23.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/22


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/97

tas-17 ta' Ottubru 2014

li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) Nru 918/2012 fir-rigward tan-notifiki tal-pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f'dejn sovran

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012 (2) jispeċifika, skont is-setgħa mogħtija fl-Artikolu 3(7)(c) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012, il-metodu tal-kalkolu tal-pożizzjonijiet għall-entitajiet ġuridiċi fi grupp li jkollhom pożizzjonijiet twal jew bin-nieqes b'rabta ma' emittent partikolari. L-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 918/2012 jipprovdi l-metodu tal-kalkolu tal-pożizzjonijiet kemm għall-kapital azzjonarju maħruġ kif ukoll għad-dejn sovran maħruġ. Madankollu, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 918/2012 attwalment jirreferi biss għal-limitu ta' notifika tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012, dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f'ishma, filwaqt li għandu jirreferu wkoll għal-limitu ta' notifika tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 dwar pożizzjonijiet bin-nieqes netti sinifikanti f'dejn sovran.

(2)

Sabiex tiġi evitata l-inċertezza ġuridika, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 918/2012 jiġi għalhekk korrett skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 918/2012, l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“3.   Meta pożizzjoni bin-nieqes netta tilħaq jew taqbeż il-limitu tan-notifika skont l-Artikolu 5 u 7 jew il-limitu tad-divulgazzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012, entità ġuridika fi grupp għandha tirrapporta u tiddivulga skont l-Artikoli 5 sa 11 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 il-pożizzjoni bin-nieqes netta f'emittent partikolari kalkulata skont il-paragrafu 1 sakemm l-ebda pożizzjoni bin-nieqes netta fil-livell tal-grupp kalkulata skont il-paragrafu 2 ma tilħaq jew taqbeż limitu ta' notifika jew ta' divulgazzjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 918/2012 tal-5 ta' Lulju 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti ta' swaps ta' inadempjenza tal-kreditu fir-rigward tad-definizzjonijiet, il-kalkolu ta' pożizzjonijiet bin-nieqes netti, swaps ta' inadempjenza tal-kreditu sovrani koperti, livelli limitu ta' notifika, livelli limitu ta' likwidità għas-sospensjoni tar-restrizzjonijiet, waqgħat sinifikanti fil-valur tal-istrumenti finanzjarji u avvenimenti avversi (ĠU L 274, 9.10.2012, p. 1).