23.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/40


REGOLI TA’ PROĊEDURA

tal-kumitati permanenti tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottati mill-AP Euronest fit-3 ta’ Mejju 2011 u emendati fit-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell u fit-18 ta’ Marzu 2015 f’Jerevan

(2015/C 315/08)

Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest u b’kunsiderazzjoni tal-proposta tal-Bureau, l-Assemblea Parlamentari Euronest tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ ħidma komuni għall-erba’ kumitati permanenti kollha tal-Assemblea Parlamentari Euronest (minn hawn ’il quddiem: kumitati):

Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE;

Kumitat għas-Sigurtà Enerġetika;

Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili.

2.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest japplikaw mutatis mutandis għal-laqgħat tal-kumitat mingħajr preġudizzju għar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   Il-kumitat għandu massimu ta’ 30 membru u hu kompost minn:

15-il membru tal-Parlament Ewropew;

15-il membru tal-parlamenti parteċipanti tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant (1).

Din tirrifletti l-kompożizzjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest.

2.   Kull membru tal-Assemblea Parlamentari Euronest għandu d-dritt li jkun membru ta’ wieħed mill-kumitati permanenti. F’każijiet eċċezzjonali, membru jista’ jkun membru ta’ żewġ kumitati permanenti.

3.   Il-membri jinħatru skont il-proċeduri stabbiliti minn kull Parlament b’tali mod li jirriflettu kemm jista’ jkun id-distribuzzjoni tad-diversi gruppi politiċi u tad-delegazzjonijiet rappreżentati, rispettivament, fil-Parlament Ewropew u fil-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant.

4.   Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-kumitati huma approvati mill-Assemblea Parlamentari Euronest fuq proposta tal-Bureau.

Artikolu 3

Presidenza u Bureau

1.   Kull kumitat jeleġġi, minn fost il-membri tiegħu, Bureau li jikkonsisti minn żewġ Kopresidenti bl-istess status (wieħed minn kull komponent) u erba’ Viċi Presidenti (tnejn minn kull komponent), li fir-rigward tagħhom il-proċeduri elettorali u t-termini tal-mandat ta’ tali karigi jiġu deċiżi separatament minn kull komponent.

2.   Il-Kopresidenti jiddeċiedu flimkien min minnhom jippresiedi l-laqgħa tal-kumitat.

Artikolu 4

Membri supplenti

1.   Kull membru sħiħ li ma jkunx jista’ jattendi għal-laqgħa tal-kumitat jista’ jiġi sostitwit minn membru supplenti mill-istess komponent tal-Assemblea, wara qbil bejn dawn iż-żewġ membri. Il-President għandu jiġi informat b’kull sostituzzjoni qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.   Fi ħdan il-kumitat, il-membru supplenti għandu l-istess drittijiet u huwa suġġett għall-istess obbligi bħall-membru sħiħ.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Il-kumitati jiltaqgħu meta jiġu konvokati mill-Kopresidenti tagħhom, u mill-anqas darbtejn fis-sena, waħda minnhom issir matul is-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Euronest.

2.   Fuq proposta tal-Bureau tal-kumitat, il-Kopresidenti jfasslu u jressqu l-abbozz tal-aġenda ta’ kull laqgħa ta’ kumitat.

3.   Il-laqgħat tal-kumitati jsiru bil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari Euronest. Sakemm kumitat ma jiddeċidix mod ieħor, il-laqgħat kollha huma pubbliċi.

4.   Il-President imexxi x-xogħlijiet, jiżgura r-rispett tar-Regoli ta’ Proċedura, iżomm l-ordni, jagħti l-kelma lill-kelliema, jiddikjara l-għeluq tad-diskussjonijiet, iressaq il-kwistjonijiet għall-votazzjoni u jħabbar il-riżultat tal-votazzjonijiet.

5.   Ebda membru ma jista’ jitkellem sakemm ma jingħatax il-kelma mill-President. Kelliem ma jistax jiġi interrott għajr f’każ ta’ punti ta’ ordni. Jekk il-kelliem jitbiegħed mis-suġġett, il-President isejjaħlu għall-ordni u jista’, fit-tieni okkażjoni, jipprojbixxih milli jitkellem dwar l-istess suġġett għall-bqija tad-dibattitu.

6.   Il-President isejjaħ għall-ordni kull membru tal-kumitat li joħloq tfixkil matul ix-xogħlijiet. F’każ ta’ reċidiva, il-President jista’ jkeċċih mis-sala għall-bqija tal-laqgħa.

7.   Żewġ kumitati jew aktar jistgħu, wara qbil bejn il-Bureaux tagħhom, jorganizzaw laqgħat konġunti dwar suġġetti ta’ interess komuni.

Artikolu 6

Rapporti u temi urġenti

1.   Il-kumitati jistgħu jaħtru rapporteurs inkarigati milli jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi fi ħdan il-kompetenza tagħhom u jħejju rapporti li jitressqu lill-Assemblea Parlamentari Euronest, wara awtorizzazzjoni mill-Bureau. In-numru ta’ tali rapporti huwa limitat, fil-prinċipju, għal rapport wieħed għal kull kumitat għal kull sessjoni. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi, fuq talba tal-Kopresidenti tal-Kumitati, kemm-il rapport se jiġi vvotat għal kull sessjoni skont l-avvanzament tax-xogħlijiet għat-tħejjija tar-rapporti.

