18.8.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 272/32 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-14 ta' Lulju 2015
fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tar-Repubblika Ċeka għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Repubblika Ċeka tal-2015
(2015/C 272/09)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1) |
Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. |
(2) |
Fl-14 ta' Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2). Flimkien dawn jagħmlu l-'linji gwida integrati' li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi. |
(3) |
Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tar-Repubblika Ċeka għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Repubblika Ċeka għall-2014. |
(4) |
Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih ir-Repubblika Ċeka ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond. |
(5) |
Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir. |
(6) |
Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għar-Repubblika Ċeka. Dan ivvaluta l-progress li għamlet ir-Repubblika Ċeka fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014. |
(7) |
Fit-30 ta' April 2015, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2015 tagħha u l-Programm ta' Konverġenza tal-2015 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. |
(8) |
Bħalissa r-Repubblika Ċeka qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali tad-defiċit nominali għal 1,9 % tal-PDG fl-2015 u ulterjorment għal 0,6 % tal-PDG fl-2018. Il-Gvern stabbilixxa l-intenzjoni tiegħu li jilħaq l-objettiv ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 1 % tal-PDG — fl-2018, iżda skont il-bilanċ strutturali rikalkulat (5) l-objettiv huwa mistenni li jintlaħaq sal-2016. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern huwa mistenni li jilħaq kważi 41 % fl-2015 u jonqos gradwalment għal 40,2 % fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli u l-miżuri biex jappoġġaw il-miri tad-defiċit ippjanati mill-2016 'il quddiem huma speċifikati biżżejjed. Madankollu, hemm ir-riskju li l-impatt tal-miżuri ta' dħul ippjanati ikun aktar baxx milli kien stmat. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, huwa mistenni li jkun hemm konformità mal-valur referenzjarju tan-nefqa fl-2015. Fl-2016, hija mistennija devjazzjoni żgħira hekk kif it-tkabbir nett fin-nefqa jaqbeż il-parametru referenzjarju b'0,3 % tal-PDG. Għaldaqstant, jinħtieġu aktar miżuri fl-2016. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li r-Repubblika Ċeka hi mistennija tikkonforma b'mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-elementi ewlenin tal-qafas fiskali attwali huma f'posthom. Madankollu, l-ambitu tal-ippjanar baġitarju fit-terminu medju u tar-regola fiskali numerika hija limitata u l-infurzar kien dgħajjef. Abbozz ta' pakkett ta' riforma ġie mmodifikat u pospost diversi drabi u l-adozzjoni tiegħu bħalissa hija ppjanata li sseħħ matul l-2015. Ir-Repubblika Ċeka għadha qed tħabbat wiċċha ma' sfidi fir-rigward tas-sostenibbiltà fiskali fuq medda twila ta' żmien, prinċipalment minħabba ż-żidiet imbassra fil-pensjoni u fin-nefqa fuq is-saħħa. Kien hemm xi titjib fil-prospettiva tas-sistema tal-pensjonijiet b'riżultat ta' projezzjonijiet demografiċi aktar favorevoli. L-età statutorja tal-irtirar hija stipulata li tiżdied gradwalment, iżda l-bidla programmata għat-terminu medju hija bil-mod wisq. Bħalissa qed jiġu diskussi bidliet għas-sistema attwali ta' indiċjar tal-pensjonijiet iżda għadha ma ġiet adottata l-ebda miżura. Għalkemm ittieħdu xi miżuri sabiex tittejjeb ir-relazzjoni bejn il-kosteffiċjenza u l-governanza tas-settur tal-kura tas-saħħa, sar progress limitat f'dan il-qasam. L-indikaturi użati sabiex titkejjel il-prestazzjoni tas-settur tal-isptarijiet juru li t-trattament mediku mhux dejjem jitwassal b'mod kosteffiċjenti, filwaqt li l-allokazzjoni tar-riżorsi hija mxekkla b'diffikultajiet kontinwi fl-implimentazzjoni ta' sistema ta' rimborż għal spejjeż imġarrba mill-isptarijiet. Hemm ukoll sinjali li t-tobba tal-familja mhumiex qed jaqdu r-rwol tagħhom bħala l-intermedjarji b'mod adegwat. L-akkwist pubbliku fis-settur tal-kura tas-saħħa qed ibati minn inċidenza għolja ta' irregolaritajiet, u dan huwa prova ta' gwida u superviżjoni insuffiċjenti. |
