22.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/31


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/83

tal-21 ta' Jannar 2015

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(2), (5) u (6) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni ta' antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1187/2008 (2), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“iċ-Ċina”).

(2)

Il-miżuri imposti kienu f'forma ta' rata tad-dazju ad valorem ta' 39,7 %, bl-eċċezzjoni ta' Hebei Meihus MSG Group Co. Ltd. (33,8 %), Tongliao Meihua Bio-Tech Co. Ltd. (33,8 %) u Fujian Province Jianyang Wuyi MSG Co. Ltd. (36,5 %).

2.   Talba għal rieżami ta' skadenza

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti (3) tal-miżuri antidumping fis-seħħ, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza ta' dawk il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(4)

It-talba kienet ippreżentata minn Ajinomoto Foods Europe SAS (“l-applikant”), l-uniku produttur tal-Unjoni tal-glutamat tal-monosodju, li għalhekk jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-glutamat tal-monosodju.

(5)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri probabbli tirriżulta f'kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u dannu lill-industrija tal-Unjoni.

3.   Bidu ta' rieżami ta' skadenza

(6)

Wara li stabbiliet, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza, il-Kummissjoni fid-29 ta' Novembru 2013 ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) (“in-Notifika ta' Bidu”), il-bidu ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

4.   Investigazzjoni antidumping parallela

(7)

B'mod parallel, fl-istess data, il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta' investigazzjoni antidumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja (5).

(8)

F'dik l-investigazzjoni, il-Kummissjoni imponiet f'Awwissu 2014, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 904/2014 (6), dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja (“ir-regolament provviżorju”). Il-miżuri provviżorji ġew imposti għal perjodu ta' sitt xhur.

(9)

Iż-żewġ investigazzjonijiet paralleli koprew l-istess perjodu tal-investigazzjoni (ta' rieżami) u l-istess perjodu kkunsidrat kif definit fil-premessa 10.

5.   L-investigazzjoni

Perjodi rilevanti koperti mill-investigazzjoni ta' rieżami

(10)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2012 sat-30 ta' Settembru 2013 (il-“perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2010 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami (il-“perjodu kkunsidrat”) (7).

Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni u l-kampjunar

(11)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, il-produtturi esportaturi, l-importaturi u l-utenti fl-Unjoni li huma magħrufa li huma kkonċernati u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur ikkonċernat bil-bidu tar-rieżami ta' skadenza.

(12)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fin-Notifika ta' Bidu. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw smigħ.

(13)

Fid-dawl tal-għadd apparentement kbir ta' produtturi esportaturi Ċiniżi kif ukoll ta' importaturi mhux relatati fl-Unjoni, kien previst kampjunar fin-Notifika ta' Bidu skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(14)

Fir-rigward tal-produtturi esportaturi fiċ-Ċina, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ il-kampjunar u, jekk dan ikun il-każ, biex jintgħażel kampjun rappreżentattiv, dawk il-partijiet intalbu jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-rieżami u jipprovdu l-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta' Bidu lill-Kummissjoni. Minħabba li kien hemm biss żewġ produtturi esportaturi fiċ-Ċina li pprovdew lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba, il-kampjunar ma kienx meqjus neċessarju.

(15)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk il-kampjunar ikunx meħtieġ jew le, u jekk dan huwa meħtieġ, tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati kollha jippreżentaw ruħhom u jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(16)

Ippreżentaw ruħhom 14-il importatur mhux relatati. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji ma importat il-MSG miċ-Ċina lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-kampjunar għalhekk ma kienx neċessarju.

Il-kwestjonarji u l-verifika

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping u d-danni li jirriżultaw u għad-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni.

(18)

Il-kwestjonarji ntbagħtu kemm lill-produtturi esportaturi Ċiniżi li ppreżentaw ruħhom fl-eżerċizzju ta' kampjunar, lill-produttur uniku fl-Unjoni u lil 33 utent identifikati fl-Unjoni.

(19)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju waslu mingħand il-produttur uniku tal-Unjoni, mingħand operatur tas-suq wieħed, u minn ħames utenti. L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma pprovda tweġiba għall-kwestjonarju.

(20)

Saru żjarat ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

Il-produttur tal-Unjoni

Ajinomoto Foods Europe SAS, Mesnil-Saint-Nicaise, Franza

L-utenti

AkzoNobel, Amersfoort, in-Netherlands

Unilever, Rotterdam, in-Netherlands

Id-divulgazzjoni

(21)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien previst li jiġi rakkomandat li jinżamm id-dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw miċ-Ċina. Il-partijiet ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara din id-divulgazzjoni. Fejn xieraq il-kummenti tagħhom ġew ikkunsidrati u meqjusa.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(22)

Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa l-istess bħal dak kopert mill-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri l-glutamat tal-monosodju (“MSG”) li joriġina miċ-Ċina, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (“il-prodott ikkonċernat”). Il-MSG huwa addittiv alimentari u jintuża prinċipalment biex itejjeb it-togħma tas-sopop, tal-brodijiet, tal-platti bil-ħut u bil-laħam, tat-taħlitiet ta' ħwawar u ta' ikel lest biex jittiekel. Il-MSG huwa wkoll użat fl-industrija kimika għal applikazzjonijiet mhux tal-ikel bħal deterġenti. Huwa jiġi prodott fil-forma ta' kristalli bojod, mingħajr riħa ta' diversi daqsijiet. Il-MSG huwa disponibbli f'pakketti ta' daqsijiet varji, li jvarjaw minn pakketti għall-konsumaturi ta' 0,5 g għal basktijiet ta' kwantitajiet kbar li jiżnu 1 000 kg. Daqsijiet iżgħar ta' pakketti jinbiegħu permezz tal-bejjiegħa bl-imnut lill-konsumaturi privati, filwaqt li daqsijiet akbar ta' 20 kg u aktar huma destinati għall-utenti industrijali. Barra minn hekk, jeżistu gradi differenti ta' purità. Madankollu, ma hemm l-ebda differenza fil-karatteristiċi tal-glutamat tal-monosodju abbażi tad-daqs tal-pakkett jew il-grad ta' purità.

(23)

Il-MSG huwa prinċipalment magħmul permezz tal-fermentazzjoni ta' diversi sorsi taz-zokkor (lamtu tal-qamħirrum, lamtu tat-tapjoka, xropp taz-zokkor, melassa tal-kannamieli taz-zokkor u melassa tal-pitravi taz-zokkor).

(24)

L-investigazzjoni ta' rieżami attwali kkonfermat li, bħal fl-investigazzjoni oriġinali, il-prodott ikkonċernat u l-MSG prodott u mibjugħ fis-suq domestiku fil-pajjiż ikkonċernat, il-MSG prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u l-MSG prodott u mibjugħ fiż-żewġ swieq tal-pajjiżi analogi potenzjali tat-Tajlandja u l-Indoneżja għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi.

(25)

Għaldaqstant, dawn il-prodotti jitqiesu li huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA' DUMPING

1.   Il-kummenti preliminari

(26)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk id-dumping kienx qed isseħħ attwalment u jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti hijiex probabbli li twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping.

(27)

Kif imsemmi fil-premessi 18 u 19, filwaqt li l-kwestjonarji ntbagħtu kemm lill-produtturi esportaturi Ċiniżi li ppreżentaw ruħhom fl-eżerċizzju tal-kampjunar, ħadd minnhom ma pprovda tweġiba għall-kwestjonarju u ħadd minnhom ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, kellu jsir użu mill-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(28)

L-awtoritajiet Ċiniżi u l-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx ġew notifikati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u ngħataw opportunità li jressqu l-kummenti tagħhom. Ma waslu l-ebda kummenti.

(29)

Fuq din il-bażi, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq fatti disponibbli, b'mod partikolari fuq informazzjoni fit-talba għal rieżami ta' skadenza u l-istatistika disponibbli, jiġifieri l-Eurostat u l-bażi tad-dejta tal-esportazzjonijiet Ċiniża.

2.   Dumping ta' importazzjonijiet matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(a)   Il-pajjiż analogu

(30)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien determinat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx MET. Għal dan l-għan, kellu jintagħżel pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“il-pajjiż analogu”).

(31)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni nfurmat lill-partijiet interessati li hija pprevediet it-Tajlandja jew l-Indoneżja bħala pajjiżi analogi xierqa possibbli u stiednet lill-partijiet biex jikkummentaw. It-Tajlandja ntużat fl-investigazzjoni oriġinali (8) bħala pajjiż analogu xieraq. L-Indoneżja ġiet proposta fl-investigazzjoni attwali minħabba l-fatt li, kif imsemmi fil-premessa 7, investigazzjoni antidumping parallela fuq l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-MSG li joriġina fl-Indoneżja nbdiet fl-istess data bħall-investigazzjoni ta' rieżami ta' skadenza attwali (9). Parti interessata ddikjarat li t-Tajlandja ma kinitx pajjiż analogu xieraq minħabba li l-produttur Tajlandiż li kkopera kien jagħmel parti mill-istess grupp ta' kumpaniji bħall-applikant. Barra minn hekk, kien argumentat li kien hemm nuqqas ta' kompetizzjoni fis-suq Tajlandiż u li l-bejgħ domestiku fit-Tajlandja kien prinċipalment f'pakketti żgħar għal-livell tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li l-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni kienu allegatament f'boroż kbar jew bl-ingrossa għall-użu industrijali.

(32)

Il-Kummissjoni talbet lil aktar minn ħames produtturi magħrufa tal-prodott simili fit-Tajlandja biex jipprovdu informazzjoni. Produttur wieħed biss fit-Tajlandja ppreżenta ruħu u ssottometta tweġiba għall-kwestjonarju. Dan il-produttur kien parti mill-istess grupp bħall-applikant. B'kuntrast ma' dak li ntqal minn parti interessata, li tkun parti mill-istess grupp bħall-applikant ma jimplikax awtomatikament li l-valur normali mhuwiex affidabbli. Il-parti interessata kkonċernata lanqas ma spjegat kif ir-relazzjoni seta' kellha impatt fuq il-valur normali fis-suq domestiku fit-Tajlandja. Għalhekk, dan l-argument għandu jkun miċħud.

(33)

Kif stabbilit fil-premessa 24, l-investigazzjoni wriet li l-MSG prodott u mibjugħ fis-suq domestiku fit-Tajlandja kellu l-istess karatteristiċi tekniċi, fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użijiet finali bażiċi bħall-prodott immanifatturat u esportat mill-produtturi esportaturi Ċiniżi lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, il-proċessi tal-produzzjoni fiċ-Ċina kienu simili meta mqabbla ma' dawk fis-suq Tajlandiż. Fl-aħħar nett, fit-Tajlandja kien hemm livell konsiderevoli ta' kompetizzjoni ma' diversi produtturi domestiċi u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, inkluża ċ-Ċina. Barra minn hekk, b'kuntrast ma' dak li ntqal, l-investigazzjoni wriet li l-bejgħ domestiku fit-Tajlandja kien bl-ingrossa u bl-imnut. Għalhekk, l-argument li t-Tajlandja ma tkunx għażla xierqa bħala pajjiż analogu għal dawk ir-raġunijiet għandu jiġi miċħud.

