18.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/140


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2395

tal-10 ta' Diċembru 2015

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 291(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-1 ta' April 2015, ir-Repubblika tal-Litwanja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregola l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta' ittra datata t-18 ta' Mejju 2015, bit-talba li għamlet il-Litwanja. Permezz ta' ittra datata l-20 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/388/KE (2) awtorizzat lil-Litwanja biex, fost l-oħrajn, tagħmel ir-riċevitur responsabbli għall-VAT dovuta fuq il-provvista tal-oġġetti u s-servizzi fil-każ ta' proċeduri ta' insolvenza jew ta' proċeduri ta' ristrutturar li jkunu suġġetti għal sorveljanza ġudizjarja, u għall-VAT dovuta fuq il-provvisti tal-injam.

(4)

Il-perjodu għall-applikazzjoni tal-miżura ta' deroga ġiet estiża darbtejn, bid-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/99/UE (3) u 2012/704/UE (4).

(5)

L-investigazzjonijiet u l-analiżi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu mwettqa mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Litwanja wrew li l-miżura ta' deroga hija effettiva.

(6)

Il-Kummissjoni tifhem li s-sitwazzjoni ġuridika u fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni tal-miżura ta' deroga ma nbidlitx u għadha teżisti. Għalhekk, il-Litwanja għandha tkun awtorizzata tapplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor.

(7)

F'każ li l-Litwanja tqis li hi meħtieġa estensjoni ulterjuri tal-miżura ta' deroga lil hinn mill-2018, għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport ta' evalwazzjoni flimkien mat-talba għall-estensjoni, sal-31 ta' Marzu 2018 sabiex tagħti biżżejjed ħin lill-Kummissjoni biex teżamina t-talba.

(8)

Il-miżura ta' deroga mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(9)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE, it-tieni paragrafu hu sostitwit b'dan li ġej:

“Għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018.

Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-miżura stipulata f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2018 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta' dik il-miżura.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BAUSCH


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/388/KE tal-15 ta' Mejju 2006 li tawtorizza lil-Litwanja sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 150, 3.6.2006, p. 13).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/99/UE tas-16 ta' Frar 2010 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 45, 20.2.2010, p. 10).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/704/UE tat-13 ta' Novembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2010/99/UE sabiex tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja testendi l-applikazzjoni ta' miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 319 16.11.2012, p. 7).