar tard mill-1 ta' Jannar 2015 għas-sajd pelaġiku żgħir u kbir, is-sajd għal skopijiet industrijali u s-sajd għas-salamun fil-Baħar Baltiku. |
|
(3) |
L-Unjoni hija parti kontraenti għal diversi Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (“RFMOs”) u għalhekk hija marbuta b'miżuri stabbiliti mill-RFMOs ikkonċernati. |
|
(4) |
Ċerti miżuri tal-RFMOs jipprevedu li bastimenti tas-sajd li jistadu u li jinsabu fil-mira tagħhom għandhom jarmu ċerti qabdiet li fil-prinċipju jaqgħu taħt l-obbligu ta' ħatt l-art. |
|
(5) |
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati għall-fini tal-implimentazzjoni ta' obbligi internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, inkluż, b'mod partikolari, derogi mill-obbligu ta' ħatt l-art. |
|
(6) |
Għalhekk jeħtieġ li jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet li fihom l-obbligu ta' ħatt l-art ma japplikax, sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha u tinħoloq ċertezza legali għas-sajjieda. |
|
(7) |
Skont ir-Rakkomandazzjoni 11-01 tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“ICCAT”) dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-programm pluriennali għat-tonn obeż u t-tonn isfar, ċerti bastimenti tas-sajd ma għandhomx jitħallew jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew iħottu l-art tonn obeż fl-Atlantiku. |
|
(8) |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT 13-07 tistabbilixxi obbligu tal-iskartar tal-qbid għal bastimenti u nases tal-Atlantiku tal-Lvant f'ċerti sitwazzjonijiet. B'mod partikolari, il-paragrafu 29 ta' din ir-Rakkomandazzjoni jipprevedi li t-tonn taħt piż jew daqs minimu ta' referenza għandu jiġi skartat. Dak id-daqs minimu bħalissa huwa stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (2). Dak l-obbligu ta' skartar japplika għas-sajd kollu għat-tonn tal-Atlantiku tal-Lvant, inkluż is-sajd għal skopijiet ta' rikreazzjoni u sport. |
|
(9) |
Barra minn hekk, il-paragrafu 31 tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT jistabbilixxi obbligu ta' skartar għal tonn li jiżen bejn 8 u 30 kg jew ta' tul sal-furketta ta' bejn 75 u 115 ċm, maqbud bħala qabdiet inċidentali minn bastimenti tas-sajd u nases li jintużaw f'sajd b'mod attiv għal din l-ispeċi u li huwa akbar minn 5 % tal-qabdiet totali tat-tonn. |
|
(10) |
Il-kategorija ta' piż għall-qabda inċidentali ta' tonn stabbilita bl-Artikolu 9(12) tar-Regolament (KE) Nru 302/2009 hija differenti minn dik stabbilita mill-paragrafu 31 tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT, li ġiet adottata wara d-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament. Sakemm issir ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 302/2009, il-paragrafu 31 ta' din ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT għandu jiġi implimentat fil-liġijiet tal-Unjoni permezz ta' dan ir-Regolament. |
|
(11) |
Il-paragrafu 32 tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT jiddikjara li bastimenti li mhumiex qegħdin jistadu b'mod attiv għat-tonn mhumiex awtorizzati jżommu tonn 'il fuq minn 5 % tal-qbid totali tagħhom skont il-piż jew l-għadd tal-biċċiet. |
|
(12) |
Il-paragrafi 34 u 41 tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT jistabbilixxu obbligu ta' rilaxx għal tonn maqbud ħaj fil-qafas tas-sajd għal skopijiet ta' rikreazzjoni u sport. |
|
(13) |
Ir-Rakkomandazzjoni 13-02 tal-ICCAT dwar il-konservazzjoni tal-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana tistabbilixxi obbligu ta' skartar tal-ħut għal bastimenti li jistadu għall-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana f'ċerti sitwazzjonijiet. B'mod partikolari, il-paragrafu 9 jistabbilixxi li pixxispad taħt il-piż jew qies ta' referenza minimu għandu jiġi skartat. Id-daqs minimu bħalissa huwa stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 (3). |
|
(14) |
Barra minn hekk, l-istess paragrafu tar-Rakkomandazzjoni 13-02 jistabbilixxi obbligu ta' skartar għall-pixxispad li jiżen inqas minn 25 kg ta' piż ħaj jew twil 125 cm mix-xedaq ta' isfel sal-furketta, li jinqabad bħala qabda inċidentali u li jaqbeż il-15 % tan-numru ta' pixxispad tal-qabda totali ta' pixxispad tal-bastiment għal kull ħatt l-art. |