(34)

Il-produtturi esportaturi Indoneżjani qablu li d-dejta tagħhom pprovduta fil-kuntest tal-investigazzjoni parallela msemmija fil-premessa 7 għandha tintuża għall-fini tal-investigazzjoni ta' rieżami ta' skadenza attwali. Kif stabbilit fil-premessa 24, l-investigazzjoni wriet li l-MSG prodott u mibjugħ fis-suq domestiku fl-Indoneżja kellu l-istess karatteristiċi tekniċi, fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użijiet finali bażiċi bħall-prodotti mmanifatturati u esportati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli l-proċessi ta' produzzjoni fiċ-Ċina kienu simili meta mqabbla mas-suq Indoneżjan. Finalment, fl-Indoneżja kien hemm livell konsiderevoli ta' kompetizzjoni ma' diversi produtturi domestiċi u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, inkluża ċ-Ċina. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-bejgħ domestiku fl-Indoneżja kien kemm bl-ingrossa kif ukoll bl-imnut.

(35)

Minn dan ta' hawn fuq isegwi li ż-żewġ pajjiżi, it-Tajlandja u l-Indoneżja kienu potenzjalment xierqa li jkunu magħżula bħala pajjiż analogu. Madankollu, minħabba li l-livell ta' dettall disponibbli mill-produtturi esportaturi Indoneżjani suġġett għall-investigazzjoni parallela kien ħafna ogħla minn dak mill-uniku produttur li kkoopera fit-Tajlandja, il-Kummissjoni kienet iktar raġonevoli li tagħżel l-Indoneżja bħala pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(b)   Valur normali

(36)

L-informazzjoni li waslet mingħand il-produtturi li kkooperaw fl-Indoneżja kienet użata bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali għal produtturi esportaturi fiċ-Ċina.

(37)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku għal kull wieħed mill-produtturi li kkooperaw fl-Indoneżja kienx rappreżentattiv matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-bejgħ domestiku kien jiġi kkunsidrat rappreżentattiv jekk il-volum tal-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku kien jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Instab li l-bejgħ domestiku fl-Indoneżja kien rappreżentattiv għal kull wieħed mill-produtturi. Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies bħala magħmul fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgћ domestiku lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku li kellu qligħ matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(38)

Billi nstab li l-bejgħ domestiku sar fi kwantitajiet suffiċjenti u fl-andament normali tal-kummerċ, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, li ġie kkalkulat bħala l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(c)   Prezz tal-esportazzjoni

(39)

Fin-nuqqas ta' kull kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-prezz tal-esportazzjoni ġie bbażat fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(40)

Il-prezz tal-esportazzjoni għalhekk ġie stabbilit fuq il-bażi tal-istatistika, jiġifieri l-Eurostat, ikkalkolat fuq bażi medja ponderata.

(d)   Paragun u aġġustamenti

(41)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika. Fejn kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għall-ispejjeż tal-merkanzija u t-trasport, filwaqt li tqiesu l-aġġustamenti għall-valur normali tal-produtturi esportaturi Indoneżjani kif stabbilit fl-investigazzjoni parallela msemmija fil-premessa 41 tar-Regolament provviżorju.

(42)

Barra minn hekk, parti interessata ddikjarat li l-produtturi esportaturi Ċiniżi għandhom vantaġġi fl-ispejjeż komparattivi fuq il-produtturi Tajlandiżi rigward il-proċess tal-produzzjoni (integrazzjoni vertikali), l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima u l-konsum tal-enerġija. Peress li l-Indoneżja ntużat bħala pajjiż analogu, dan l-argument kien irrilevanti. Rigward l-Indoneżja u kif deskritt fil-premessa 34, il-proċessi tal-produzzjoni tal-MSG fiċ-Ċina kienu simili meta mqabbla mas-suq Indoneżjan. Għandu jiġi nnutat li l-produtturi tal-MSG kollha madwar id-dinja jużaw metodi simili ta' produzzjoni. Il-MSG huwa magħmul permezz tal-fermentazzjoni ta' diversi sorsi taz-zokkor (lamtu tal-qamħirrum, lamtu tat-tapjoka, xropp taz-zokkor, melassa tal-kannamieli taz-zokkor u melassa tal-pitravi taz-zokkor).

(e)   Marġni ta' dumping

(43)

Parti interessata stqarret li l-esportazzjonijiet miċ-Ċina kienu prinċipalment bl-ingrossa, filwaqt li l-bejgħ domestiku fit-Tajlandja huwa prinċipalment bl-imnut. Għalhekk, kien argumentat li l-marġni tad-dumping għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' bejgħ bl-ingrossa biss. Peress li ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkoopera, l-ebda informazzjoni ma kienet disponibbli dwar il-kundizzjonijiet ta' bejgħ, livell ta' kummerċ jew imballaġġ tal-bejgħ għall-esportazzjoni Ċiniż.

(44)

Barra minn hekk, peress li l-Indoneżja ntużat bħala pajjiż analogu, dan l-argument kien irrilevanti. Fi kwalunkwe każ, irrispettivament minn jekk il-bejgħ bl-imnut kienx inkluż jew le, il-paragun wassal fil-każijiet kollha għal marġni ta' dumping sinifikanti kif jidher fil-premessa 47.

(45)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkalkulat l-marġni tad-dumping fuq il-bażi tal-valur normali stabbilit fil-pajjiż analogu. Il-paragun wassal għal marġni tad-dumping sinifikanti kif muri fil-premessa 47.

(46)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat skont l-Artikolu 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku. Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, it-tipi ta' prodotti esportati miċ-Ċina ma setgħux jiġu determinati. Għalhekk, ma kienx possibbli paragun skont it-tip ta' prodott. Minflok, it-tqabbil kellu jkun ibbażat fuq id-dejta statistika tal-prezz tal-esportazzjoni kif spjegat fil-premessi 39 u 40.

(47)

Fuq din il-bażi, il-marġni tad-dumping medja ponderat espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni kienet iktar minn 25 % fil-każijiet kollha.

3.   L-Iżvilupp tal-importazzjonijiet f'każ li jiġu mħassra l-miżuri

(a)   Kumment preliminari

(48)

Minbarra s-sejba tal-eżistenza tad-dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, ġiet investigata l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping f'każ li jiġu mħassra l-miżuri u ġew analizzati l-elementi li ġejjin: il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fiċ-Ċina; l-attrattività tas-suq tal-Unjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet miċ-Ċina.

(b)   Il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina

(49)

Minkejja l-miżuri fis-seħħ, il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdied matul il-perjodu kkunsidrat b'65 %, b'żieda korrispondenti fis-sehem mis-suq ta' 68 % kif stabbilit fil-premessa 81. Madankollu, minkejja din iż-żieda f'termini relattivi, il-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi u s-sehem mis-suq f'termini assoluti baqgħu baxxi matul il-perjodu kollu kkunsidrat.

(50)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-prezzijiet tal-importazzjoni kienu stabbiliti abbażi tal-Eurostat. Il-prezzijiet tal-importazzjoni medji miċ-Ċina naqsu b'mod kontinwu mis-SF2010/2011 sal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u b'mod ġenerali b'20 % matul il-perjodu kkunsidrat kif stabbilit fil-premessa 84 u nstabu li kienu oġġett ta' dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Ġie stabbilit ukoll li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni b'medja ta' aktar minn 10 % jekk jitqiesu mingħajr dazji antidumping.

(c)   Kapaċità tal-produzzjoni u kapaċità żejda fiċ-Ċina

(51)

Kapaċità tal-produzzjoni u kapaċità żejda fiċ-Ċina kienu stabbiliti fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant. Peress li din id-dejta ma kinitx pubblikament disponibbli, il-Kummissjoni għamlet kontroverifika tagħha ma' sorsi oħra disponibbli pubblikament, inklużi artikoli mill-istampa mqiegħda fil-fajl miftuħ għal spezzjoni mill-partijiet interessati. Fuq din il-bażi, iċ-Ċina hija l-akbar pajjiż produttur tal-MSG fid-dinja b'kapaċità tal-produzzjoni annwali u produzzjoni annwali li żdiedu matul il-perjodu kkunsidrat. Fl-2012, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-MSG kienet ta' 3,5 sa 4 miljun tunnellata filwaqt li l-produzzjoni tal-MSG kienet minn 2,5 sa 3 miljun tunnellata. Għalhekk, fl-2012, il-kapaċità żejda tal-produzzjoni kienet bejn 600 000 u 900 000 tunnellata.

(52)

Skont l-istess sors, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-produzzjoni tal-MSG fiċ-Ċina se jikbru aktar sal-2017, hekk kif id-domanda tal-MSG fiċ-Ċina qed tiżdied.

(53)

Fl-2011, il-Gvern Ċiniż permezz tal-Ministeru tal-Industrija u t-Teknoloġija tal-Informatika taċ-Ċina (MIIT) nieda politika ġenerali biex tiġi eliminata teknoloġija tal-impjanti qadima u ineffiċjenti li kienet tikkonċerna 19-il industrija ewlenin fiċ-Ċina, inkluż il-MSG. Ir-riżultat kien tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' produtturi tal-MSG fiċ-Ċina. Fuq din il-bażi, parti interessata waħda ddikjarat li l-kapaċità probabbilment ma kinitx żdiedet fiċ-Ċina. L-investigazzjoni wriet li fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba u l-artikli mill-istampa, kumpaniji ikbar żiedu l-kapaċità tagħhom. Bħala riżultat il-kapaċità tal-produzzjoni tal-MSG fiċ-Ċina b'mod ġenerali żdiedet u l-argument mill-parti kkonċernata għandu għalhekk jiġi miċħud.

