18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/24


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Belġju għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Belġju tal-2015

(2015/C 272/07)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3). Flimkien dawn jagħmlu l-“linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Belġju għall-2014, u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Belġju għall-2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Belġju għall-2015.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih il-Belġju ġie identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Belġju. Dan ivvaluta l-progress li għamel il-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014. Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, ir-Rapport dwar il-Pajjiż ikun jinkludi wkoll ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni, permezz tal-analiżi tagħha, tikkonkludi li l-Belġju qed jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi li jeħtieġu azzjoni politika u monitoraġġ. B'mod partikolari, l-iżviluppi marbutin mal-kompetittività esterna tal-merkanzija juru li għad hemm riskju u li hemm bżonn ta' attenzjoni, għax jekk jerġa' jseħħ deterjorament tiġi mhedda l-istabbiltà makroekonomika. Aktar azzjoni sabiex tiġi żgurata konverġenza fil-parametri tal-ispejjeż trażżan it-tnaqqis fl-impjiegi fis-setturi kummerċjali, filwaqt li progress tanġibbli sabiex titnaqqas id-diskrepanza tal-kost storiku tista' tiġi rinfurzata permezz ta' spostament tat-taxxa lejn bażijiet ta' taxxa mhux mix-xogħol. Id-dejn pubbliku għadu għoli, iżda diversi fatturi jimmoderaw ir-riskji makroekonomiċi assoċjati.

(7)

Fit-30 ta' April 2015 il-Belġju ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tiegħu tal-2015 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tiegħu. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissal-Belġju qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u huwa suġġett għar-regola tranżitorja dwar id-dejn għall-perjodu 2014-2016. Fis-27 ta' Frar 2015 il-Kummissjoni ħarġet Rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, minħabba li l-Belġju ma kienx mistenni li jagħmel biżżejjed progress biex jikkonforma mar-regola dwar id-dejn tal-2014-2015, u fl-2014 inqabeż il-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG. L-analiżi kkonkludiet li għandu jitqies li dak iż-żmien kien hemm konformità mal-kriterju tad-dejn, u li d-defiċit żejjed li qabeż il-valur referenzjarju kien qrib ta' dak il-valur, temporanju u eċċezzjonali (minħabba tibdil fil-metodoloġija tal-istatistika). Din l-analiżi għadha kumplessivament valida. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ strutturali sabiex sal-2018 f'termini strutturali jilħaq pożizzjoni baġitarja bbilanċjata. Madankollu, il-bilanċ strutturali (6) kkalkulat mill-ġdid juri defiċit strutturali ta' 0,3 % tal-PDG fl-2018. Il-Gvern mhux jippjana li jilħaq l-objettiv ta' terminu medju — l-eċċess ta' 0,75 % tal-PDG f'termini strutturali — waqt il-perjodu tal-ipprogrammar. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern hu mistenni li jilħaq il-massimu ta' 106,9 % fl-2015, u li jonqos gradwalment għal 102 % fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, il-miżuri meħtieġa sabiex jitwieżnu l-miri tad-defiċit ippjanati mill-2016 'l quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, it-tkabbir fin-nefqa netta tal-2015 huwa mistenni jkun konformi mal-parametru referenzjarju tan-nefqa. Madankollu, hemm ir-riskju ta' xi devjazzjoni fl-2014-2015, prinċipalment minħabba telf fl-2014. Jekk il-politika ma tinbidilx, hemm ukoll ir-riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-pjan ta' aġġustament li huwa meħtieġa għall-objettiv ta' terminu medju tal-2015-2016. Għaldaqstant se jkunu meħtieġa aktar miżuri tul is-sentejn. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li hemm ir-riskju li l-Belġju ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Il-Gvern Federali ftiehem dwar riforma kbira fil-pensjonijiet li għandha l-għan li tnaqqas id-differenza bejn l-età reali tal-irtirar u dik statutorja, u żżid f'dik tal-aħħar. L-età tal-irtirar bikri se tkompli tiżdied wara l-2016, għal 63 sena sal-2018, b'karriera li t-tul meħtieġ tagħha jkun tal-anqas 42 sena mill-2019 'il quddiem. Fuq terminu itwal, il-Gvern Federali qabel li l-età statutorja tal-irtirar tiżdied minn 65 sena għal 66 sena fl-2025, u 67 fl-2030. Hija ppjanata l-introduzzjoni gradwali ta' sistema ta' pensjonijiet abbażi ta' kreditu, b'mekkaniżmi ta' aġġustament li jirrispondu għall-iżviluppi demografiċi u ekonomiċi, bħalma huma l-istennija itwal tal-għomor u t-tibdil fil-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija. Strateġija ta' konsolidament li jkollha suċċess u li tikkumpensa għall-impatt baġitarju ta' tixjiħ demografiku, u li tissalvagwardja s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, tiddependi fuq l-implimentazzjoni rapida ta' din ir-riforma fil-pensjonijiet. Meta wieħed iqis li għad hemm ftit inċentivi li jwieżnu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema ta' età akbar, dawn ir-riformi fil-pensjonijiet iridu jkunu akkumpanjati minn miżuri favur l-impjiegi u minn riformi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal tixjiħ attiv.