|
(15) |
Sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn ir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT 11-01, 13-07 u 13-02 u l-liġijiet tal-Unjoni, l-obbligu ta' ħatt l-art ma għandux japplika għall-bastimenti tal-Unjoni li jipparteċipaw fl-attivitajiet tas-sajd koperti minn dawk ir-rakkomandazzjonijiet. |
|
(16) |
L-Artikolu 5, l-Artikolu 6.3 u l-Anness I.A tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (“NAFO”) li jistabbilixxu obbligu ta' skartar ta' ħut għal kwalunkwe qabda ta' kapelin akbar mill-kwota stabbilita jew akbar mill-perċentwal ta' qabdiet inċidentali permessi. L-Anness I.A attwalment jistabbilixxi qabda totali permissibbli (“TAC”) ta' żero għall-kapelin. Barra minn hekk, il-qabdiet inċidentali tal-kapelin f'sajd ieħor li jaqa' taħt l-obbligu ta' ħatt l-art huwa wkoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, soġġett għal obbligu ta' skartar skont ir-regoli tan-NAFO. |
|
(17) |
Sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn il-miżuri ta' konservazzjoni u infurzar tan-NAFO u l-liġijiet tal-Unjoni, l-obbligu ta' ħatt l-art ma għandux japplika għal sajd kopert minn dawk il-miżuri. |
|
(18) |
Fid-dawl tal-iskadenzi li ġew stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi derogi mill-obbligu ta' ħatt l-art stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-fini tal-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku. Dan japplika għal attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f'ilmijiet li mhumiex soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terzi.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“Iż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO” tfisser iż-żoni ġeografiċi speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); |
|
(2) |
“Is-sajd fil-mira tan-NAFO” tfisser is-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO li jikkonċerna r-riżorsi tas-sajd kollha, ħlief dawn li ġejjin: is-salamun, it-tonn u l-marlin, l-istokkijiet taċ-ċetaċji kkontrollati mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni jew kull organizzazzjoni suċċessur, u speċijiet sedentarji tal-Blata Kontinentali, jiġifieri organiżmi li fl-istadju tas-sajda ma jkunux qed jiċċaqilqu jew ikunu taħt qiegħ il-baħar u ma jkunux jistgħu jiċċaqilqu ħlief f'kuntatt fiżiku kostanti ma' qiegħ il-baħar jew is-sottoswol; |
|
(3) |
“L-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana” tfisser iż-żona tal-Oċean Atlantiku fit-Tramuntana ta' 5 °N; |
|
(4) |
“Sajd għal skopijiet ta' rikreazzjoni” tfisser sajd mhux kummerċjali li dawk li jeżerċitawh ma jkunux parti minn organizzazzjoni nazzjonali tal-isport jew li ma għandhomx liċenzja nazzjonali tal-isport; |
|
(5) |
“Sajd għal skopijiet ta' sport” tfisser sajd mhux kummerċjali li dawk li jeżerċitawh huma parti minn organizzazzjoni sportiva nazzjonali jew għandhom liċenzja nazzjonali tal-isport. |
KAPITOLU II
IŻ-ŻONA TAL-KONVENZJONI TAL-ICCAT
Artikolu 3
Tonn obeż
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għat-tonn obeż (Thunnus obesus) fl-Oċean Atlantiku.
2. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti tas-sajd ta' tul ta' 20 metru jew aktar mhux imniżżla fir-reġistru tal-ICCAT ta' bastimenti awtorizzati biex jistadu għat-tonn obeż ma għandhomx ikollhom fil-mira tagħhom, iżommu abbord, jittrażbordaw, jitrasportaw, jittrasferixxu, jiproċessaw jew iħottu l-art tonn obeż fl-Oċean Atlantiku.
Artikolu 4
Tonn
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għat-tonn (Thunnus thynnus) fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran.
2. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li tonn iżgħar mid-daqs minimu stipulat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 302/2009 jiġi mistad, jinżamm abbord, jiġi trażbordat, jiġi trasferit, jinħatt l-art, jiġi ttrasportat, jiġi maħżun, jiġi offrut għall-bejgħ, jintwera jew jinbiegħ.