(54)

Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, l-inventarju tal-MSG fiċ-Ċina kiber b'mod kostanti f'dawn l-aħħar snin u kien aktar minn darbtejn ikbar mill-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Parti interessata ddikjarat li, peress li l-informazzjoni dwar l-inventarju żejjed allegat ma kinitx disponibbli fil-fajl mhux kunfidenzjali, ma tkunx verifikabbli għall-partijiet interessati u m'għandhiex titqies. Barra minn hekk, intqal li l-inventarju żejjed jidher improbabbli minħabba t-tnaqqis ta' kapaċitajiet mill-gvern Ċiniż. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-partijiet interessati kkonċernati ma pprovdew l-ebda evidenza biex jissostanzjaw din id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, kif spjegat diġà fil-premessa 27, l-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, l-użu tal-fatti disponibbli kellu jsir b'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista' ma tagħtix każ tal-informazzjoni mressqa b'mod kunfidenzjali f'każ li l-ebda taqsira mhux kunfidenzjali sinifikanti ma tiġi pprovduta, iżda n-nuqqas ta' sottomissjoni ta' tali taqsira ma għandux iwassal għaċ-ċaħda awtomatika tal-informazzjoni pprovduta b'mod kunfidenzjali. Filwaqt li mhux l-elementi kollha li jinsabu fit-talba setgħu jiġu verifikati, inkluża l-informazzjoni provduta dwar l-inventarji Ċiniżi, f'dan il-każ, l-informazzjoni pprovduta kienet madankollu kkunsidrata bħala raġonevoli u korretta, peress li hija segwiet l-istess direzzjoni bħall-informazzjoni mogħtija mill-applikant li tista' tiġi kontroverifikata. Barra minn hekk, peress li l-kapaċità tal-produzzjoni globali fiċ-Ċina żdiedet kif deskritt fil-premessa 51, l-inventarju żejjed ma kienx l-uniku element li jappoġġa l-konklużjoni li l-produtturi esportaturi Ċiniżi għandhom kapaċità żejda sinifikanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, kull fejn kien possibbli, għamlet kontroverifiki ma' sorsi oħrajn disponibbli bħal artikli mill-istampa u użat biss l-informazzjoni meta kienet sodisfatta li kienet raġonevoli u affidabbli biżżejjed. Għalhekk, dan l-argument m'għandux jiġi aċċettat.

(55)

Wara d-divulgazzjoni, l-istess parti interessata ddikjarat li l-Kummissjoni ma kinitx ibbażat is-sejbiet tagħha fuq il-fatti kif meħtieġ mill-Artikolu 11(3) tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Antidumping (10) iżda biss fuq preżunzjonijiet. Din il-parti saħħqet id-dikjarazzjonijiet tagħha rigward l-allegat tnaqqis tal-kapaċità u l-kapaċità żejda fiċ-Ċina.

(56)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 27, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkoopera fl-investigazzjoni u għalhekk il-Kummissjoni kellha tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Kif deskritt ukoll hawn fuq fil-premessi 29 u 51, l-informazzjoni użata kienet prinċipalment dik mogħtija mill-applikant fl-applikazzjoni tiegħu għat-talba, debitament kontroverifikata meta dan kien possibbli. Peress li din kienet l-unika informazzjoni affidabbli disponibbli, id-dikjarazzjoni li s-sejbiet kienu bbażati fuq sempliċi preżunzjonijiet ġiet miċħuda.

(57)

L-informazzjoni pprovduta mill-parti interessata kkonċernata wkoll ġiet ikkunsidrata. Madankollu, fir-rigward tal-kapaċità disponibbli u l-kapaċità żejda fiċ-Ċina, il-parti interessata kkonċernata pprovdiet informazzjoni kontradittorja. Pereżempju, kuntrarjament għal dak li l-parti sostniet, il-provi annessi mas-sottomissjonijiet tagħha wrew żieda fil-kapaċità tal-MSG fiċ-Ċina aktar milli tnaqqis. Dan huwa konformi mas-sejbiet tal-Kummissjoni kif stabbilit fil-premessa 53 hawn fuq. Id-dikjarazzjoni tal-parti li l-kapaċità ġenerali fiċ-Ċina x'aktarx tonqos kienet għalhekk miċħuda.

(58)

Huwa għalhekk konkluż li l-produtturi esportaturi Ċiniżi għandhom kapaċità żejda sinifikanti li x'aktarx tintuża għal esportazzjonijiet addizzjonali sostanzjali lejn l-Unjoni, kif spjegat hawn taħt fil-premessi 61 u 62, jekk il-miżuri antidumping jiskadu.

(d)   L-attrattività tas-suq tal-Unjoni

(59)

Matul il-perjodu kkunsidrat, minħabba l-miżuri fis-seħħ, is-suq tal-Unjoni kien jirrappreżenta biss parti żgħira tal-esportazzjonijiet Ċiniżi. Parti interessata ddikjarat li l-Unjoni ma tkunx suq attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi peress li d-domanda għall-MSG fl-Asja u f'ekonomiji emerġenti oħrajn inkluża ċ-Ċina hija mistennija li tiżdied. Din il-parti allegat ukoll li minħabba li l-livelli tal-prezzijiet miċ-Ċina lejn pajjiżi terzi oħra jkunu bħala medja ogħla jew simili tal-livelli tal-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż lejn l-Unjoni, il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma jkollhomx inċentiv biex iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni.

(60)

Filwaqt li l-investigazzjoni sabet li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn pajjiżi terzi kienu bħala medja kemxejn ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni, dan jista' jkun dovut għall-fatt li l-produtturi esportaturi Ċiniżi naqqsu l-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni minħabba d-dazji antidumping fis-seħħ. Għalhekk, din mhux bilfors tagħti indikazzjoni tal-livell possibbli tal-prezzijiet f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu. Għall-kuntrarju, minħabba l-livell tad-dazji antidumping fis-seħħ, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jkunu kapaċi jgħollu l-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom, filwaqt li xorta jibqgħu f'livelli dumped u li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(61)

Anki jekk il-konsum domestiku fiċ-Ċina u l-konsum fil-bqija tal-Asja u swieq emerġenti oħra huma mistennija li jikbru, il-livell ta' kapaċità żejda tal-produzzjoni fiċ-Ċina jissuġġerixxi inċentiv qawwi biex jinstabu swieq alternattivi biex jassorbu din il-kapaċità żejda.

(62)

Il-Kummissjoni qieset ukoll l-impożizzjoni possibbli ta' miżuri kontra l-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-MSG lejn l-Istati Uniti tal-Amerika (“l-Istati Uniti”) wara li għaddejjin investigazzjonijiet antidumping u antisussidji paralleli mwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti kontra ċ-Ċina dwar l-istess prodott. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti fil-fatt imponew miżuri antidumping definittivi fis-26 ta' Novembru 2014. Erba' produtturi esportaturi Ċiniżi kienu assenjati rati individwali, stabbiliti f'20,09 %, filwaqt li d-dazju residwu kien stabbilit f'39,03 %. Konsegwentement, l-aċċess għas-suq tal-Istati Uniti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi x'aktarx jitnaqqas u kwantitajiet kbar ta' MSG Ċiniż jistgħu jiġu diretti mill-ġdid lejn is-suq tal-Unjoni, speċjalment jekk il-miżuri fl-Unjoni jitħallew jiskadu fl-istess ħin. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fl-2013 madwar 26 600 tunnellata tal-MSG miċ-Ċina kienu esportati lejn l-Istati Uniti, li kienu jikkorrispondu għal parti sinifikanti tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(63)

Barra minn hekk, il-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni u l-prezz tal-importazzjoni medju tal-produtturi esportaturi Indoneżjani fl-Unjoni kif stabbilit fl-investigazzjoni parallela msemmija fil-premessa 61 u 80 tar-regolament provviżorju kienu t-tnejn ogħla meta mqabbla mal-prezzijiet tal-importazzjoni medji Ċiniżi lejn l-Unjoni mingħajr dazji antidumping u mal-prezzijiet tal-importazzjoni medji Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħra. Din l-analiżi, minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, kienet ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli, jiġifieri l-bażi tad-dejta tal-esportazzjoni Ċiniża. L-imġiba tal-ipprezzar tal-esportaturi Ċiniżi indikat li, jekk il-miżuri antidumping jitħallew jiskadu, l-Unjoni tkun suq attraenti għall-esportaturi Ċiniżi, peress li tabilħaqq ikunu kapaċi jgħollu l-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni.

(64)

Iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi, minkejja l-miżuri fis-seħħ, ukoll uriet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi komplew ikunu interessati fis-suq tal-Unjoni. Is-suq tal-Unjoni għall-MSG jibqa' tabilħaqq attraenti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi, abbażi tal-livelli tal-prezzijiet osservati. Dan l-interess x'aktarx li jiżdied jekk il-miżura tiġi mħassra.

(65)

Wara d-divulgazzjoni, il-parti interessata msemmija hawn fuq saħħqet id-dikjarazzjoni tagħha rigward id-domanda domestika li qed tiżdied għall-MSG fiċ-Ċina, il-volumi tal-esportazzjoni baxxi miċ-Ċina lejn l-Unjoni, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet ogħla tal-MSG Ċiniż lejn pajjiżi terzi oħra meta mqabbla mal-Unjoni. Din il-parti ddikjarat li dawn l-elementi ma kinux ġew ikkunsidrati fl-analiżi tal-Kummissjoni.

(66)

L-ewwel nett, id-dikjarazzjoni li l-iżvilupp tal-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda Ċiniżi, iż-żieda fid-domanda domestika għall-MSG fiċ-Ċina, il-volumi baxxi tal-esportazzjoni miċ-Ċina lejn l-Unjoni, is-sehem mis-suq tagħha kif deskritt fil-premessa 49 u l-livelli tal-prezzijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni u pajjiżi terzi oħra ma kinux ġew meqjusa hija bla bażi. Dawn l-elementi kienu tabilħaqq analizzati kif muri hawn fuq fil-premessi 49 sa 64 u l-konklużjonijiet rilevanti ġew divulgati lill-partijiet interessati. It-tieni, il-parti kkonċernata ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida biex issostni l-allegazzjonijiet tagħha minbarra l-elementi stabbiliti mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni.

(67)

Fl-aħħar nett, il-parti kkonċernata kkontestat il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 62 li l-esportazzjonijiet Ċiniżi jistgħu jiġu diretti mill-ġdid mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni minħabba l-miżuri antidumping imposti mill-awtoritajiet Amerikani fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-MSG miċ-Ċina lejn l-Istati Uniti.

(68)

Madankollu, kif ġie spjegat diġà fil-premessa 62 huwa nnutat li jekk il-miżuri fl-Unjoni jitħallew jiskadu, minħabba l-miżuri antidumping imposti fuq l-esportazzjonijiet tal-MSG Ċiniżi lejn l-Istati Uniti, huwa probabbli li l-esportazzjonijiet Ċiniżi jiġu diretti mill-ġdid lejn is-suq tal-Unjoni.

(69)

Għalhekk id-dikjarazzjonijiet tal-parti f'dan ir-rigward kellhom jiġu rifjutati.

