17.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2358

tal-10 ta' Diċembru 2015

li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3) flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma illegali tagħhom huma parti essenzjali ta' dik il-politika.

(2)

Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (ir-“Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma illegali u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn minnufih tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet ta' aċċess u d-drittijiet tal-kustodja.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 jikkumplimenta u jirrinfurza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li jkun żgurat ir-ritorn minnufih ta' tfal li ttieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu.

(4)

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(5)

L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

(6)

Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

(7)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u tali Stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

(8)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti.

(9)

Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

(10)

L-Armenja ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-1 ta' Marzu 2007. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Armenja fl-1 ta' Ġunju 2007.

(11)

Bosta Stati Membri diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Armenja wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tal-Armenja jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Armenja taħt it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(12)

L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tal-Armenja għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Armenja fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja li diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 m'għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi taħt id-dritt internazzjonali pubbliku.

(13)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(14)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, mhux aktar tard mill-11 ta' Diċembru 2016, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:

“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2358”

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tiegħu tal-adeżjoni tal-Armenja u jikkommunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħha.

Artikolu 2

Dawk l-Istati Membri li ddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data ta' adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni m'għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BAUSCH


(1)  L-Opinjoni tal-11 ta' Frar 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) No 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).