3. B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, qabdiet inċidentali ta' massimu ta' 5 % ta' tonn ta' bejn 8 kg jew 75 cm u daqs minimu stipulat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 302/2009 f'kg jew ċm mill-bastimenti tal-qbid u nases li jintużaw f'sajd b'mod attiv għat-tonn jistgħu jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati, trasferiti, jinħattu l-art, trasportati, maħżuna, mibjugħa, murija jew offruti għall-bejgħ.
4. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti tal-qbid u n-nases li jintużaw f'sajd tat-tonn b'mod attiv ma għandhomx iżommu tonn li jiżen bejn 8 u 30 kg jew b'tul sal-furketta bejn 75 u 115 ċm u li jaqbeż 5 % tat-tonn.
5. Il-perċentwal ta' 5 % imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jiġi kkalkulat abbażi tat-total ta' qabdiet inċidentali ta' tonn f'numru ta' ħut tal-qabdiet totali ta' tonn miżmuma abbord il-bastiment fi kwalunkwe ħin wara kull operazzjoni ta' sajd.
6. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, bastimenti li ma jkunux qegħdin jistadu b'mod attiv għat-tonn ma għandhomx iżommu abbord tonn li jaqbeż il-5 % tal-qabda totali abbord bil-piż jew numru ta' biċċiet. Il-kalkolu bbażat fuq in-numru ta' biċċiet għandu japplika biss għat-tonn u għal speċijiet ta' tonn regolati mill-ICCAT.
7. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jekk il-kwota allokata lill-Istat Membru tal-bastiment tas-sajd jew nassa kkonċernata jkun diġà ġie kkunsmat:
|
(a) |
qabdiet inċidentali ta' tonn għandhom jiġu evitati; u |
|
(b) |
tonn li jinqabad ħaj bħala qabda inċidentali għandu jiġu rilaxxat. |
8. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, tonn maqbud ħaj fil-qafas tas-sajd għal skopijiet ta' rikreazzjoni għandu jiġi rilaxxat.
9. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, tonn maqbud ħaj fil-qafas tas-sajd għal skopijiet ta' sport għandu jiġi rilaxxat.
Artikolu 5
Pixxispad
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għat-tonn obeż (Xiphias gladius) fl-Oċean Atlantiku.
2. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li pixxispad iżgħar mid-daqs minimu stipulat fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 520/2007 jiġi mistad, jinżamm abbord, jiġi trażbordat, jinħatt l-art, jiġi ttrasportat, jiġi maħżun, jintwera jew jiġi offrut għall-bejgħ, jinbiegħ jew jiġi kkumerċjalizzat..
3. B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, qabdiet inċidentali ta' massimu ta' 15 % ta' pixxispad li jiżen inqas minn 25 kg piż ħaj jew li jkun ta' tul ta' inqas minn 125 cm mix-xedaq ta' isfel sal-furketta jista' jinżamm abbord, jiġi ttrażbordat, ittrasferit, jinħatt l-art, trasportat, maħżun, mibjugħ, muri jew offrut għall-bejgħ.
4. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti ma għandhomx iżommu pixxispad li jiżen inqas minn 25 kg piż ħaj jew li jkun ta' tul ta' inqas minn 125 cm mix-xedaq ta' isfel sal-furketta li jaqbeż 15 % tal-pixxispad.
5. Il-perċentwal ta' 15 % imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tan-numru ta' pixxispad tal-qabda totali ta' pixxispad li jagħmel il-bastiment kull ħatt l-art.
KAPITOLU III
IŻ-ŻONA TAL-KONVENZJONI TAN-NAFO
Artikolu 6
Kapelin
1. Dan l-Artikolu japplika għall-kapelin (Mallotus villosus) fiż-żona tal-Konvenzjoni tan-NAFO.
2. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kapelin li jinqabad 'il fuq mill-kwota stabbilita allokata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma għandux jinżamm abbord.
3. B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, kapelin li jinqabad bħala qabda inċidentali f'sajd li jaqa' taħt l-obbligu ta' ħatt l-art fil-mira tan-NAFO ma għandux jinżamm abbord.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 7
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta' April 2009 li jistabbilixxi pjan multi-annwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (ĠU L 96, 15.4.2009, p. 6).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 tas-7 ta' Mejju 2007 li jistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta' ċerti ħażniet ta' speċi li jpassu ħafna u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 973/2001 (ĠU L 123, 12.5.2007, p. 3).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni tal-istatistika tal-qabda u tal-attività mill-Istati Membri li jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 42).