4.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping

(70)

L-analiżi ta' hawn fuq uriet li l-importazzjonijiet Ċiniżi komplew jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet dumped b'marġnijiet tad-dumping sinifikanti. Fid-dawl tas-sejbiet dwar il-kapaċità tal-produzzjoni żejda sinifikanti disponibbli fiċ-Ċina u l-probabbiltà li l-esportazzjonijiet jerġgħu jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti u bi prezzijiet dumped, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm probabbiltà kbira ta' tkomplija ta' dumping jekk il-miżuri jitħassru.

D.   ID-DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(71)

Il-prodott simili kien manifatturat minn produttur wieħed tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Huwa jikkositwixxi l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(72)

Peress li l-industrija tal-Unjoni hija magħmula minn produttur wieħed biss, iċ-ċifri kollha relatati ma' dejta sensittiva kellhom jiġu indiċjati jew jingħataw f'firxa għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

E.   IS-SITWAZZJONI TAS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Konsum tal-Unjoni

(73)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-konsum tal-Unjoni billi żiedet il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni mal-importazzjonijiet miċ-Ċina u pajjiżi terzi oħra, abbażi tal-Eurostat, u d-dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani suġġetti għal investigazzjoni antidumping parallela msemmija fil-premessa 7.

(74)

Parti interessata ddikjarat li l-kodiċijiet NM rilevanti fil-Eurostat ikopru wkoll prodotti oħra minbarra l-prodott ikkonċernat u l-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina jista' għalhekk jinkludi l-aċtu glutamiku u l-imluħ tiegħu. Madankollu, peress li d-dejta tal-importazzjoni ġiet estratta mill-Eurostat fil-livell tal-kodiċi TARIC (tariffa integrata tal-Unjoni Ewropea), din kopriet biss il-prodott ikkonċernat u għalhekk, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(75)

L-istess parti interessata ddikjarat li mhux il-MSG kollu prodott fiċ-Ċina u esportat lejn l-Unjoni kellu grad ta' purità meħtieġa fl-Unjoni għall-addittivi tal-ikel u staqsiet jekk dan kienx għalhekk rifless fil-volumi tal-importazzjoni miċ-Ċina. Kif stabbilit fil-premessa 22, it-tipi kollha tal-MSG indipendentement mil-livelli ta' purità tagħhom jaqgħu fl-ambitu tal-investigazzjoni attwali u għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(76)

Fuq din il-bażi, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Indiċi (SF2010/SF2011 = 100)

100

87

93

98

Sors: L-Eurostat u r-risposti għall-kwestjonarji/dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani.

(77)

Il-konsum tal-Unjoni naqas bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012, u reġa' żdied xi ftit fis-SF2012/2013 u fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Kumplessivament, tul il-perjodu kkunsidrat il-konsum naqas b'2 %. It-tnaqqis fil-konsum bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012 kien dovut l-aktar minħabba tnaqqis fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, li rriżulta minn tnaqqis fil-produzzjoni matul l-istess perjodu (ara l-premessa 100). It-total tal-importazzjonijiet baqa' f'livelli simili fl-istess perjodu. Iż-żieda fil-konsum fis-SF2012/2013 hija kważi esklussivament dovuta minħabba żieda fl-importazzjonijiet totali, minħabba li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni baqa' ġeneralment fl-istess livell. Fl-aħħar nett, matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, filwaqt li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni reġa' naqas, il-volumi tal-importazzjoni żdiedu b'mod konsiderevoli, notevolment mill-Indoneżja (ara l-premessa 88).

(78)

Parti interessata ddikjarat li d-deskrizzjoni tal-iżvilupp fil-konsum mhijiex kompluta minħabba li ma tqisx li l-importazzjonijiet Vjetnamiżi tal-MSG ġew sostitwiti minn importazzjonijiet Indoneżjani u li l-utenti, b'konsegwenza ta' dan, m'għadhomx jantiċipaw aktar żidiet fil-prezzijiet u naqqsu l-inventarji tagħhom. Filwaqt li huwa minnu li l-importazzjonijiet tal-MSG minn pajjiżi terzi oħra inklużi mill-Vjetnam naqsu matul il-perjodu kkunsidrat u dawk tal-Indoneżja żdiedu, dan ma jaffettwax l-iżvilupp tal-konsum ġenerali fl-Unjoni bħala tali. Bl-istess mod, l-effetti ta' kull żvilupp fil-flussi tal-importazzjoni u r-rispons possibbli ta' operaturi ekonomiċi bħall-utenti għal dawn l-iżviluppi, ma għandhom ebda effett fuq l-iżvilupp tal-konsum bħala tali. Għaldaqstant, dan l-argument huwa miċħud.

2.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(a)   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(79)

Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu stabbiliti fuq il-bażi tal-Eurostat u d-dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani suġġetta għall-investigazzjoni antidumping parallela msemmija fil-premessa 7.

(80)

Il-volum tal-importazzjoni lejn l-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat u s-sehem mis-suq żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Il-volum tal-importazzjoni u s-sehem mis-suq

Pajjiż

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Iċ-Ċina

Volum (tunnellati)

1 518

758

1 923

2 509

Indiċi

100

50

127

165

Indiċi tas-sehem mis-suq

100

57

136

168

Sors: L-Eurostat u r-risposti għall-kwestjonarji/dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani.

(81)

Il-volumi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu mis-SF2010/2011 sas-SF2011/2012, iżda żdiedu sostanzjalment fis-SF2012/2013 u għal darba oħra matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Kumplessivament, il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdied b'65 % matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq korrispondenti wera xejra simili, jiġifieri naqas l-ewwel bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012 u mbagħad żdied sostanzjalment sal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Kumplessivament, tul il-perjodu kkunsidrat is-sehem mis-suq żdied b'68 %. Minkejja dawn iż-żidiet f'termini relattivi, kemm il-volum kif ukoll is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi f'termini assoluti baqgħu f'livelli baxxi matul il-perjodu kkunsidrat.

(b)   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(82)

Il-prezzijiet tal-importazzjoni ġew stabbiliti abbażi tal-Eurostat.

(83)

It-tabella ta' hawn taħt turi l-prezz medju tal-importazzjonijiet miċ-Ċina:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjoni

Pajjiż

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Iċ-Ċina

Prezz medju (EUR/tunnellata) (11)

1 234

1 199

1 143

992

Indiċi

100

97

93

80

(84)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjoni miċ-Ċina naqsu b'mod kontinwu mis-SF2010/2011 u l-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u b'mod ġenerali b'20 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(85)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami billi qabblet:

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati tal-industrija tal-Unjoni għall-konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika, u

il-prezz tal-esportazzjoni stabbilit fuq il-bażi tal-istatistika dwar l-importazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, jiġifieri l-Eurostat, ikkalkolat fuq bażi medja ponderata, b'aġġustamenti xierqa billi jiġu miżjuda d-dazji doganali, id-dazji antidumping u l-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni.

(86)

Ir-riżultat tal-paragun ma wera l-ebda twaqqigħ tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet miċ-Ċina fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, meta ġie skontat l-effett tad-dazji antidumping, il-marġni tat-twaqqigħ laħaq livell ta' aktar minn 10 %.

3.   Importazzjonijiet mill-Indoneżja

(a)   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja

(87)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja abbażi tal-Eurostat u d-dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani fl-investigazzjoni parallela msemmija fil-premessa 7.

(88)

L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-Indoneżja u s-sehem mis-suq żviluppaw kif ġej:

Tabella 4

Il-volum tal-importazzjoni u s-sehem mis-suq

Pajjiż

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

L-Indoneżja

Volum (tunnellati)

8 638

9 478

18 317

24 385

Indiċi

100

110

212

282

Indiċi tas-sehem mis-suq

100

126

227

287

Sors: L-Eurostat u r-risposti għall-kwestjonarji/dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani.

(89)

Il-volumi tal-importazzjoni mill-Indoneżja kważi ttripplaw matul il-perjodu kkunsidrat. Dawn żdiedu kontinwament u b'mod sinifikanti b'182 % minn 8 638 tunnellata fis-SF2010/2011 għal 24 385 tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(90)

Is-sehem mis-suq korrispondenti kważi ttrippla matul il-perjodu kkunsidrat. Dan żdied b'187 %, minkejja tnaqqis kumplessiv fil-konsum (– 2 %).

(b)   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja

(91)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-Eurostat u d-dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani kampjunati fl-investigazzjoni attwali parallela msemmija fil-premessa 7.

(92)

Il-prezz tal-importazzjonijiet medju lejn l-Unjoni mill-Indoneżja żviluppa kif ġej:

Tabella 5

Prezz tal-importazzjoni

Pajjiż

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

L-Indoneżja

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 266

1 279

1 226

1 162

Indiċi

100

101

97

92

Sors: L-Eurostat u r-risposti għall-kwestjonarji/dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani.

(93)

Il-prezz tal-importazzjoni medju tal-MSG mill-Indoneżja żdied ftit bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012, qabel ma naqas fis-SF2012/2013 u saħansitra aktar fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-prezzijiet tal-importazzjoni medji tal-MSG mill-Indoneżja b'mod ġenerali naqsu bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra mhux suġġetti għal miżuri

(94)

Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żviluppaw kif ġej:

Tabella 6

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

Pajjiż

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Il-Brażil

Volum (tunnellati)

2 321

969

1 070

889

Indiċi

100

42

46

38

Indiċi tas-sehem mis-suq

100

48

49

39

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 218

1 306

1 402

1 365

Indiċi

100

107

115

112

Ir-Repubblika tal-Korea

Volum (tunnellati)

1 248

2 157

923

802

Indiċi

100

173

74

64

Indiċi tas-sehem mis-suq

100

198

79

65

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 231

1 296

1 293

1 277

Indiċi

100

105

105

104

Il-Vjetnam

Volum (tunnellati)

5 707

6 042

1 820

769

Indiċi

100

106

32

13

Indiċi tas-sehem mis-suq

100

121

34

14

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 284

1 291

1 361

1 318

Indiċi

100

101

106

103

Pajjiżi terzi oħra

Volum (tunnellati)

993

681

478

434

Indiċi

100

69

48

44

Indiċi tas-sehem mis-suq

100

79

52

45

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 594

1 718

2 044

2 001

Indiċi

100

108

128

126

Total ta' pajjiżi terzi oħra

Volum (tunnellati)

10 268

9 848

4 291

2 894

Indiċi

100

96

42

28

Indiċi tas-sehem mis-suq

100

110

45

29

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 293

1 323

1 433

1 424

Indiċi

100

102

111

110

Sors: L-Eurostat u r-risposti għall-kwestjonarji/dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani.

