18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/36


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tad-Danimarka għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tad-Danimarka tal-2015

(2015/C 272/10)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2). Flimkien dawn jagħmlu l-“linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tad-Danimarka għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tad-Danimarka għall-2014.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih id-Danimarka ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekkkienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż fl-2015 għad-Danimarka. Dan ivvaluta l-progress li għamlet id-Danimarka fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014.

(7)

Fis-27 ta' Marzu 2015, id-Danimarka ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2015 u l-Programm ta' Konverġenza tal-2015 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissa d-Danimarka qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana titjib tad-defiċit nominali minn 1,6 % tal-PDG fl-2015 — meta din kienet appoġġata minn gwadann konsiderevoli mhux previst — sa 2,6 % tal-PDG fl-2016. Minn hemm 'il quddiem, il-Gvern qed jippjana wkoll tnaqqis gradwali tad-defiċit sabiex jilħaq baġit ibbilanċjat fl-2020. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-Gvern qed jippjana li jilħaq l-objettiv ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — mill-2016 'il quddiem. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-Gvern hu mistenni li jonqos gradwalment minn 39,8 % fl-2015 għal 36,7 % tal-PDG fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-bilanċ strutturali hu mistenni li jkun konformi mal-objettiv ta' terminu medju fl-2015. Madankollu, skont dan it-tbassir hemm riskju ta' xi devjazzjoni mill-objettiv ta' terminu medju fl-2016, b'eċċess ta' 0,3 % tal-PDG tan-nefqa netta għat-tkabbir matul il-perijodu ta' referenza. Filwaqt li din id-devjazzjoni hi mistennija li tkun waħda temporanja għaliex it-tkabbir f'infiq nett fl-2016 huwa influwenzat mit-tneħħija gradwali ta' miżuri ta' darba relatati mat-tassazzjoni ta' kapital tal-pensjonijiet, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ulterjuri għall-2016. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li d-Danimarka hi mistennija tikkonforma b'mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Provvista ta' ħaddiema b'ħiliet adatti fuq terminu twil hija prekondizzjoni għal tkabbir sostenibbli fid-Danimarka. Bir-riforma tal-politika tas-suq tax-xogħol attiv fl-2014, id-Danimarka għamlet progress biex ittejjeb l-impjegabbiltà tan-nies fil-marġini tas-suq tax-xogħol. Ir-riforma għadha fi stadju bikri ta' implimentazzjoni u r-riżultati tagħha jeħtieġ li jkunu mmonitorjati. Għad hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali għal dawk l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta' esperti Carsten-Koch II. L-eżiti edukattivi baxxi, l-esperjenza limitata tas-suq tax-xogħol, iż-żgħażagħ u l-persuni bi sfond ta' migrazzjoni, jidhru li huma fatturi ewlenin f'dan ir-rigward. B'mod ġenerali, il-potenzjal tas-suq tax-xogħol ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni baqa' mhux utilizzat biżżejjed. Minkejja livell għoli ta' nfiq fuq l-edukazzjoni fid-Danimarka, l-eżiti fl-edukazzjoni huma biss ta' livell medju, b'mod partikolari għal studenti bi sfond ta' migrazzjoni. Ir-riforma tas-sistema tal-iskola primarja u sekondarja inferjuri u s-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom l-għan li jindirizzaw din l-isfida. L-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn ir-riformi hija meħtieġa sabiex jittejbu l-eżiti edukattivi.

(10)

Kompetittività mtejba hija essenzjali biex issaħħaħ l-irkupru ekonomiku fid-Danimarka. It-tkabbir tal-produttività, li huwa vitali f'dan ir-rigward, ġeneralment kien dgħajjef matul l-aħħar żewġ deċennji u ġie affettwat minn ostakoli għad-dħul fis-suq u piż regolatorju fis-setturi tas-servizzi li huma orjentati lejn is-suq domestiku. Il-Kummissjoni dwar il-Produttività identifikat is-setturi tal-kostruzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut bħala oqsma li fihom tista' tiġi mtejba l-produttività. Ir-regolamenti dwar l-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut huma stretti ħafna u ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex jittaffew. Is-settur tal-kostruzzjoni huwa kkaratterizzat minn regolamenti stretti tal-bini u għadd kbir ta' skemi ta' ċertifikazzjoni. Il-Gvern ippreżenta strateġija dwar il-kostruzzjoni f'Novembru 2014. Din tistabbilixxi intenzjonijiet tajba, bħas-simplifikazzjoni tar-regoli, is-simplifikazzjoni ta' elementi tekniċi fl-applikazzjonijiet għall-bini, l-introduzzjoni ta' standards internazzjonali, l-armonizzazzjoni ta' standards nazzjonali, u t-tnaqqis ta' żmien meħud biex jinħarġu l-permessi tal-bini. Madankollu, l-istrateġija għadha ma ġietx kompletament tradotta f'miżuri konkreti. Għad hemm trikkib fl-iskemi ta' awtorizzazzjoni u ċertifikazzjoni, li f'xi każi japplikaw ukoll għall-forniment temporanju ta' servizzi transfruntiera. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikazzjonijiet maħruġa fi Stati Membri oħra mhumiex dejjem ikkunsidrati meta l-fornituri ta' servizz ikunu jridu jistabbilixxu n-negozju tagħhom fid-Danimarka.

(11)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tad-Danimarka u ppublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm ta' Riforma Nazzjonali u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lid-Danimarka fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fid-Danimarka imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (2) hawn taħt.

(12)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni (5) tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li d-Danimarka tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.

Tevita devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016.

2.

Iżżid il-produttività, b'mod partikolari fis-setturi tas-servizzi orjentati lejn is-suq domestiku, inkluż il-bejgħ bl-imnut u l-kostruzzjoni. Tnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq l-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut u tieħu miżuri ulterjuri biex jitneħħew l-ostakoli li fadal maħluqa minn skemi ta' awtorizzazzjoni u ċertifikazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta’ Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tad-Danimarka u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tad-Danimarka, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 17).

(4)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.