|
1.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/1 |
DIRETTIVA (UE) 2015/2203 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta' Novembru 2015
dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma' kaseini u kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE (3) tipprevedi l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma' ċerti lattoproteini (il-kaseini u l-kaseinati) maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Mid-dħul fis-seħħ ta' dik id-Direttiva seħħew diversi bidliet, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' qafas legali komprensiv fil-qasam tal-liġi dwar l-ikel u l-adozzjoni ta' standard internazzjonali għal prodotti tal-kaseina li tittiekel mill-Kummissjoni Codex Alimentarius ('standard tal-Codex għal prodotti tal-kaseina li tittiekel'), li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati. |
|
(2) |
Id-Direttiva 83/417/KEE tagħti setgħat lill-Kummissjoni biex din timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha. B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, jeħtieġ li dawk is-setgħat jiġu allinjati mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(3) |
Fl-interessi taċ-ċarezza, id-Direttiva 83/417/KEE għandha għalhekk titħassar u tinbidel b'Direttiva ġdida. |
|
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fih regoli ġenerali, orizzontali u uniformi tal-Unjoni dwar l-adozzjoni ta' miżuri ta' emerġenza għall-ikel u l-għalf . Id-dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva 83/417/KEE għalhekk ma għadhomx meħtieġa. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fih regoli ġenerali, orizzontali u uniformi tal-Unjoni dwar il-metodi ta' teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-oġġetti tal-ikel. Id-dispożizzjonijiet relatati tad-Direttiva 83/417/KEE għalhekk ma għadhomx meħtieġa. |
|
(6) |
Taħt ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandha tingħata informazzjoni biżżejjed f'relazzjonijiet bejn negozju u ieħor sabiex jiġu ggarantiti l-preżenza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumatur finali. Peress li l-prodotti koperti b'din id-Direttiva huma maħsuba sabiex jinbiegħu minn negozju għal ieħor, għat-tħejjija ta' prodotti tal-ikel, jixraq li r-regoli speċifiċi diġà inklużi fid-Direttiva 83/417/KEE jinżammu, jiġu adattati għall-qafas legali attwali u jiġu ssimplifikati. Dawn ir-regoli speċifiċi għandhom jipprevedu l-informazzjoni li għandha tingħata għall-prodotti koperti b'din id-Direttiva, f'relazzjonijiet bejn negozju u ieħor, minn naħa waħda, sabiex issir disponibbli lill-operaturi kummerċjali tal-ikel l-informazzjoni li jeħtieġu għat-tikkettar tal-prodotti finali, pereżempju fir-rigward tal-allerġeni, u, min-naħa l-oħra, biex jiġi evitat li dawk il-prodotti jiġu konfużi ma' prodotti simili li ma jkunux maħsuba għall-konsum mill-bniedem. |
|
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistabbilixxi definizzjoni ta' addittivi alimentari u għajnuniet għall-ipproċessar imsejħa awżiljari teknoloġiċi fid-Direttiva 83/417/KEE. Konsegwentement, din id-Direttiva għandha tuża t-termini “addittivi tal-ikel” u “għajnuniet ta' pproċessar” minflok “awżiljarji teknoloġiċi”. Tali użu ta' terminoloġija jkun ukoll konformi mal-istandard tal-Codex għal prodotti tal-kaseina li jittieklu. |
|
(8) |
Termini u referenzi oħra użati fl-Annessi għad-Direttiva 83/417/KEE għandhom jiġu adattati biex jiġu kkunsidrati dawk użati fir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008. |
|
(9) |
L-Anness I tad-Direttiva 83/417/KEE jiffissal-kontenut massimu tal-umdità għall-kaseini li jittieklu għal 10 % u l-kontenut massimu tal-grass tal-ħalib għall-kaseina aċiduża li tittiekel għal 2,25 %. Meta jitqies li l-istandard tal-Codex għal prodotti tal-kaseina li tittiekel jiffissa dawk il-parametri fi 12 % u 2 % rispettivament, il-parametri korrispondenti għandhom jiġu stabbiliti f'konformità ma' dak l-istandard sabiex ikunu evitati distorzjonijiet fil-flussi kummerċjali. |