(95)

Il-volumi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra b'mod ġenerali naqsu minn 10 268 tunnellata fis-SF2010/2011 għal 2 894 tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, jiġifieri bi 72 % matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq korrispondenti naqas b'71 % fl-istess perjodu. Fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, is-sehem mis-suq ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra rrappreżenta biss madwar kwart tal-livell tiegħu fis-SF2010/2011. Kumplessivament, tul il-perjodu kkunsidrat il-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjżi terzi żdiedu b'10 %.

(96)

Parti interessata qalet li l-importazzjonijiet totali inklużi dawk miċ-Ċina u l-Indoneżja baqgħu stabbli matul il-perjodu kkunsidrat.

(97)

Din l-allegazzjoni kienet f'kontradizzjoni mal-istatistika disponibbli li fuqha huma bbażati s-sejbiet tal-investigazzjoni kif jidher fit-tabella 7 hawn taħt. Fil-fatt, l-importazzjonijiet totali lejn l-Unjoni żdiedu b'46 % matul il-perjodu kkunsidrat. Id-dikjarazzjoni kienet għalhekk miċħuda.

(98)

L-importazzjonijiet totali, inklużi ċ-Ċina u l-Indoneżja, żviluppaw kif ġej:

Tabella 7

Importazzjonijiet Totali

 

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Importazzjonijiet totali

Volum (tunnellati)

20 424

20 084

24 531

29 788

Indiċi

100

98

120

146

Sors: L-Eurostat u r-risposti għall-kwestjonarji/dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani.

5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(99)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(a)   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(100)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 8

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Volum tal-produzzjoni

Indiċi

100

95

107

91

Kapaċità tal-produzzjoni

Indiċi

100

100

100

100

Użu tal-kapaċità

Indiċi

100

95

107

91

Sors: tweġiba għall-kwestjonarju.

(101)

Il-produzzjoni varjat matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li naqset bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012, hija żdiedet bejn is-SF2011/2012 u s-SF2012/2013 u laħqet l-aktar livelli baxxi matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. L-investigazzjoni wriet li l-fluttwazzjonijiet kienu prinċipalment ikkawżati mix-shutdowns għall-manutenzjoni li l-industrija tal-Unjoni għamlet kull 15-il xahar u mill-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp matul ix-xitwa tal-2010/2011 li fixklu l-provvista ta' materja prima ewlenija (l-ammonja). Matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, ix-shutdown għall-manutenzjoni kien estiż f'tentattiv biex jitbaxxa l-livell għoli tal-inventarji. Kumplessivament, tul il-perjodu kkunsidrat il-volum tal-produzzjoni naqas b'9 %.

(102)

Parti waħda sostniet li l-volum tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità naqsu biss wara li żdiedu b'mod sostanzjali fil-perjodu qabel il-perjodu kkunsidrat. Abbażi ta' dan, il-parti argumentat li x-xejra ta' tnaqqis ta' dawn il-fatturi għalhekk ma turix dannu. Sabiex jiġu stabbiliti xejriet ta' diversi indikaturi tad-dannu, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq il-perjodu kkunsidrat li ġie determinat fil-bidu tal-investigazzjoni. Il-perjodu kkunsidrat jikkonsisti mill-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u t-tliet snin finanzjarji preċedenti li jikkorrispondu għal prattika konsistenti. Is-sempliċi fatt li ċerti indikaturi tad-dannu juru valuri ogħla qabel il-perjodu kkunsidrat mhijiex raġuni biżżejjed biex tinbidel din il-prattika. Għalhekk, huma biss ix-xejriet matul il-perjodu kkunsidrat li jistgħu jiġu kkunsidrati. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(103)

Il-kapaċità tal-produzzjoni kumplessivament baqgħet stabbli fil-perjodu kkunsidrat.

(104)

B'riżultat tat-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni u l-kapaċità tal-produzzjoni stabbli, l-użu tal-kapaċità żviluppa skont il-volum tal-produzzjoni, jiġifieri l-ewwel naqas fis-SF2011/2012, imbagħad żdied fis-SF2012/13 u reġa' naqas fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Globalment, l-użu tal-kapaċità naqas b'9 % matul il-perjodu kkunsidrat, bi qbil mat-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni.

(b)   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(105)

Il-volumi tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 9

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Volum tal-bejgħ fl-Indiċi tal-Unjoni

100

84

85

83

Sehem mis-suq

Indiċi

100

96

91

85

Sors: risposti għall-kwestjonarji, l-Eurostat u r-risposti għall-kwestjonarji/dejta pprovduta mill-produtturi esportaturi Indoneżjani.

(106)

Il-volum tal-bejgħ tal-MSG mill-industrija tal-Unjoni naqas bi 17 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-volum tal-bejgħ naqas l-aktar bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012, filwaqt li fis-snin ta' wara huwa baqa' relattivament stabbli. It-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ, flimkien mat-tnaqqis parallel fil-konsum u ż-żieda fl-importazzjonijiet prinċipalment mill-Indoneżja, wasslu għal tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni b'ammont globali ta' madwar 15 % matul il-perjodu kkunsidrat. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b'4 % bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012, li ħabat ma' żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Indoneżjani u Ċiniżi fl-istess perjodu. Bejn is-SF2012/2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kompla jonqos b'mod regolari, filwaqt li l-volumi tal-importazzjoni u l-ishma mis-suq mill-Indoneżja żdiedu sostanzjalment. Bl-istess mod, l-importazzjonijiet u s-sehem mis-suq miċ-Ċina żdiedu matul il-perjodu kkunsidrat, għalkemm baqgħu f'livelli baxxi matul dan il-perjodu.

(c)   It-tkabbir

(107)

Filwaqt li l-konsum tal-Unjoni naqas bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 17 % li ssarraf f'telf ta' sehem mis-suq ta' 15 %.

(d)   L-impjieg u l-produttività

(108)

L-impjieg u l-produttività żviluppaw kif ġej tul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

L-impjieg u l-produttività

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Għadd ta' impjegati

Indiċi

100

103

107

108

Produttività (unità/impjegat)

Indiċi

100

92

100

85

Sors: tweġiba għall-kwestjonarju.

(109)

L-impjieg fl-industrija tal-Unjoni żdied b'mod kontinwu u kumplessivament bi 8 % fil-perjodu kkunsidrat. Din iż-żieda hija prinċipalment dovuta għall-integrazzjoni fl-2011 ta' kumpanija li qabel kienet affiljata u l-espansjoni tad-dipartiment tal-manutenzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(110)

Il-produttività naqset minħabba l-kombinazzjoni ta' żieda fl-impjieg u t-tnaqqis fil-produzzjoni kif muri fit-tabella 8 fil-premessa 100.

6.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping preċedenti

(111)

Il-marġni tad-dumping stabbilit għaċ-Ċina kien ferm ogħla mil-livell de minimis, filwaqt li l-volum tal-importazzjoni miċ-Ċina baqa' baxx matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, jekk il-miżuri jitħassru, l-impatt tal-marġnijiet effettivi tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni jkun sinifikanti minħabba l-volum li qed jiżdied u l-prezzijiet ta' importazzjonijiet li qed jonqsu miċ-Ċina u l-iżvilupp mistenni ta' importazzjonijiet Ċiniżi jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. B'mod parallel, fl-investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet tal-MSG mill-Indoneżja, imsemmija fil-premessa 7, marġnijiet tad-dumping sostanzjali kienu stabbiliti għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mill-Indoneżja, li żiedu b'mod sostanzjali s-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(112)

L-industrija tal-Unjoni kienet għadha fi proċess ta' rkupru mill-effetti ta' dumping dannuż fil-passat minn importazzjonijiet tal-MSG li joriġina miċ-Ċina, kif imsemmi fil-premessa 124. Peress li importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indoneżja żdiedu b'mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat u nstabu li kienu kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni (12), jista' jiġi konkluż li dan il-proċess ta' rkupru nqaleb.

(a)   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(113)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lill-konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Prezz medju tal-bejgħ ta' unità fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

Indiċi

100

107

101

97

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

Indiċi

100

120

124

130

Sors: tweġiba għall-kwestjonarju.

(114)

Il-prezz tal-bejgħ unitarju medju tal-industrija tal-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati naqas bi 3 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-ewwel żdied b'7 % bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012, imma naqas kontinwament minn dak iż-żmien sal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Iż-żieda fil-prezz bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012 tista' titqies bħala konsegwenza taż-żidiet fl-ispejjeż matul l-istess perjodu, għalkemm iż-żieda fl-ispiża kienet akbar miż-żieda fil-prezzijiet. Fl-istess żmien l-importazzjonijiet Indoneżjani żdiedu u eżerċitaw pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. B'konsegwenza, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu b'6 % bejn is-SF2011/2012 u s-SF2012/2013 u b'4 % oħra bejn is-SF2012/2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(115)

Il-kost unitarju tal-produzzjoni żdied bi 30 % matul il-perjodu kkunsidrat. Kien hemm żieda kontinwa li bdiet mis-SF 2011/2012 li kienet prinċipalment dovuta għal żieda fil-materja prima u l-kost lavorattiv. Kif imsemmi hawn fuq, din iż-żieda fl-ispejjeż ma setgħetx tkun riflessa b'żieda ekwivalenti fil-prezz minħabba l-pressjoni tal-prezz tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indoneżja.

(116)

Parti interessata talbet lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk l-inklużjoni potenzjali ta' prodotti sekondarji fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni setgħetx tkun żiedet artifiċjalment l-ispiża medja tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni. L-investigazzjoni stabbiliet li l-prodotti sekondarji kienu allokati b'mod korrett u bl-ebda mod ma għawġu x-xenarju tad-dannu. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(b)   Il-kost lavorattiv

(117)

Il-kosts lavorattivi medji tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 12

Kosts lavorattivi medji għal kull impjegat

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Kosts lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

Indiċi

100

117

125

124

Sors: tweġiba għall-kwestjonarju.

(118)

Il-kosts lavorattivi medji għal kull impjegat żdiedu b'24 %. Dan jista' jiġi spjegat prinċipalment biż-żieda fl-isforzi tal-industrija tal-Unjoni biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-ħaddiema u l-persunal tagħha sabiex ittejjeb il-proċess tal-produzzjoni.

(c)   Inventarji

(119)

Il-livelli tal-istokk tal-produttur tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 13

Inventarji

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Stokks tal-għeluq

Indiċi

100

82

164

143

L-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

Indiċi

100

86

153

156

Sors: tweġiba għall-kwestjonarju.

(120)

Kumplessivament, l-istokks tal-għeluq żdiedu bi 43 % matul il-perjodu kkunsidrat. Mis-SF2010/2011 għas-SF 2011/2012 l-istokks tal-għeluq naqsu wara tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni u żieda fil-volum tal-bejgħ għall-esportazzjoni. Mis-SF2011/2012 għas-SF2012/2013, l-istokks żdiedu minħabba żieda fil-produzzjoni filwaqt li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni baqa' kważi stabbli. Mis-SF2012/2013 sal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami l-istokks tal-għeluq naqsu għal darba oħra l-aktar minħabba deċiżjoni li titnaqqas il-produzzjoni f'tentattiv biex jonqsu l-livelli għoljin tal-istokks.