(10)

Is-sistema fiskali Belġjana hija kkaratterizzata minn piż tat-taxxa kumplessivament għoli, minn rati relattivament għoljin u minn bażijiet stretti. Il-piż tat-taxxa jxaqleb b'mod qawwi lejn il-manodopera. Dan jirriżulta f'kost lavorattiv għoli li jiskoraġġixxi l-ħolqien tax-xogħol, u f'porzjonijiet ta' taxxa għoljin li jikkontribwixxu għan-nassa tal-qgħad. Barra minn hekk, anki sabiex jittaffew ir-rati ta' taxxa għoljin, il-bażijiet tat-taxxa huma ġeneralment mgħawra minn għadd ta' eżenzjonijiet speċifiċi, tnaqqis, rati mnaqqsin u nfiq tat-taxxa, li joħolqu distorsjonijiet u l-possibilità ta' lakuni. Ċerti karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa huma ta' ħsara għall-ambjent. Minħabba dawn id-dgħufijiet, il-Belġju kien ripetutament mogħti l-parir biex jissimplifika u jfassal mill-ġdid is-sistema tat-taxxa tiegħu ħalli jerġa' jibbilanċja mill-ġdid il-piżijiet tat-taxxa, jagħlaq il-lakuni tat-taxxa u jnaqqas id-differenzjazzjoni li tinħoloq min-niċeċ fit-tassazzjoni, li xi kultant tagħmel il-ħsara. Sa issa sar progress limitat għal riforma komprensiva fit-taxxa, li jinvolvi b'mod partikolari, spostament mill-manodopera lejn bażijiet tat-taxxa li joħolqu anqas distorsjoni fit-tkabbir. Il-bażijiet tat-taxxa li jagħtu lok għal twessigħ, jinkludu taxxi ambjentali u fuq il-konsum, kif ukoll ċertu tip ta' introjtu finanzjarju. Il-kombinament tal-ispostament lil hinn mill-manodopera u tat-twessigħ fil-bażijiet tat-taxxa (jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa, is-sussidji, l-eżenzjonijiet u t-tnaqqqis) jista' jtejjeb il-bilanċ u l-korrettezza globali tas-sistema tat-taxxa, jappoġġja l-impjiegi, il-kompetittività u l-objettivi soċjali u ambjentali, kif ukoll jiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar tat-taxxa aggressiv.

(11)

Il-problemi strutturali li jikkaratterizzaw lis-suq tax-xogħol Belġjan ikomplu joħolqu l-użu kronikament baxx tal-manodopera kif ukoll okkupazzjoni globali u rati ta' attività baxxi. In-nuqqasijiet qegħdin prinċipalment fir-rabta dgħajfa li hemm bejn il-pagi u l-produttività, u fid-diżinċentivi finanzjarji biex wieħed jaħdem. Il-Belġju jiffaċċja ukoll nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa u nuqqas fit-tlaqqigħ tal-ħiliet. Id-diversi gvernijiet, fil-ftehimiet tagħhom u fil-programmi ta' riforma tagħhom, jagħmlu referenza għall-ħtieġa ta' rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-atturi fl-okkupazzjoni sabiex jitjieb it-taħriġ lingwistiku, vokazzjonali u edukattiv kif ukoll jiġi żviluppat taħriġ alternattiv għall-istudenti u d-diżokkupati. Madankollu, il-progress qed isir bil-mod. L-impatt ta' dawn il-fatturi strutturali fuq ċerti gruppi fis-suq tax-xogħol, bħalma huma d-diżokkupati żgħażagħ u ta' età akbar, u dawk bi sfond ta' migranti, huwa partikolarment evidenti.