|
(10) |
Sabiex minnufih tadatta jew taġġorna l-elementi tekniċi li jinsabu fl-Annessi ta' din id-Direttiva biex jitqiesu l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti jew il-progress tekniku, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istandards applikabbli għal kaseini u kaseinati li jittieklu stabbiliti fl-Annessi I u II. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
|
(11) |
Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri jiġi faċilitat il-moviment liberu tal-kaseini u l-kaseinati maħsuba għall-konsum mill-bniedem filwaqt li jkun ipprovdut livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, u li d-dispożizzjonijiet eżistenti jinġiebu konformi mal-leġiżlazzjoni ġenerali tal-Unjoni dwar l-ikel u mal-istandards internazzjonali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Din id-Direttiva tapplika għall-kaseini u l-kaseinati li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem u t-taħlitiet tagħhom.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“kaseina aċiduża li tittiekel” tfisser prodott tal-ħalib miksub permezz tas-separazzjoni, il-ħasil u t-tnixxif ta' koagulat preċipitat aċiduż ta' ħalib xkumat u/jew ta' prodotti oħra magħmulin mill-ħalib; |
|
(b) |
“kaseina mill-kimożina li tittiekel” tfisser prodott tal-ħalib miksub permezz tas-separazzjoni, il-ħasil u t-tnixxif ta' koagulat ta' ħalib xkumat u/jew prodotti oħra miksuba mill-ħalib; il-koagulat jinkiseb permezz tar-reazzjoni tal-kimożina jew enzimi koagulanti oħrajn; |
|
(c) |
“kaseinati li jittieklu” tfisser prodott tal-ħalib miksub b'azzjoni ta' kaseina li tittiekel jew il-koagulat tal-baqta tal-kaseina li tittiekel b'aġenti newtralizzanti, segwit minn tnixxif. |
Artikolu 3
Obbligi tal-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li:
|
(a) |
il-prodotti tal-ħalib iddefiniti fl-Artikolu 2 jitqiegħdu fis-suq, bl-ismijiet speċifikati hemmhekk, biss jekk dawn jikkonformaw mar-regoli stipulati f'din id-Direttiva u l-istandards imniżżla fl-Annessi I u II; u |
|
(b) |
il-kaseini u l-kaseinati li ma jikkonformawx mal-istandards imniżżla fil-punti (b) u (c) tat-Taqsima I tal-Anness I, punti (b) u (c) tat-Taqsima II tal-Anness I jew il-punti (b) u (c) tal-Anness II, ma jintużawx għat-tħejjija tal-ikel u li, fejn jitqiegħdu fis-suq legalment għal skopijiet oħrajn, jissemmew u jiġu ttikkettati b'tali mod li x-xerrej ma jiġix imqarraq dwar in-natura, il-kwalità jew l-użu maħsub tagħhom. |
Artikolu 4
Tikkettar
1. Id-dettalji li ġejjin għandhom jiġu mmarkati fuq il-pakketti, il-kontenituri jew it-tikketti tal-prodotti tal-ħalib definiti fl-Artikolu 2 b'ittri faċilment viżibbli, li jistgħu jinqraw b'mod ċar u li ma jitħassrux:
|
(a) |
l-isem tal-prodotti tal-ħalib kif stabbilit fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2 b'indikazzjoni, fil-każ ta' kaseinati li jittieklu, tal-katjon jew il-katjoni kif elenkati fil-punt (d) tal-Anness II; |
|
(b) |
fil-każ tal-prodotti mqiegħda fis-suq bħala taħlitiet:
|
|
(c) |
il-kwantità netta tal-prodotti, espressa f'kilogrammi jew grammi; |
|
(d) |
l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-operatur kummerċjali tal-ikel li taħt ismu, jew taħt isem in-negozju tiegħu, il-prodott jiġi kkummerċjalizzat jew, jekk dak l-operatur kummerċjali tal-ikel ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-importatur fis-suq tal-Unjoni; |
|
(e) |
fil-każ tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi, l-isem tal-pajjiż tal-oriġini; |
|
(f) |
l-identifikazzjoni tal-lott tal-prodotti jew id-data tal-produzzjoni. |
B'deroga mill-ewwel subparagrafu, id-dettalji msemmija fil-punt (iii) tal-punt (b) u fil-punti (c), (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu mmarkati biss f'dokument li jakkumpanja.
2. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-ħalib definiti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2 fit-territorju tagħhom jekk id-dettalji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma jkunux immarkati b'lingwa li tinftiehem faċilment mix-xerrejja f'dak Istat Membru fejn dawk il-prodotti jitqiegħdu fis-suq, sakemm din l-informazzjoni ma tiġix provduta mill-operatur kummerċjali tal-ikel b'mezzi oħra. Dawk id-dettalji jistgħu jiġi mmarkati b'diversi lingwi.
3. Fejn il-kontenut minimu ta' proteina tal-ħalib imniżżel fil-punt (a)2 tat-Taqsima I tal-Anness I, fil-punt (a)2 tat-Taqsima II tal-Anness I, u fil-punt (a)2 tal-Anness II jinqabeż fil-prodotti tal-ħalib definiti fl-Artikolu 2, dan il-fatt jista', mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni, jiġi adegwatament immarkat fuq il-pakketti, il-kontenituri jew it-tikketti tal-prodotti.
Artikolu 5
Delega ta' setgħa
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 6 sabiex temenda l-istandards imniżżla fl-Annessi I u II sabiex jitqiesu l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti u l-progress tekniku.
Artikolu 6
Eżerċizzju ta' delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u li jkollha konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta l-atti delegati imsemmija fl-Artikolu 5.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-21 ta' Diċembru 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.
3. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 7
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-22 ta' Diċembru 2016. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirriferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 8
Tħassir
Id-Direttiva 83/417/KEE titħassar b'effett mit-22 ta' Diċembru 2016.
Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 10
Indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Novembru 2015
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
N. SCHMIT
(1) ĠU C 424, 26.11.2014, p. 72.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Novembru 2015
(3) Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE tal-25 ta' Lulju 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' ċerti lattoproteini (il-kaseini u l-kaseinati) maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 237, 26.8.1983, p. 25).
(4) Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(5) Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).
(6) Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal- Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id- Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).
(7) Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).
(8) Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7).
ANNESS I
KASEINI LI JITTIEKLU
I. STANDARDS LI JAPPLIKAW GĦALL-KASEINI AĊIDUŻI LI JITTIEKLU
(a) Fatturi essenzjali tal-kompożizzjoni
|
1. |
Il-kontenut massimu ta' umdità |
12 % skont il-piż |
|
2. |
Kontenut minimu ta' proteina tal-ħalib kalkulat fuq l-estratt imnixxef |
90 % skont il-piż |
|
li minnu l-kontenut minimu tal-kaseina |
95 % skont il-piż |
|
|
3. |
Il-kontenut massimu ta' grass tal-ħalib |
2 % skont il-piż |
|
4. |
L-aċidità massima li tista' tiġi ttitrata, espressa f'ml ta' soluzzjoni tas-sodju idrossidu deċinormali għal kull g |
0,27 |
|
5. |
Il-kontenut masssimu ta' rmied (inkluż il-P205) |
2,5 % skont il-piż |
|
6. |
Il-kontenut massimu ta' lattożju anidru |
1 % skont il-piż |
|
7. |
Il-kontenut massimu ta' sediment (partikuli maħruqin) |
22,5 mg f'25 g |
(b) Kontaminanti
|
Il-kontenut massimu ta' ċomb |
0,75 mg/kg |
(c) Impuritajiet
|
Materja barranija (bħal partikuli ta' injam jew metall, xagħar jew frammenti ta' insetti) |
Xejn f'25 g |
(d) Għajnuniet għall-ipproċessar, kulturi batteriċi u ingredjenti awtorizzati
|
1. |
aċidi
|
|
2. |
kulturi batteriċi li jipproduċu l-aċidu lattiku |
|
3. |
xorrox |