(121)

L-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni naqsu bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012 iżda kważi rduppjaw bejn is-SF2011/2012 u s-SF2012/2013. Dawn komplew jiżdiedu bejn is-SF2012/2013 u l-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. B'mod ġenerali tul il-perjodu kkunsidrat huma żdiedu b'56 %. Iż-żieda fis-SF2012/2013 u waqt il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami għandha titqies fid-dawl ta' volumi li qed jiżdiedu ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indoneżja, filwaqt li l-bejgħ tal-Unjoni baqa' kważi stabbli matul l-istess perjodu.

(d)   Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jinġabar kapital

(122)

Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produttur tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 14

Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

SF2010/2011

SF2011/2012

SF2012/2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati (% tal-fatturat tal-bejgħ)

Indiċi

100

30

– 31

– 80

Fluss tal-flus (EUR)

Indiċi

100

39

– 48

– 19

Investimenti (EUR)

Indiċi

100

182

143

197

Redditu fuq l-investimenti

Indiċi

100

14

– 61

– 110

Sors: tweġiba għall-kwestjonarju.

(123)

Il-Kummisjoni stabbiliet il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tar-redditu ta' dak il-bejgħ. Fis-SF2010/2011 u s-SF2011/2012 il-profittabilità naqset b'mod sinifikanti, iżda xorta baqgħet pożittiva. Mis-SF2012/2013 il-profittabilità saret negattiva. Hija naqset saħansitra aktar fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. B'mod ġenerali l-profittibilità tal-Unjoni naqset b'180 % matul il-perjodu kkunsidrat. Dan l-iżvilupp kien prinċipalment minħabba l-pressjoni tal-prezz tal-importazzjonijiet Indoneżjani li daħlu fl-Unjoni bi prezzijiet dumped u ma ppermettewx lill-industrija tal-Unjoni tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha skont iż-żieda fl-ispejjeż. Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja waħedha l-attività tagħha. Il-fluss tal-flus nett wera l-istess xejra bħall-profittabilità jiġifieri tnaqqis kontinwu matul il-perjodu kkunsidrat b'riżultati negattivi mis-SF2012/2013. Din ix-xejra ġiet enfasizzata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Kumplessivament, il-fluss tal-flus nett naqas b'119 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(124)

L-investimenti żdiedu b'97 % matul il-perjodu kkunsidrat. Huma rrappreżentaw prinċipalment investimenti meħtieġa għall-manutenzjoni u l-konformità ma' rekwiżiti ġuridiċi tas-sikurezza. Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni kienet għadha qed tirkupra minn dumping preċedenti minn produtturi esportaturi Ċiniżi qabel il-perjodu kkunsidrat, hija bdiet ittejjeb is-sitwazzjoni tagħha u kienet profittabbli fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat sas-SF2011/2012. F'dawn iċ-ċirkostanzi saru għadd ta' investimenti li ma setgħux jibqgħu jiġu posposti u dan jispjega ż-żieda sinifikanti tal-livelli ta' investiment fis-SF2011/2012 u s-snin sussegwenti.

(125)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f'perċentwali tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Bħal fil-każ tal-indikaturi finanzjarji l-oħrajn, ir-redditu fuq l-investiment mill-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kien negattiv mis-SF2012/2013, li jirrifletti t-tendenza negattiva fil-profittabilità. B'mod ġenerali, ir-redditu fuq l-investimenti naqas b'210 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(126)

B'kunsiderazzjoni tal-profittabilità u l-fluss tal-flus dejjem jonqsu, l-abilità tal-kumpanija li tiġbor kapital kienet affettwata b'mod negattiv ukoll.

(e)   Konklużjoni dwar id-dannu

(127)

Kważi l-indikaturi tad-dannu ewlenin kollha wrew xejra negattiva. B'hekk, il-volum tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità naqsu b'madwar 9 % u l-volum tal-bejgħ bi 17 % matul il-perjodu kkunsidrat. F'tentattiv biex jikkumpensaw għat-telf fil-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq, il-prezzijiet medji tal-industrija tal-Unjoni naqsu bi 3 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni żdiedu bi 30 % b'mod parallel. B'konsegwenza l-profittabilità, li kienet pożittiva fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat, naqset u saret negattiva fis-SF2012/2013 u kompliet tonqos fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Setgħu jiġu osservati xejriet negattivi simili għall-fluss tal-flus nett kif ukoll għar-redditu fuq l-investimenti.

(128)

L-impjiegi żdiedu bi 8 % matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda matul il-perjodu kkunsidrat tista' tkun spjegata bl-integrazzjoni ta' dik li qabel kienet kumpanija affiljata fl-2011 u l-espansjoni tad-dipartiment tal-manutenzjoni tal-industrija tal-Unjoni. L-investimenti wrew ukoll xejra pożittiva. Dawn kienu prinċipalment marbuta ma' miżuri ta' prevenzjoni u rekwiżiti ta' sigurtà, iżda mhux ma' xi żieda fil-kapaċità. Dawn ix-xejriet pożittivi għalhekk ma jipprekludux l-eżistenza ta' dannu.

(129)

Parti interessata ddikjarat li xejra negattiva f'xi wħud biss mill-indikaturi tad-dannu mhijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm dannu materjali. L-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku ma jeħtieġx li l-indikaturi tad-dannu kollha juru tendenza negattiva, iżda s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni għandha tiġi analizzata billi jiġi vvalutat l-iżvilupp tal-indikaturi kollha tad-dannu fl-intier tiegħu. F'dan il-każ, kważi l-indikaturi kollha tad-dannu wrew xejra negattiva, inklużi l-indikaturi ewlenin bħall-bejgħ u l-volum tal-produzzjoni, is-sehem mis-suq, il-prezzijiet tal-bejgħ medji u l-profittabilità.

(130)

Fuq il-bażi ta' dak ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

F.   PROBABILITÀ TA' RIKORRENZA JEW KONTINWAZZJONI TAD-DANNU

1.   Kumment preliminari

(131)

Kif muri fil-premessi 99 sa 130, l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Matul il-perjodu kkunsidrat kollu, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu preżenti biss fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet limitati, filwaqt li l-volum tal-importazzjoni u s-sehem tas-suq mill-Indoneżja kważi ttripla matul l-istess perjodu. Fl-investigazzjoni parallela dwar l-importazzjonijiet tal-MSG mill-Indoneżja msemmija fil-premessa 7, ġie konkluż li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu ġew dumped u kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, filwaqt li l-importazzjonijiet miċ-Ċina, minħabba l-livelli tal-volum u tal-prezzijiet baxxi tagħhom, ma kkontribwixxewx għal dan id-dannu (13). Fl-istess ħin, kif spjegat fil-premessi 48 u 70, l-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet Ċiniżi saru f'livelli ta' prezzijiet dumped matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u kien hemm probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

2.   L-impatt tal-volum proġettat tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u l-effetti fuq il-prezzijiet f'każ ta' tħassir tal-miżuri

(132)

Il-Kummissjoni vvalutat il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dannu jekk il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa jitħallew jiskadu, jiġifieri l-impatt potenzjali tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq is-suq tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(133)

Din l-analiżi ffukat fuq il-kapaċità żejda tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-attrattività tas-suq tal-Unjoni, l-imġiba fl-ipprezzar tal-produtturi Ċiniżi lejn l-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-MSG mill-Indoneżja kienu kkunsidrati wkoll.

(134)

Kif stabbilit fil-premessa 51, il-kapaċità żejda totali tal-MSG fiċ-Ċina kienet stmata għal madwar 600 000-900 000 tunnellata fl-2012. Dan l-ammont qabeż bil-kbir il-konsum totali tal-Unjoni tal-MSG matul l-istess perjodu.

(135)

Jista' jkun raġonevolment mistenni li, bħala konsegwenza tal-attrattività tas-suq tal-Unjoni deskritta fil-premessi 59 sa 64, li jekk il-miżuri jiġu mħassra, mill-inqas parti minn din il-kapaċità żejda aktarx tiġi diretta mill-ġdid lejn is-suq tal-Unjoni.

(136)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 50, il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi mingħajr dazji antidumping ibaxxu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni b'aktar minn 10 % bħala medja. Dawn ikunu wkoll iktar baxxi mill-prezzijiet tal-importazzjoni Indoneżjani. Fuq din il-bażi, ġie konkluż li, fin-nuqqas ta' miżuri, il-produtturi esportaturi Ċiniżi x'aktarx li jżidu l-pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, u b'hekk iwasslu biex id-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni jmur għall-agħar. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-investigazzjoni antidumping parallela wriet li importazzjonijiet mill-Indoneżja eżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni b'tali mod li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħolli l-prezzijiet tagħha b'konformità maż-żieda fl-ispejjeż tagħha, iżda, għall-kuntrarju kellha tnaqqas il-prezzijiet tagħha matul il-perjodu kkunsidrat.

(137)

Kif spjegat fil-premessa 60, il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi jistgħu jiżdiedu jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Madankollu, filwaqt li jitqiesu l-marġnijiet sinifikanti tat-twaqqigħ tal-prezz stabbiliti meta jitnaqqsu d-dazji antidumping, anke jekk il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi żdiedu tassew ikun hemm għalhekk marġni li jippermetti lill-esportaturi Ċiniżi jżommu l-livelli tal-prezz tal-importazzjoni taħt il-livelli tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li bi probabbiltà kbira jippermettilhom jiksbu aktar ishma mis-suq fis-suq tal-Unjoni. Jekk dan iseħħ, l-industrija tal-Unjoni tkun qed taffaċċja tnaqqis immedjat fil-bejgħ u fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha.

(138)

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-investigazzjoni parallela kontra l-Indoneżja u l-miżuri korrispondenti kontra l-importazzjonijiet tal-MSG minn dan il-pajjiż, l-industrija tal-Unjoni hija mistennija li tkun kapaċi tirkupra mid-dannu materjali mġarrab. Dan il-proċess ta' rkupru jkun ipperikolat jekk l-importazzjonijiet miċ-Ċina jissoktaw fi kwantitajiet sostanzjali u bi prezzijiet dumped, minħabba li l-miżuri jitħallew jiskadu.