(9) |
L-isfidi ewlenin fil-qasam tat-tassazzjoni huma li titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa u li l-ġbir tat-taxxi jiġi jiswa anqas u jieħu inqas ħin, kemm għall-kontribwenti kif ukoll għall-awtoritajiet. Ir-Repubblika Ċeka identifikat il-konformità tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa bħala prijoritajiet, u qed tieħu għadd ta' passi f'dawn l-oqsma. Ġew introdotti diversi miżuri fl-2015, u dawn jirrigwardaw kemm it-taxxi diretti kif ukoll dawk indiretti, u hemm aktar miżuri ppjanati għall-2016. Madankollu, l-ispiża ta' konformità xorta għadha għolja wisq. L-istandardizzazzjoni tal-bażijiet tat-taxxa fuq l-introjtu personali, is-sigurtà soċjali u l-kontribuzzjonijiet tas-saħħa jgħinu sabiex jissimplifikaw is-sistema tat-taxxa, iżda din il-bidla ma ġietx allinjata u bħalissa ma hemm l-ebda pjan sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Il-ħidma fuq is-simplifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u ż-żieda tal-użu ta' formoli mimlijin minn qabel mhijiex qiegħda titwettaq b'mod sistematiku. Minflok issimplifikat is-sistema tal-VAT, ir-Repubblika Ċeka introduċiet it-tielet rata tal-VAT fl-2014. Sar progress limitat fit-tnaqqis tad-diskrepanzi fit-trattament tat-taxxa tal-impjegati u l-ħaddiema għal rashom. Id-dħul mit-taxxa fir-Repubblika Ċeka għadu jiddependi ħafna fuq it-tassazzjoni tax-xogħol, u l-ħaddiema bi dħul baxx, partikolarment dawk mingħajr tfal, jiffaċċjaw piż tat-taxxa tax-xogħol relattivament għoli. Il-miżuri li jidħlu fis-seħħ fl-2015 inaqqsu kemxejn it-tassazzjoni tax-xogħol għal gruppi speċifiċi, iżda dan se jkollu impatt limitat b'mod ġenerali. It-taxxi fuq il-proprjetà u dawk ambjentali (ħlief taxxi fuq il-fjuwil) għadhom baxxi, u dan jindika ambitu potenzjali sabiex it-taxxa titbiegħed mix-xogħol. |
(10) |
Sar progress limitat fl-2014 fuq l-aċċellerazzjoni tar-riforma tal-professjonijiet regolati iżda l-pjan ta' azzjoni nazzjonali intermedjarju adottat f'April 2015 fih għadd ta' miżuri u azzjonijiet konkreti mfassla sabiex itejbu l-qafas regolatorju u sabiex ineħħu r-rekwiżiti mhux ġustifikati u sproporzjonati. |
(11) |
L-isforzi li saru f'dawn l-aħħar snin sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-korruzzjoni kellhom dewmien serju. Il-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni l-aktar riċenti koprew għadd ta' oqsma ta' prijorità. Huwa kien jinkludi Atti dwar il-kontroll finanzjarju, il-prosekuzzjoni pubblika, il-finanzjament tal-partiti politiċi, il-protezzjoni tal-informaturi, politika ġdida dwar il-ġestjoni tal-kumpaniji tal-Istat u emenda tal-Att dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni. Madankollu, jidher li ftit li xejn qed isir sabiex dawn l-Atti jiġu adottati. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Servizz Ċivili u ta' miżuri relatati raw lir-Repubblika Ċeka tibda tindirizza l-problemi rigward l-effiċjenza u l-istabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika tagħha. Kemm l-ostakli amministrattivi kif ukoll dawk regolatorji relatati mal-ippjanar tal-investiment, u n-nuqqas ta' trasparenza u ż-żmien twil tal-proċeduri għall-akkwist ta' permessi għall-bini jew għall-użu tal-art iżommu l-investiment pubbliku. L-akkwist pubbliku kien is-suġġett ta' għadd ta' inizjattivi f'dawn l-aħħar snin, iżda għad hemm tħassib dwar it-trasparenza. B'mod partikolari, il-kuntratti pubbliċi għadhom mhux qed jiġu ppubblikati f'reġistru ċentralizzat. L-effiċjenza tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku hija mxekkla mill-provvediment inadegwat ta' gwida u taħriġ għal istituzzjonijiet tas-sejħiet għall-offerti. Is-superviżjoni tas-sistema għadha dgħajfa. |
(12) |