(e) Karatterisiċi organolettiċi
|
1. |
Ir-riħa |
: |
L-ebda rwejjaħ barranin. |
|
2. |
Id-dehra |
: |
Kulur li jvarja minn abjad għall-kulur il-krema; il-prodott ma jistax ikollu fih biċċiet li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa. |
II. STANDARDS LI JAPPLIKAW GĦALL-KASEINI MILL-KIMOŻINA LI JITTIEKLU
(a) Fatturi essenzjali tal-kompożizzjoni
|
1. |
Il-kontenut massimu ta' umdità |
12 % skont il-piż |
|
2. |
Kontenut ta' proteina tal-ħalib minimu kkalkulat fuq l-estratt imnixxef |
84 % skont il-piż |
|
li minnu l-kontenut tal-kaseina minimu |
95 % skont il-piż |
|
|
3. |
Il-kontenut massimu ta' grass tal-ħalib |
2 % skont il-piż |
|
4. |
Il-kontenut minimu ta' rmied (inkluż il-P2O5) |
7,5 % skont il-piż |
|
5. |
Il-kontenut massimu ta' lattożju anidru |
1 % skont il-piż |
|
6. |
Il-kontenut massimu ta' sediment (partikuli maħruqin) |
15 mg f'25 g |
(b) Kontaminanti
|
Il-kontenut massimu ta' ċomb |
0,75 mg/kg |
(c) Impuritajiet
|
Materja barranija (bħal partikuli ta' injam jew metall, xagħar jew frammenti ta' insetti) |
xejn f'25 g |
(d) Għajnuniet għall-ipproċessar
|
— |
kimożina li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 |
|
— |
enzimi oħra li jikkoagulaw il-ħalib u li jissodisfaw il-ħtiġijet tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008. |
(e) Karatterisiċi organolettiċi
|
1. |
Ir-riħa |
: |
L-ebda rwejjaħ barranin. |
|
2. |
Id-dehra |
: |
Kulur li jvarja minn abjad għall-kulur il-krema; il-prodott ma jistax ikollu fih biċċiet li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa. |
ANNESS II
KASEINATI LI JITTIEKLU
STANDARDS LI JAPPLIKAW GĦALL-KASEINATI LI JITTIEKLU
(a) Fatturi essenzjali tal-kompożizzjoni
|
1. |
Il-kontenut massimu ta' umdità |
8 % skont il-piż |
|
2. |
Kontenut minimu ta' proteina tal-ħalib ikkalkulat fuq l-estratt imnixxef |
88 % skont il-piż |
|
li minnu l-kontenut minimu tal-kaseina |
95 % skont il-piż |
|
|
3. |
Il-kontenut massimu ta' grass tal-ħalib |
2 % skont il-piż |
|
4. |
Il-kontenut massimu ta' lattożju anidru |
1 % skont il-piż |
|
5. |
Il-valur pH |
6,0 sa 8,0 |
|
6. |
Il-kontenut massimu ta' sediment (partikuli maħruqin) |
22,5 mg f'25 g |
(b) Kontaminanti
|
Il-kontenut massimu ta' ċomb |
0,75 mg/kg |
(c) Impuritajiet
|
Materja barranija (bħal partikuli ta' injam jew metall, xagħar jew frammenti ta' insetti) |
Xejn f'25 g |
(l-aġenti newtralizzanti u li jservu biex inaqqsu l-qawwa, mhux mandatorji)
|
idrossidi karbonati fosfati ċitrati |
ta' |
sodju potassju kalċju ammonju manjeżju |
(e) Karatteristiċi
|
1. |
Ir-riħa |
: |
Togħmiet u rwejjaħ barranin ħfief ħafna. |
|
2. |
Id-dehra |
: |
Kulur li jvarja minn abjad għall-kulur il-krema; il-prodott ma jistax ikollu fih biċċiet li ma jitfarrkux bi pressa ħafifa. |
|
3. |
Solubbiltà |
: |
Kważi solubbli għal kollox fl-ilma ddistillat, għajr għall-kalċju tal-kaseina. |
ANNESS III
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
|
Id-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE |
Din id-Direttiva |
|
Artikolu 1 |
Artikoli 1 u 2 |
|
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
|
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
|
Artikolu 4(1) |
Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu |
|
Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 4(2) |
|
Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu |
|
Artikolu 5 |
— |
|
Artikolu 6(1) |
— |
|
Artikolu 6(2) |
— |
|
Artikolu 7 |
— |
|
Artikolu 8 |
— |
|
Artikolu 9 |
— |
|
Artikolu 10 |
— |
|
Artikolu 11 |
— |
|
— |
Artikolu 5 |
|
— |
Artikolu 6 |
|
Artikolu 12 |
Artikolu 7 |
|
— |
Artikolu 8 |
|
— |
Artikolu 9 |
|
Artikolu 13 |
Artikolu 10 |
|
Anness I, taqsima I |
Artikolu 2, punti (a) u (b) |
|
Anness I, taqsima II |
Anness I, taqsima I |
|
Anness I, taqsima III |
Anness I, taqsima II |
|
Anness II, taqsima I |
Artikolu 2, punt (c) |
|
Anness II, taqsima II |
Anness II |
|
— |
Anness III |