14.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/15


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1139

tat-13 ta' Lulju 2015

li temenda d-Direttiva 2012/9/UE rigward id-data tat-traspożizzjoni tagħha u l-iskadenza għal tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness I tad-Direttiva 2001/37/KE, li jipprevedi l-lista ta' twissijiet tas-saħħa addizzjonali li għandhom jintużaw fuq kull pakkett individwali ta' prodotti tat-tabakk skont l-Artikolu 5(2)(b) ta' dik id-Direttiva, inbidel bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/9/UE (2). L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2012/9/UE, kif emendat bid-Direttiva 2014/39/UE (3), jistabbilixxi t-28 ta' Marzu 2016 bħala l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha mill-Istati Membri u t-28 ta' Marzu 2018 bħala l-iskadenza għal tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni previst fl-Artikolu 3 ta' dik id-Direttiva.

(2)

Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE b'effett mill-20 ta' Mejju 2016, tistipula li kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern ta' prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandu juri twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien li jkun fihom waħda mill-kitbiet ta' twissija elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2014/40/UE u ritratt bil-kulur korrispondenti speċifikat fil-librerija tal-istampi fl-Anness II ta' dik id-Direttiva. It-twissijiet bil-miktub fl-Anness I tad-Direttiva 2014/40/UE huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2001/37/KE kif emendata bid-Direttiva 2012/9/UE. L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/40/UE jistabbilixxi l-20 ta' Mejju 2016 bħala l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha mill-Istati Membri u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/40/UE jistabbilixxi l-20 ta' Mejju 2017 bħala t-tmiem tal-perjodu ta' tranżizzjoni.

(3)

Huwa għalhekk xieraq li l-perjodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2012/9/UE jiġi estiż mit-28 ta' Marzu 2016 sal-20 ta' Mejju 2016, sabiex jiġu allinjati l-iskadenzi ta' traspożizzjoni għat-twissijiet bil-miktub il-ġodda stabbiliti permezz ta' dik id-Direttiva u għat-twissijiet ikkombinati l-ġodda introdotti permezz tad-Direttiva 2014/40/UE. Huwa wkoll neċessarju li l-perjodu ta' tranżizzjoni previst fid-Direttiva 2012/9/UE jiġi allinjat mal-perjodu ta' tranżizzjoni previst fid-Direttiva 2014/40/UE.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2001/37/KE.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2012/9/UE tiġi emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(1), il-frażi “mit-28 ta' Marzu 2016” tinbidel bil-frażi “mill-20 ta' Mejju 2016”.

(2)

Fl-Artikolu 3, il-frażi “sat-28 ta' Marzu 2018” tinbidel bil-frażi “sal-20 ta' Mejju 2017”.

Artikolu 2

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2012/9/UE tas-7 ta' Marzu 2012 li temenda l-Anness I tad-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 69, 8.3.2012, p. 15).

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/39/UE tat-12 ta' Marzu 2014 li temenda d-Direttiva 2012/9/UE rigward id-data tat-traspożizzjoni tagħha u l-iskadenza ghal tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni (ĠU L 73, 13.3.2014, p. 3).

(4)  Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1).