18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/10


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tas-Slovakkja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovakkja tal-2015

(2015/C 272/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-impjiegi tal-Istati Membri (2). Flimkien dawn jiffurmaw il-“linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u dwar l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tas-Slovakkja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tas-Slovakkja għall-2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tas-Slovakkja għall-2015.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih is-Slovakkja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għas-Slovakkja. Dan ivvaluta l-progress li għamlet is-Slovakkja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014.

(7)

Fid-29 ta' April 2015, is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2015 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tagħha. Sabiex jittieħed kont tal-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissa s-Slovakkja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali tad-defiċit nominali għal 2,5 % tal-PDG fl-2015 u ulterjorment għal 0,5 % tal-PDG fl-2018. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, l-objettiv ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — ikun intlaħaq mill-2017. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern huwa mistenni li jonqos marġinalment fl-2015 għal 53,4 % u li jkompli jonqos għal 50,3 % fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, miżuri li jappoġġjaw il-miri tad-defiċit ippjanati mill-2016 'il quddiem għadhom mhumiex speċifikati b'mod suffiċjenti. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, in-nefqa netta tat-tkabbir hija taħt il-valur referenzjarju kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016, li għalhekk jissodisfa r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li s-Slovakkja hija mistennija li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Is-suq tax-xogħol wera sinjali ta' rkupru fl-2014, iżda l-qgħad għadu għoli. Diżinċentivi fis-sistema tas-sigurtà soċjali tnaqqsu u sar xi progress biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżda l-qgħad fuq perjodu ta' żmien twil jibqa' sfida ewlenija u l-impjieg fost ir-Roma u dawk b'ħiliet baxxi huwa baxx. Għalkemm ittieħdu xi passi inizjali biex jitjiebu s-servizzi pubbliċi għall-impjiegi, dawn għandhom kapaċità limitata biex jipprovdu servizzi personalizzati, b'mod partikolari għal dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Ir-rata tal-impjieg tan-nisa għadha inqas sew mill-medja tal-UE, li jirrifletti n-nuqqas ta' provvediment ta' servizzi ta' kura tat-tfal ta' kwalità tajba u bi prezz konvenjenti u żmien relattivament twil ta' leave tal-ġenituri.

(10)

Is-Slovakkja għamlet xi progress f'dak li għandu x'jaqsam ma' tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, b'Att ġdid dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li jidħol fis-seħħ fl-2015. Madankollu, sar progress limitat fit-titjib tal-kundizzjonijiet tat-tagħlim, biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' aktar programmi ta' baċellerat orjentati lejn il-karriera, u b'żieda fil-proporzjon ta' tfal Roma li jattendu l-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija u l-faċilitajiet ta' kura għat-tfal kollha. Ma ttieħdu l-ebda miżuri biex tiġi żgurata parteċipazzjoni usa' ta' Roma fit-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja. Sar biss progress limitat fl-indirizzar ta' lakuni fis-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni Slovakka, il-ħtiġijiet ewlenin huma prinċipalment biex titjieb il-kwalità u r-rilevanza tal-bażi tax-xjenza u biex tiġi promossal-kooperazzjoni bejn l-akkademja, ir-riċerka u n-negozju.

(11)

Il-kwalità fqira tal-ambjent tan-negozju tas-Slovakkja tnaqqas l-attrazzjoni tal-pajjiż kemm għall-investiment barrani kif ukoll domestiku. L-effiċjenza u l-kwalità inadegwati tal-amministrazzjoni pubblika u tas-sistema ġudizzjarja huma ta' detriment b'mod partikolari għall-ambjent tan-negozju. Is-servizz ċivili jbati minn ċaqliq għoli tal-ħaddiema u ġestjoni ineffiċjenti ta' riżorsi umani. L-isforzi biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, s'issa, kienu limitati. B'mod aktar partikolari, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità analitika u tal-awditjar tal-amministrazzjoni tat-taxxa għadha ma ġietx indirizzata. L-akkwist pubbliku jbati minn nuqqasijiet b'għeruq sodi, li jolqot l-allokazzjoni ta' riżorsi pubbliċi.

(12)

Filwaqt li l-bidliet riċenti fis-sistema ta' tassazzjoni kkontribwew għal titjib fil-finanzi pubbliċi, l-ispejjeż assoċjati ma' popolazzjoni li qed tixjieħ se jkunu ta' piż fuq il-pożizzjoni attwalment relattivament tajba tad-dejn tas-Slovakkja fil-futur. Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tiddependi mill-abbiltà tal-Gvern li jżid il-kosteffettività tas-settur tal-kura tas-saħħa. Il-livell ġenerali ta' effiċjenza tas-sistema tas-saħħa tas-Slovakkja hija dgħajfa, u din ma taqtax figura tajba meta mqabbla mal-bqija tal-UE. Il-Gvern adotta strateġija ġdida għas-saħħa għall-2014-2020, sabiex jipprova jindirizza n-nuqqasijiet tas-sistema nazzjonali tas-saħħa. L-istrateġija qed tiġi implimentata, iżda l-biċċa l-kbira tal-miżuri għadhom mhumiex fis-seħħ. Għad hemm ukoll ineffiċjenzi fil-ġbir tat-taxxa u l-amministrazzjoni.