Il-livell ġenerali tal-impjiegi bħalissa huwa għoli, iżda ċerti gruppi żvantaġġati għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol. Dawn jinkludu ġenituri bi tfal żgħar, ħaddiema bi ftit kwalifiki, persuni b'diżabbiltà u r-Rom. Ittieħdu xi passi sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-effikaċja tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. Il-livell tal-impjiegi fost iż-żgħażagħ qed jiżdied, u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jippruvaw jimmiraw is-servizzi tagħhom b'mod partikolari lejn iż-żgħażagħ. In-nuqqas ta' servizzi ta' kura tat-tfal ta' kwalità u bi prezz raġonevoli u l-użu limitat ta' arranġamenti għal ħinijiet tax-xogħol flessibbli jagħmluha diffiċli għan-nisa bit-tfal sabiex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Ittieħdu xi passi sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-kura tat-tfal iżda l-politiki li jappoġġjaw il-kura tat-tfal pubblika għat-tfal żgħar ħafna għadhom insuffiċjenti. |
(13) |
L-eżiti edukattivi tar-Repubblika Ċeka tjiebu f'dawn l-aħħar snin, iżda għad fadal sfidi strutturali. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja żdiedet b'mod rapidu, iżda hemm tħassib rigward it-tnaqqis fil-ħiliet tal-gradwati żgħażagħ fl-edukazzjoni terzjarja. Hemm tama li r-riforma ppjanata u li ilha mistennija tal-edukazzjoni għolja li għandha tiġi adottata fl-2015 se tintroduċi akkreditazzjoni istituzzjonali, garanzija tal-kwalità interna aktar b'saħħitha u aktar użu ta' profili ta' studenti, u ttejjeb is-sistemi ta' finanzjament. Jeħtieġ li jiġu impjegati aktar għalliema fis-settur tal-edukazzjoni obbligatorja, iżda s-salarji baxxi u perċezzjoni negattiva tal-professjoni jagħmluha diffiċli li kandidati b'talenti jitħajru. Fl-ewwel nofs tal-2015 għandha tiġi finalizzata sistema ta' karrieri ġdida mfassla sabiex ittejjeb kemm ir-reklutaġġ tal-għalliema kif ukoll l-iżvilupp professjonali tagħhom, u din għandha tiġi introdotta f'Settembru 2016. L-impatt globali tagħha, madankollu, jiddependi ħafna fuq il-finanzjament disponibbli. Sadanittant, għad ma hemmx approċċ komprensiv għall-evalwazzjoni u l-appoġġ ta' skejjel u studenti bi prestazzjoni baxxa. L-introduzzjoni ta' dan l-approċċ tista' tgħin sabiex titjieb l-effiċjenza u l-ugwaljanza fis-settur tal-edukazzjoni. Sar progress limitat sabiex l-edukazzjoni ssir aktar inklużiva, minkejja l-adozzjoni ta' strateġija komprensiva għall-edukazzjoni min-naħa tal-Gvern. Jidher li ż-żgħażagħ minn sfond soċjoekonomiku baxx, inklużi r-Rom, ikollhom inqas suċċess fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol. |
(14) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Repubblika Ċeka u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Repubblika Ċeka fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Repubblika Ċeka imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) ta' hawn taħt. |
(15) |
Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Repubblika Ċeka tieħu azzjoni fl-2015 u fl-2016 sabiex:
1. |
Tikseb aġġustament fiskali ta' 0,5 % tal-PDG fl-2016. Tkompli ttejjeb il-kosteffettività u l-governanza tas-settur tal-kura tas-saħħa. |
2. |
Tiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa, tissimplifika s-sistema tat-taxxa u timplimenta l-pjan kontra l-korruzzjoni. Tieħu miżuri sabiex iżżid it-trasparenza u l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku, b'mod partikolari billi tistabbilixxi reġistru ċentrali ta' kuntratti pubbliċi u ssaħħaħ il-gwida u s-sorveljanza. |
3. |
Tnaqqas il-livell għoli ta' tassazzjoni imposta fuq dawk bi dħul baxx, billi titrasferixxi t-tassazzjoni fuq oqsma oħrajn. Tkompli ttejjeb id-disponibbiltà tal-kura tat-tfal bi prezzijiet affordabbli. |
4. |
Tadotta r-riforma tal-edukazzjoni għolja. Tiżgura taħriġ xieraq għall-għalliema, tappoġġa lill-iskejjel bi prestazzjoni baxxa u tieħu miżuri sabiex iżżid il-parteċipazzjoni fost tfal żvantaġġati, inklużi r-Rom. |
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
P. GRAMEGNA
(2) Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).
(3) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tar-Repubblika Ċeka u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Repubblika Ċeka, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 12).
(4) Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(5) Il-bilanċ strutturali kif ikkalkolat mill-ġdid mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-informazzjoni fil-Programm ta' Konverġenza, skont il-metodoloġija maqbula b'mod konġunt.
(6) Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.