23.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2437

tal-14 ta' Diċembru 2015

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT) li jikkonċerna l-istatus ta' Membru tal-Unjoni bħala Membru fil-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija kompetenti li tadotta miżuri għall-konservazzjoni ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar taħt il-politika komuni tas-sajd u li tikkonkludi ftehimiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

(2)

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE (2), l-Unjoni hija Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982. Dik il-Konvenzjoni teżiġi li l-membri kollha tal-komunità internazzjonali jikkooperaw fil-konservazzjoni u fil-ġestjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(3)

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE (3), l-Unjoni hija Parti Kontraenti tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982, fir-rigward tal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna.

(4)

Fl-1 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex, f'isem l-Unjoni, titlob emenda għall-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (il-“Konvenzjoni”) sabiex l-Unjoni ssir Parti Kontraenti.

(5)

Għalkemm in-negozjati rigward l-emenda għall-Konvenzjoni ma kinux konklużivi, matul l-20 laqgħa tagħha li saret f'Ottubru 2013, il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (“CCSBT”) emendat ir-Riżoluzzjoni li tistabbilixxi Kummissjoni Estiża għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (il-“Kummissjoni Estiża tas-CCSBT”) biex l-Unjoni tkun tista' ssir Membru tal-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT permezz ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri.

(6)

Fit-12 ta' April 2015 il-Kunsill awtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT) li jikkonċerna l-istatus tal-Unjoni bħala Membru fil-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (“Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri”).

(7)

Peress li bastimenti li jtajru l-bandieri tal-Istati Membri tal-Unjoni jistadu għal riżorsi fiż-żona ta' distribuzzjoni tat-Tonna ta' Nofsinhar, huwa fl-interess tal-Unjoni li hija jkollha rwol effikaċi fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

(8)

L-istatus ta' Membru tal-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT jippromwovi wkoll il-konsistenza fl-approċċ tal-Unjoni rigward konservazzjoni fl-oċeani kollha u jsaħħaħ l-impenn tagħha lejn il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi tas-sajd fuq livell globali.

(9)

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri għandu għalhekk jiġi approvat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT) li jikkonċerna l-istatus tal-Unjoni bħala Membru fil-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li, f'isem l-Unjoni, jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni mas-Segretarju Eżekuttiv tas-CCSBT, li jaġixxi f'isem is-CCSBT, skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. ETGEN


(1)  Kunsens tal-24 ta' Novembru 2015 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta' Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta' Lulju 1994 li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE tat-8 ta' Ġunju 1998 dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplimenta d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 li għandha x'taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat tal-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14).

(4)  Il-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' Ittri ġie ppubblikat fil-ĠU L 234 tat-8.9.2015, p. 1, flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.