3.   Kummenti li waslu wara d-divulgazzjoni

(139)

Wara d-divulgazzjoni, parti waħda interessata sostniet li ż-żamma tal-miżuri mhux se ssaħħaħ is-sitwazzjoni tal-produttur tal-Unjoni billi d-deterjorament tas-sitwazzjoni tagħha hija prinċipalment ikkawżata minn fatturi oħra minbarra l-importazzjonijiet tal-MSG miċ-Ċina. Din il-parti argumentat li dawn il-fatturi jkunu b'mod partikolari l-impatt tal-politika ta' investiment tal-industrija tal-Unjoni fuq il-profittabilità tagħha, iż-żieda fil-kosts tax-xogħol u l-allegat użu ineffiċjenti tar-riżorsi. Intqal li l-effett ta' dawn il-fatturi ma kienx ġie kkunsidrat biżżejjed meta ġiet ivvalutata l-qagħda ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

(140)

Għandu jiġi nnutat li l-parti interessata inkwistjoni ma pprovdiet l-ebda informazzjoni jew evidenza ġdida li tappoġġja dawn l-allegazzjonijiet.

(141)

Rigward l-investimenti li saru mill-industrija tal-Unjoni, din il-parti ma spjegatx sa liema punt dawn l-investimenti setgħu kellhom impatt fuq il-profittabilità tagħhom. Kif deskritt fil-premessa 124, l-investimenti magħmula mill-industrija tal-Unjoni kienu bbażati fuq deċiżjonijiet tan-negozju raġonevoli u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indebiti. Barra minn hekk, il-kosts tal-investiment jiġu deprezzati matul iż-żmien u bħala tali, ma kellhomx impatt sinifikanti fuq il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni.

(142)

Fir-rigward iż-żieda fil-kosts lavorattivi, filwaqt li ma jistgħux jingħataw ċifri preċiżi għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, l-investigazzjoni wriet li l-impatt ta' din iż-żieda fuq il-kost totali tal-produzzjoni ma kienx sinifikanti.

(143)

Rigward l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi, il-parti naqset milli tispeċifika n-natura tal-allegati ineffiċjenzi u l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda ineffiċjenza potenzjali tal-industrija tal-Unjoni.

(144)

Abbażi ta' dan, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew irrifjutati.

4.   Konklużjoni

(145)

Fid-dawl tas-sejbiet tal-investigazzjoni, jiġifieri l-kapaċità żejda, l-attrattività tas-suq tal-Unjoni u l-livelli tal-prezzijiet mistennija tal-importazzjonijiet Ċiniżi, huwa kkunsidrat li t-tħassir tal-miżuri fil-probabbiltà kollha jwassal għal rikorrenza ta' dannu u jkompli jiddeterjora s-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni minħabba l-probabbiltà ta' żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet dumped li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

G.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(146)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping eżistenti kontra ċ-Ċina tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni b'mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

(147)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

(148)

Fuq din il-bażi l-Kummissjoni eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping u dannu, eżistewx raġunijiet konvinċenti li wasslu għall-konklużjoni li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri eżistenti.

1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(149)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Kif imsemmi fil-premessa 131, id-dannu materjali kien ikkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indoneżja. L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li kien hemm probabbiltà ta' rikorrenza ta' dannu materjali jekk il-miżuri kontra l-importazzjonijiet Ċiniżi jitħallew jiskadu. B'mod partikolari, l-irkupru mistenni tal-industrija tal-Unjoni mid-dannu mġarrab minħabba l-importazzjonijiet mill-Indoneżja minħabba l-miżuri antidumping imposti kontra dan il-pajjiż x'aktarx ikun ipperikolat jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-MSG jissoktaw fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet dumped.

(150)

Jekk il-miżuri jinżammu, huwa mistenni li l-industrija tal-Unjoni se tkun kapaċi tibbenefika b'mod sħiħ mill-effetti tal-miżuri imposti fil-kuntest ta' investigazzjoni parallela dwar l-importazzjonijiet tal-MSG mill-Indoneżja, jiġifieri tirkupra mid-dannu materjali mġarrab. Eventwalment għandha tkun kapaċi ttejjeb il-profittabilità tagħha.

(151)

Għaldaqstant, ġie konkluż li l-miżuri fis-seħħ kontra ċ-Ċina jkunu fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

2.   L-interess tal-importaturi/operaturi tas-suq

(152)

Erbatax-il kumpanija ppreżentaw ruħhom wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta' Bidu. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn il-kumpaniji ma importat il-MSG miċ-Ċina lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(153)

Operatur wieħed tas-suq fl-Unjoni involut fil-bejgħ mill-ġdid tal-MSG fis-suq tal-Unjoni u barra minnu ppreżenta ruħu bħala utent matul l-investigazzjoni. Dan l-operatur tas-suq xtara l-MSG prinċipalment mill-industrija tal-Unjoni, iżda wkoll minn importaturi. L-operatur tas-suq ma xtara l-ebda MSG ta' oriġini Ċiniża, iżda ta' oriġini Indoneżjana u ta' oriġini ta' pajjiżi terzi oħra. L-attività relatata mal-MSG ta' dan l-operatur tas-suq kienet marġinali meta mqabbla mal-attività totali tiegħu. Abbażi ta' dan, ġie kkunsidrat li l-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-MSG miċ-Ċina ma kellhom l-ebda effett negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ta' dan l-operatur tas-suq.

3.   Interess tal-utenti

(154)

L-utenti huma attivi prinċipalment fis-settur tal-“ikel u x-xorb”, u jużaw l-MSG fil-produzzjoni ta' taħlitiet ta' ħwawar, sopop u ikel lest biex jittiekel. Il-MSG jintuża wkoll f'applikazzjonijiet speċifiċi “mhux relatati mal-ikel”, pereżempju fil-produzzjoni ta' deterġenti.

(155)

Tlieta u tletin kumpanija ppreżentaw ruħhom u rċevew kwestjonarju. Ħames kumpaniji kkooperaw fl-investigazzjoni billi bagħtu tweġiba għall-kwestjonarju. Erbgħa minnhom kienu attivi fis-settur tal-ikel u x-xorb u waħda kienet attiva fis-settur mhux relatat mal-ikel. Tnejn mill-kumpaniji li kkooperaw, waħda li topera fis-settur tal-“ikel u x-xorb” u t-tieni li tipproduċi deterġenti, kienu vverifikati fuq il-post.

(a)   Is-settur tal-ikel u x-xorb

(156)

L-investigazzjoni wriet li, fuq medja, il-MSG irrappreżenta madwar 5 % l-ispejjeż totali tal-prodotti li jinkorporaw il-MSG manifatturat mill-kumpaniji li kkooperaw li pprovdew id-dejta meħtieġa.

(157)

Mill-erba' utenti li kkooperaw wieħed biss importa l-MSG miċ-Ċina. Din il-kumpanija li kkooperat xtrat il-MSG mill-industrija tal-Unjoni u importat madwar 40 % tax-xiri tal-MSG totali tagħha miċ-Ċina. L-attività marbuta mal-prodotti li fihom il-MSG rrappreżentat madwar terz tal-attività totali tagħha. Matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami nstab li l-kumpanija kienet profittabbli.

(158)

It-tliet kumpaniji l-oħra ma importawx il-MSG miċ-Ċina matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Minn dawn, żewġ kumpaniji kellhom attività relatata mal-MSG relattivament insinifikanti meta mqabbla mal-attività totali tagħhom. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, dawn iż-żewġ kumpaniji kienu profittabbli matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Dwar it-tielet kumpanija, għalkemm l-attività tagħha marbuta mal-prodotti li fihom il-MSG irrappreżentat madwar terz tal-attività totali tagħha, matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, instab li l-kumpanija kienet profittabbli.

(b)   Is-settur mhux relatat mal-ikel

(159)

Waħda mill-kumpaniji li kkooperaw użat il-MSG fil-produzzjoni ta' deterġenti. Il-MSG irrappreżenta bejn 15 % u 20 % l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' dawn il-prodotti. Matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami l-kumpanija xtrat il-MSG prinċipalment mill-industrija tal-Unjoni. Hija importat ukoll il-MSG minn pajjiżi terzi oħra iżda mhux miċ-Ċina. Parti żgħira biss mill-attività tagħha kienet iddedikata għall-prodotti li jinkorporaw il-MSG meta mqabbla mal-attività kumplessiva tagħha li apparti minn hekk instabet li kienet tirrealizza marġni pożittiv tal-qligħ ta' [5 %-10 %] matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(160)

Din il-parti interessata allegat li, minħabba l-qafas regolatorju tal-UE li jipprojbixxi l-użu ta' fosfati u komposti oħra tal-fosfru (14), il-MSG x'aktarx li jintuża fi kwantitajiet ikbar biex jieħu post il-fosfati u komposti oħra tal-fosfru fil-produzzjoni ta' deterġenti. Għalhekk, huwa mistenni li d-domanda tal-MSG fl-Unjoni tiżdied sostanzjalment u kull dazju antidumping fuq importazzjonijiet tal-MSG ikollu effett detrimentali fuq l-iżvilupp ta' dan is-suq ġdid. B'mod partikolari, il-parti argumentat li l-livell tal-miżuri antidumping fuq importazzjonijiet tal-MSG miċ-Ċina fis-seħħ ma jippermettux lill-importazzjonijiet Ċiniżi biex jidħlu fis-suq tal-Unjoni u li, għaldaqstant, ikun hemm riskju ta' nuqqas ta' provvista fl-Unjoni. Din il-kumpannija stqarret ukoll li minħabba li l-miżuri huma wkoll fis-seħħ kontra importazzjonijiet tal-MSG mill-Indoneżja, ikun hemm ukoll nuqqas ta' sorsi alternattivi ta' provvista.

(161)

Dan l-utent sostna wkoll li, minħabba ż-żieda mistennija fil-konsum tal-MSG l-industrija tal-Unjoni tibbenefika minnha kif wkoll iżżid il-volum tal-bejgħ tagħha fis-suq tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-utent sostna li l-industrija tal-Unjoni ma jkollhiex biżżejjed kapaċità biex tforni d-domanda akbar fis-suq tal-Unjoni.

(162)

Madankollu, f'dan l-istadju huwa diffiċli sabiex wieħed ibassar kif il-qafas ġuridiku l-ġdid se jkollu impatt fis-suq tal-Unjoni u sa liem punt jagħti spinta lill-produzzjoni tad-deterġenti bbażati fuq il-MSG u b'hekk ikollu effett fuq id-domanda tal-MSG fl-Unjoni. Il-parti interessata lanqas ma pprovdiet xi evidenza dwar sa liema punt id-dazju antidumping jista' jkollu effett detrimentali. F'dan ir-rigward, huwa nnutat li l-għan tad-dazju antidumping huwa li jerġa' jkun hemm kundizzjonijiet indaqs fis-suq tal-Unjoni. L-investigazzjoni żvelat ukoll għadd ta' sorsi alternattivi ta' provvista, bħall-Brażil, il-Vjetnam u l-Korea.