2.   Fuq bażi eċċezzjonali, kumitat jista’ jipproponi temi urġenti lill-Assemblea Parlamentari Euronest. In-numru ta’ temi urġenti huwa limitat skont l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest.

3.   Barra minn hekk, il-kumitati jistgħu jiddiskutu punti oħra fuq l-aġenda mingħajr rapport u jistgħu jinfurmaw bil-miktub lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Euronest li l-punti kkonċernati ġew diskussi.

4.   Il-kumitati jagħtu rendikont lill-Assemblea Parlamentari Euronest tal-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 7

Kworum u votazzjoni

1.   Il-kworum ta’ kumitat jintlaħaq meta tal-anqas terz tal-membri ta’ kull komponent huwa preżenti.

2.   Il-votazzjonijiet kollha huma validi ikun xi jkun in-numru ta’ votanti. Madankollu, kull membru tal-kumitat jista’ jitlob li l-kworum ikun verifikat qabel ma ssir votazzjoni. Jekk, wara din it-talba, il-kworum ma jintlaħaqx, il-votazzjoni hija posposta.

3.   Il-kumitat jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri li ħadu sehem fil-votazzjoni. Kull membru jista’ jressaq emendi sabiex jiġu eżaminati fil-kumitat. Il-kumitat jivvota permezz ta’ turija tal-idejn u kull membru għandu vot wieħed biss, personali u mhux trasferibbli.

4.   L-għadd tal-voti jsir mill-Kummissjoni tal-Għadd tal-Voti, komposta minn żewġ partijiet indaqs ta’ rappreżentanti tas-segretarjati ta’ kull komponent tal-Assemblea Parlamentari Euronest. Il-Kummissjoni tal-Għadd tal-Voti tinħatar mill-Bureau (jew mill-Kumitat tal-Kopresidenti) qabel il-bidu tal-laqgħa rilevanti u tgħarraf ir-riżultat tal-għadd tal-voti direttament lill-Kopresidenti.

5.   Kull membru jista’ jressaq emendi biex jiġu eżaminati mill-kumitat, sat-terminu mħabbar mill-Kopresidenti. L-emendi jirreferu għat-test li biħsiebhom jemendaw u jitressqu bil-miktub. L-emendi orali jistgħu jintlaqgħu biss jekk ikollhom l-għan li jikkoreġu żbalji fattwali jew lingwistiċi. Ebda emenda orali oħra ma għandha tintlaqa’.

6.   Jekk qabel il-bidu tal-votazzjoni mhux inqas minn tliet membri tal-kumitat li jappartjenu għal tal-anqas żewġ gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew jew għal żewġ delegazzjonijiet tal-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari Euronest ippreżentaw talba għal votazzjoni skont il-komponenti separati, ir-rappreżentanti tal-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew jipproċedu għall-votazzjoni separatament, minkejja simultanjament. It-test ikkonċernat huwa adottat jekk jikseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa separatament fiż-żewġ komponenti.

7.   Il-votazzjoni maqsuma tista’ tintalab minn grupp politiku tal-Parlament Ewropew jew minn tal-anqas membru tal-Assemblea Parlamentari Euronest jekk it-test sottopost għall-votazzjoni jkun fih żewġ dispożizzjonijiet jew aktar, jekk jirreferi għal żewġ kwistjonijiet jew aktar jew jekk jista’ jinqasam f’żewġ partijiet jew aktar li jkollhom sens jew valur normattiv għalihom stess. It-talba titressaq bil-miktub lill-Kopresidenti sas-18.00 lejliet il-votazzjoni, ħlief fil-każ li l-Kopresidenti jiffissaw terminu ieħor, u jitqies, fil-prinċipju, aċċettat.

Artikolu 8

Arranġamenti oħra

1.   Il-Parlament li jospita laqgħa tal-kumitat jitqies responsabbli mill-arranġamenti prattiċi, mill-assistenza u mill-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni tal-laqgħa.

2.   Madankollu, fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea Parlamentari Euronest tista’ tirrakkomanda lill-parlamenti l-oħra jħallsu kontribuzzjoni finanzjarja biex tkopri n-nefqa relatata mal-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ kumitat.

Artikolu 9

Interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

Il-Kopresidenti, jew fuq talba tagħhom, il-Bureau ta’ kumitat, għandhom id-dritt li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 10

Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti

1.   L-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti huma adottati mill-Assemblea Parlamentari Euronest abbażi tal-proposti tal-Bureau.

2.   L-emendi huma adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti għall-votazzjoni. Jekk qabel il-bidu tal-votazzjoni mhux inqas minn wieħed minn kull għaxar membri li jappartjenu għal tal-anqas żewġ gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew jew għal żewġ delegazzjonijiet tal-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari Euronest ippreżentaw talba għal votazzjoni skont il-komponenti separati, ir-rappreżentanti tal-komponent tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew jipproċedu għall-votazzjoni separatament. It-test ikkonċernat jitqies adottat jekk jikseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa separatament fiż-żewġ komponenti.

3.   Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-mument tal-votazzjoni, l-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti jidħlu fis-seħħ immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.


(1)  Fil-mument tal-adeżjoni ta’ sieħeb ieħor tal-Ewropa tal-Lvant (il-Bjelorussja), is-siġġijiet jitqassmu mill-ġdid fost is-sħab tal-Ewropa tal-Lvant.