(13)

Il-prestazzjoni dgħajfa ta' investiment f'dawn l-aħħar snin tista' tinfluwenza b'mod negattiv il-prospetti ta' tkabbir fit-tul tas-Slovakkja. It-tnaqqis fl-investiment privat bejn l-2008 u l-2013 kien partikolarment qawwi, b'korporazzjonijiet mhux finanzjarji jammontaw għal madwar 90 % tat-tnaqqis f'investiment totali minħabba t-tnaqqis fl-influssi tal-investiment dirett barrani (IDB). Fl-2013, l-investiment fi prodotti kapitali kien għadu madwar 13 % inqas f'termini reali milli kien fl-2008. Madankollu, minkejja li l-investiment pubbliku naqas ħafna inqas, it-tnaqqis għad għandu konsegwenzi sinifikanti, fid-dawl ta' proġetti infrastrutturali tat-trasport fuq skala kbira li huma essenzjali sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-tkabbir potenzjali tar-reġjuni ċentrali u tal-Lvant tas-Slovakkja. Kemm l-ostakli amministrattivi kif ukoll dawk regolatorji relatati mal-ippjanar tal-investimenti, u n-nuqqas ta' trasparenza u t-tul ta' żmien tal-proċeduri għall-kisba tal-permessi tal-bini u l-użu tal-art iżommu lura l-investiment pubbliku. Fondi tal-UE jirrappreżentaw proporzjon għoli ħafna tal-investiment pubbliku totali fis-Slovakkja, meta mqabbel mal-livelli li kien hemm fi Stati Membri oħra fir-reġjun tagħha. Barra minn hekk, l-assorbiment tal-fondi tal-UE huwa mfixkel minn governanza dgħajfa tal-proċeduri ta' programmazzjoni, tfassil u għażla foqra ta' proġett, u nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti dwar l-istima tal-impatt ambjentali. L-użu ta' speċifikazzjonijiet imfassla apposta fl-akkwist pubbliku jillimita l-kompetizzjoni, u jirriżulta fi prezzijiet finali għolja. Superviżjoni mtejba u aktar għarfien espert fi ħdan l-entitajiet pubbliċi involuti fl-akkwist jista' jgħin biex jingħelbu dawn il-problemi. L-effiċjenza u l-kwalità inadegwati tal-amministrazzjoni pubblika u tas-sistema ġudizzjarja huma ta' detriment b'mod partikolari għall-ambjent tan-negozju, u kwistjonijiet bħar-riforma ta' proċedura ċivili u distribuzzjoni inugwali ta' xogħol fi qrati għadhom ma ġewx indirizzati.

(14)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovakkja u ppublikatha fir-rapportar tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovakkja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovakkja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt.

(15)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovakkja, u hu tal-opinjoni (6) li s-Slovakkja hija konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(16)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, is-Slovakkja għandha wkoll tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.

Ittejjeb il-kosteffettività tas-settur tal-kura tas-saħħa, inkluż billi ttejjeb il-ġestjoni ta' kura fl-isptarijiet u t-tisħiħ tal-kura primarja. Tieħu miżuri biex iżżid il-ġbir tat-taxxa.

2.

Tieħu miżuri addizzjonali biex tindirizza l-qgħad ta' żmien twil billi ttejjeb miżuri ta' attivazzjoni, edukazzjoni li tagħti ċans ieħor u tintroduċi taħriġ ta' kwalità għolja mfassla għall-ħtiġijiet tal-individwi. Ittejjeb l-inċentivi għan-nisa sabiex jibqgħu jew jirritornaw fis-suq tax-xogħol billi ttejjeb il-forniment ta' faċilitajiet ta' kura tat-tfal.

3.

Ittejjeb it-taħriġ tal-għalliema u tagħmel it-tagħlim professjoni aktar attraenti biex twaqqaf it-tnaqqis fir-riżultati edukattivi. Iżżid il-parteċipazzjoni tat-tfal Roma fis-sistema prinċipali tal-edukazzjoni u f'edukazzjoni ta' kwalità għolja kmieni fit-tfulija.

4.

Biex tagħti spinta lill-investiment fl-infrastruttura, ittejjeb u tissimplifika l-proċeduri amministrattivi sabiex jinkiseb l-użu tal-art u l-permessi għall-bini. Iżżid il-kompetizzjoni fl-offerti pubbliċi u ttejjeb il-mekkaniżmi ta' sorveljanza fl-akkwist pubbliku.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta’ Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tas-Slovakkja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovakkja, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 122).

(4)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(5)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)  ĠU C 272, 18.8.2015, p. 98.