(12)

Il-kompetittività esterna mdgħajfa tal-Belġju tkompli żżid ir-riskji makroekonomiċi għall-ekonomija tiegħu. L-ekonomija hija aċċentwata mill-problema ta' kost lavorattiv għoli, li bħala medja qabeż lil dak tal-pajjiżi tal-viċinat. Hemm bżonn li ż-żieda fil-pagi tiġi allinjata aktar viċin mal-produttività, u li l-iffissar tal-pagi jsir aktar flessibbli sabiex jiżdied il-potenzjal tal-ekonomija għall-aġġustament. Ittieħdu miżuri mmirati sabiex għal gruppi speċifiċi jitnaqqas il-kost lavorattiv, u sabiex jonqsu d-differenzi bejn il-pagi gross u nett li jinsabu f'qiegħ l-iskala tal-pagi. Madankollu, sabiex jiġu eliminati għalkollox id-differenzi, hemm bżonn ta' azzjoni addizzjonali li sserraħ fuq riformi fis-sistema tal-iffissar tal-pagi. L-akkumulu tal-iżvantaġġ f'dak li huwa spiża jġib miegħu qgħad u eventwalment jipprovoka korrezzjoni, jekk jitħalla għal riħu. Fatturi oħra ewlenin tal-ispiża għall-kumpaniji huma l-ispejjeż tal-enerġija u l-ispejjeż tas-servizzi kummerċjali intermedji, li huma ferm irregolati u protetti mill-kompetizzjoni. Hemm ukoll lok konsiderevoli għal titjib fid-dimensjoni mhux marbuta mal-kost tal-kompetittività esterna. Sabiex jiġu ssalvagwardjati u msaħħa l-livelli attwali ta' protezzjoni soċjali, trid issir aktar enfasi fuq iż-żieda fil-produttività. Dan jirrikjedi spinta sostnuta lejn prodotti u servizzi assoċjati li jkunu aktar 'l fuq fil-katina tal-valur, abbażi ta' prestazzjoni aħjar fl-innovazzjoni u fil-valorizzazzjoni tal-R&Ż. Għandhom jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi u jittieħdu miżuri sabiex tiġi promossal-intraprenditorija u jitkebbes dinamiżmu kummerċjali. Ir-rata ferm baxxa ta' negozji li jkunu għadhom kemm fetħu tindika klima kummerċjali li mhix favorevoli għall-attivitajiet ġodda u għall-espansjoni. Iż-żieda tal-kompetizzjoni fis-servizzi għall-konsumatur u dawk professjonali hija wkoll sfida. L-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet infrastrutturali pubbliċi u titjib fil-kwalità u l-adegwatezza tal-istokk kapitali permezz ta' investimenti addizzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tal-infrastruttura ferrovjarja u tat-toroq, ukoll isaħħu l-produttività kumplessiva tal-Belġju.

(13)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva dwar il-politika ekonomika tal-Belġju, u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat wkoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma kif ukoll is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Belġju fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Belġju, imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt.

(14)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(15)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt.

(16)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (8). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, il-Belġju għandu wkoll jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 sabiex:

1.

Jilħaq aġġustament fiskali ta' mill-inqas 0,6 % tal-PDG għall-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2015 u fl-2016. Juża qligħ mhux mistenni sabiex il-proporzjon tad-dejn tal-gvern jaqbad adegwatament in-niżla. Jikkumplimenta r-riforma fil-pensjonijiet billi jorbot l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor. Jaqbel dwar id-distribuzzjoni infurzabbli ta' miri fiskali fil-livelli kollha tal-gvern.

2.

Jadotta u jimplimenta riforma komprensiva tat-taxxa li twessa' l-bażi tat-taxxa, u jwarrab il-piż tat-taxxa minn fuq il-manodopera kif ukoll ineħħi l-infiq tat-taxxa ineffiċjenti.

3.

Itejjeb il-funzjonament tas-suq tax-xogħol billi jnaqqas id-diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol, iżid l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal pubbliku destinatarju speċifiku, u jindirizza n-nuqqas u d-diskrepanzi fil-ħiliet.

4.

Jerġa' jsir kompetittiv billi, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità mal-prattiki nazzjonali, jiżgura li l-pagi jevolvu mal-produttività.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta’ Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Belġju u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Belġju, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(6)  Il-bilanċ strutturali kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-Programm ta' Stabbiltà, skont il-metodoloġija komunement miftiehma.

(7)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(8)  ĠU C 272, 18.8.2015, p. 98.