(163)

Wara d-divulgazzjoni, l-istess parti interessata tenniet id-dikjarazzjoni tagħha li d-domanda għall-MSG kieku tiżdied b'mod sinifikanti fl-Unjoni minħabba l-projbizzjoni ta' fosfati u li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx kapaċi tipprovdi din id-domanda dejjem tiżdied fl-Unjoni. Madankollu, il-parti inkwistjoni ma pprovdiet l-ebda informazzjoni jew evidenza ġdida biex tissostanzja l-argument u għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(164)

Rigward is-sorsi alternattivi ta' provvista, fis-SF2010/2011, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn kien sostanzjali u naqas biss minħabba importazzjonijiet bi prezzijiet inġusti mill-Indoneżja. Huwa mistenni li l-impożizzjoni ta' dazji kontra importazzjonijiet tal-MSG mill-Indoneżja fl-investigazzjoni parallela għandha tippermetti pajjiżi terzi oħra sabiex jiksbu mill-ġdid l-ishma mis-suq mitlufa fl-Unjoni. Jekk jitħassru l-miżuri fir-rigward taċ-Ċina, l-effett mistenni tad-dazju antidumping kontra l-Indoneżja jiġi pperikolat peress li l-importazzjonijiet miċ-Ċina x'aktarx li jippenetraw is-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet sinifikament miżjuda f'livelli ta' prezzijiet dumped filwaqt li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (kif stabbilit hawn fuq fil-premessi 149 sa 151.

(165)

Wara d-divulgazzjoni, il-parti interessata msemmija hawn fuq tenniet li ma kien hemm l-ebda sorsi alternattivi ta' provvista peress li l-produtturi fi swieq ta' pajjiżi terzi oħra kienu jappartjenu għall-istess grupp bħall-industrija tal-Unjoni.

(166)

Kif imsemmi fil-premessi 94 u 95 hawn fuq, sorsi alternattivi ta' provvista tal-MSG jeżistu f'diversi pajjiżi terzi, bħal inter alia l-Brażil, ir-Repubblika tal-Korea jew il-Vjetnam. Fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra barra ċ-Ċina jew l-Indoneżja rrappreżenta biss madwar kwart tal-livell tiegħu fis-SF 2010/2011. Jekk il-miżuri fuq importazzjonijiet miċ-Ċina jitħallew, ma hemm l-ebda raġuni għaliex l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ma jkunux jistgħu jkopru mill-inqas parzjalment il-ħtiġijiet tal-utenti tal-MSG, b'sehem mis-suq korrispondenti li jmur lura lejn jew lil hinn mil-livell tiegħu tas-SF2010/2011. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni disponibbli li kienet disponibbli għal partijiet fil-fajl mhux kunfidenzjali, dawn is-sorsi alternattivi jappartjenu jew lil kumpaniji/gruppi ta' kumpaniji indipendenti minn Ajinomoto group jew lil dan il-grupp. Fi kwalunkwe każ, anki jekk dawn is-sorsi alternattivi kienu jappartjenu lil Ajinomoto group ma hemm l-ebda indikazzjoni li huma ma jfornux is-suq tal-Unjoni f'kundizzjonijiet ġusti. L-argument għalhekk għandu jiġi rifjutat.

(167)

L-istess parti allegat ukoll li l-industrija tal-Unjoni għandha pożizzjoni dominanti u li jkun hemm nuqqas ta' kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni. Hija sostniet li ż-żamma tal-miżuri kontra l-MSG Ċiniż tkompli ssaħħaħ iktar il-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

(168)

L-investigazzjoni uriet biċ-ċar li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżomm il-volum tal-bejgħ tagħha fl-Unjoni minħabba li tilfet is-sehem mis-suq, notevolment minħabba l-importazzjonijiet Indoneżjani. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f'qagħda li żżid il-livelli tagħha ta' prezzijiet skont iż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima, minħabba l-pressjoni tal-prezzijiet mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indoneżja, u sofriet telf sinifikanti fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li hemm kompetizzjoni minn importazzjonijiet li joriġinaw minn għadd ta' pajjiżi terzi oħra, li jibbenefikaw minn aċċess liberu għas-suq tal-Unjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, kien hemm evidenza insuffiċjenti dwar kwalunkwe pożizzjoni dominanti allegata tal-industrija tal-Unjoni u dan l-argument kellu jkun miċħud.

(169)

Wara d-divulgazzjoni, il-parti interessata inkwistjoni stqarret li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li l-utenti fl-Unjoni jkollhom jibbażaw fuq l-industrija tal-Unjoni u li għandu jkun hemm biżżejjed sorsi alternattivi ta' provvista. B'appoġġ għal din id-dikjarazzjoni, il-parti kkonċernata nnutat li t-tnaqqis fil-konsum bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012 kien prinċipalment minħabba tnaqqis fil-volum ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(170)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 100, il-produzzjoni naqset b'5 % bejn is-SF2010/2011 u s-SF2011/2012 filwaqt li l-konsum naqas bi 13 % fl-istess żmien (ara l-premessi 76 u 78. Fis-SF2011/2012, l-użu tal-kapaċità kien 5 % inqas mil-livell tiegħu fis-SF2010/2011 li jfisser li kien hemm riżerva ta' kapaċità fis-SF2011/2012. Il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għalhekk ma tistax tkun ikkunsidrata bħala fattur li kellu impatt fuq it-tnaqqis fil-konsum fis-SF2011/2012. Fi kwalunkwe każ, kif imfisser hawn fuq fil-premessa 166, hemm sorsi alternattivi ta' provvista minn pajjiżi terzi oħra. L-argument għalhekk kellu jiġi rifjutat.

(171)

Fuq din il-bażi, u b'mod partikolari l-fatt li l-miżuri kontra ċ-Ċina ma dehrux li kellhom xi effett negattiv sinifikanti fuq l-utenti li kkooperaw, il-Kummissjoni kkonkludiet li jekk il-miżuri jinżammu, l-impatt fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta' dawn l-operaturi x'aktarx li ma tkunx sinifikanti.

4.   Interess tal-fornituri

(172)

Erba' fornituri ta' materja prima tal-Unjoni ppreżentaw ruħhom u wieġbu għall-kwestjonarju. Il-bejgħ tagħhom ta' materja prima lill-industrija tal-Unjoni kien jirrappreżenta biss parti żgħira mir-redditu totali tagħhom. Tnejn minn dawn il-fornituri kkontestaw din il-konklużjoni billi sostnew li l-għajbien tal-industrija tal-Unjoni jkollha impatt sinifikanti fuq l-attività tan-negozju tagħhom. Dawn il-fornituri argumentaw li l-effett ta' waqfien potenzjali tal-produzzjoni tal-MSG tal-Unjoni jkollu effett detrimentali fuq in-negozju globali tagħhom, peress li l-pjanti taz-zokkor ma jistgħux jevitaw li jipproduċu ċertu volum ta' ġulepp taz-zokkor u melassa, li l-industrija tal-Unjoni hija x-xerrej ewlieni tagħhom. Jekk iz-zokkor f'dawn il-forom jibqa' mhux mibjugħ, dan jaffettwa l-effiċjenza ġenerali tal-pjanta inkwistjoni.

(173)

Dawn l-argumenti, madankollu, ma kinux appoġġati minn xi evidenza u għalhekk ġew miċħuda.

5.   Argumenti oħrajn

(174)

Parti interessata ddikjarat li l-effetti tal-miżuri fis-seħħ kontra ċ-Ċina għandhom jiġu vvalutati b'mod kumulattiv mal-effetti tal-miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet tal-MSG mill-Indoneżja.

(175)

L-impatt taż-żewġ miżuri fuq l-utenti ġie analizzat fil-kuntest ta' disponibilità ta' sorsi alternattivi ta' provvista. Din l-analiżi wriet li għadd ta' pajjiżi terzi fil-fatt kellhom il-potenzjal li jesportaw il-MSG lejn l-Unjoni. Dawn il-pajjiżi terzi kienu fil-fatt preżenti fis-suq tal-Unjoni qabel l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping Indoneżjani daħlu fl-Unjoni fi kwantitajiet akbar.

6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(176)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx raġunijiet konvinċenti għall-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri antidumping attwali kontra ċ-Ċina.

H.   MIŻURI ANTIDUMPING

(177)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Ingħataw ukoll perjodu biex jissottomettu l-kummenti wara din id-divulgazzjoni. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti ngħataw il-kunsiderazzjoni dovuta fejn kien xieraq.

(178)

B'hekk huwa ċar minn dan imsemmi hawn fuq li, kif stipulat mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-MSG li joriġinaw miċ-Ċina, imposti mir-Regolament (KE) Nru 1187/2008, għandhom jinżammu.

(179)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati tad-dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, avviż dwar il-bidla fl-isem jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(180)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku ma wassalx opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju antidumping definittiv huwa b'dan impost fuq importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li bħalissa huma kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (Kodiċi TARIC 2922420010) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiva applikabbli għall-prezz ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni nett, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1, u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt tkun kif ġej:

Kumpanija

Rata ta' dazju AD (%)

Kodiċi TARIC addizzjonali

Hebei Meihua MSG Group Co. Ltd, u Tongliao Meihua Bio-Tech Co. Ltd

33,8

A883

Fujian Province Jianyang Wuyi MSG Co. Ltd

36,5

A884

Il-kumpaniji l-oħra kollha

39,7

A999

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1187/2008 tas-27 ta' Novembru 2008 li jimponi taxxa anti-dumping definittiva u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 322, 2.12.2008, p. 1).

(3)  ĠU C 60, 1.3.2013, p. 10.

(4)  ĠU C 349, 29.11.2013, p. 14.

(5)  Notifika ta' Bidu ta' proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja (ĠU C 349, 29.11.2013, p. 5).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 904/2014 tal-20 ta' Awwissu 2014 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta' glutamat tal-monosodju li joriġina mill-Indoneżja (ĠU L 246, 21.8.2014, p. 1).

(7)  Ikkoinċida mas-snin finanzjarji — April sa Marzu — tal-produttur uniku tal-Unjoni (SF2010/2011, SF2011/2012, SF2012/2013, PI).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1187/2008.

(9)  ĠU C 349, 29.11.2013, p. 5.

(10)  Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (Ftehim Antidumping).

(11)  Prezz medju ma jinkludix dazji antidumping fis-seħħ.

Sors: L-Eurostat

(12)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 904/2014.

(13)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 904/2014.

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 259/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 648/2004 fir-rigward ta' użu ta' fosfati u komposti ta' fosfru ieħor fid-diterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur u fid-diterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti awtomatiċi għall-konsumatur (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 16).