18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/39


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Estonja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja tal-2015

(2015/C 272/11)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta' Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2). Flimkien dawn jagħmlu l-'linji gwida integrati' li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Estonja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Estonja għall-2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Estonja għall-2015.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih l-Estonja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Estonja. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Estonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014.

(7)

L-Estonja ma ppreżentatx Programm Nazzjonali ta' Riforma sad-data tal-iskadenza.

(8)

Bħalissal-Estonja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Gvern il-ġdid ma ssottomettiex Programm ta' Stabbiltà sal-iskadenza. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, is-surplus nominali rreġistrat fl-2014 huwa pproġettat li jsir defiċit ta' 0,2 % tal-PDG fl-2015 u 0,1 % tal-PDG fl-2016. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern huwa mbassar li jinżel gradwalment minn 10,6 % tal-PDG fl-2014 għal inqas minn 10 % tal-PDG fl-2016. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, hemm riskju ta' xi devjazzjoni mill-objettiv ta' terminu medju fl-2015 peress li l-bilanċ strutturali huwa previst li jiddevja mill-objettiv ta' terminu medju b'0,4 % tal-PDG. Id-devjazzjoni hija mistennija li ssir sinifikanti fl-2016 meta titjib b'0,4 % tal-PDG huwa meħtieġ iżda l-bilanċ strutturali huwa pproġettat li jmur għall-agħar b'0,3 % tal-PDG. Għalhekk, se jkun hemm bżonn miżuri ulterjuri fl-2015 u fl-2016. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Estonja mhix se tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Ir-rata ta' impjieg tal-Estonja laħqet l-74,5 % tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fit-tielet kwart tal-2014 u r-rata tal-qgħad niżlet għal 7,6 %, l-iktar livell baxx mill-2009 'l hawn. Il-proporzjon tal-qgħad fit-tul huwa ferm taħt il-medja tal-UE. Madankollu, il-forza tax-xogħol li qed tiċkien, flimkien ma' produttività tax-xogħol baxxa, qiegħda ssir sfida fuq terminu medju għal twil. L-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Kapaċità tax-Xogħol ambizzjuża ngħatat bidu biss reċentement. Filwaqt li numru ta' miżuri relatati mat-taxxa ġew adottati sabiex iżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, dawn ma għandhomx fil-mira tagħhom b'mod speċifiku dawk b'introjtu baxx. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija waħda mill-ikbar fl-Unjoni. In-nuqqas ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal jagħmilha iktar diffiċli għal ġenituri żgħażagħ, b'mod partikolari l-ommijiet, li jerġgħu lura lejn is-suq tax-xogħol. Il-proporzjon ta' studenti f'apprendistati bbażati fuq ix-xogħol huwa wkoll baxx. Hemm nuqqas ta' gradwati f'suġġetti teknoloġiċi u xjentifiċi. Il-kwalità tas-servizzi soċjali tal-awtoritajiet lokali tvarja.

(10)

Il-Gvern adotta strateġija ta' tagħlim tul il-ħajja fil-bidu tal-2014, u l-programmi biex din tiġi implimentata ġew ippreżentati f'Marzu tal-2015. Ir-riforma tal-kurrikuli fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għadha għaddejja, u l-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja żdiedet. Fil-bidu tal-2015, il-Parlament adotta Att dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti u Att dwar il-Professjonijiet. L-attraenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendistati tibqa' sfida. Is-sistemi ta' riċerka u innovazzjoni u l-kooperazzjoni bejn in-negozju, l-edukazzjoni għolja u l-istituzzjonijiet ta' riċerka tjiebu. Madankollu, l-appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni, taħt l-Istrateġija għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RDI) u l-Istrateġija għat-Tkabbir tal-Intraprenditorija, jidher li m'għandux koordinazzjoni, u għandu jiffoka fuq numru limitat ta' oqsma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti. Is-sistema ta' edukazzjoni għolja, b'mod partikolari fir-rigward tax-xjenza u t-teknoloġija, għad għandha bżonn li tiġi allinjata aħjar mal-bżonnijiet tan-negozju u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. L-investiment fil-proprjetà intellettwali huwa baxx, u ftit huma l-kumpanniji li jaħdmu flimkien ma' istituzzjonijiet ta' riċerka.

(11)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Estonja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Estonja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Estonja, imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) ta' hawn taħt.

(12)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(13)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, l-Estonja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.

Tevita li tiddevja mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2015 u l-2016.

2.

Ittejjeb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż billi timplimenta r-Riforma tal-Kapaċità għax-Xogħol. Ittejjeb l-inċentivi għax-xogħol permezz ta' miżuri mmirati għal ħaddiema b'introjtu baxx. Tieħu azzjoni biex iċċekken id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Tiżgura servizzi soċjali u disponibbiltà ta' servizzi għall-indukrar tat-tfal ta' kwalità għolja fuq livell lokali.

3.

Iżżid il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi ttejjeb id-disponibbiltà tal-apprendistati. Tiffoka l-appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni fuq implimentazzjoni koordinata tan-numru limitat ta' oqsma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Estonja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 25).

(4)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(5)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)  ĠU C 272, 18.8.2015, p. 98.