10.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/35


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2300

tat-8 ta' Diċembru 2015

dwar il-pagament fil-munita euro mir-Renju Unit ta' ċertu nfiq li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali

(notifikata bid-dokument C(2015) 8576)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jesiġi li l-Istati Membri li ma jkunux adottaw il-munita Euro u li jiddeċiedu li jħallsu l-infiq li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali fil-munita euro minflok fil-munita nazzjonali tagħhom, għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-użu tal-munita euro ma joħloqx vantaġġ sistematiku meta mqabbel mal-użu tal-munita nazzjonali.

(2)

Preċedentement, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1352 (2) kienet tapprova tali miżuri kkomunikati mir-Renju Unit.

(3)

Fit-30 ta' Ottubru 2015, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li jżid in-numru ta' miżuri li skonthom ikun jista' jħallas l-infiq fil-munita Euro minflok f'liri sterlini, kif ukoll il-miżuri li għandhom jiġu applikati skont l-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 biex jiġi żgurat li l-użu tal-munita Euro minflok il-lira sterlina ma jwassalx għall-ħolqien ta' xi vantaġġ sistematiku.

(4)

Fil-qosor, dawn huma l-miżuri ppjanati mir-Renju Unit:

l-operaturi jistgħu jitħallsu fil-munita Euro dawk l-ammonti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew li jirriżultaw minnha,

l-operaturi għandhom jassumu r-riskju kollu tar-rata tal-kambju li jirriżulta mill-konverżjoni sussegwenti f'liri sterlini,

l-operaturi għandhom jassumu impenn kontinwu għal minimu ta' sena,

fir-rigward tal-pagament bażiku u tal-pagamenti diretti oħra kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-operaturi għandhom jagħżlu li jħallsu fil-munita Euro meta jressqu l-applikazzjoni tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (4),

fir-rigward tal-miżuri tas-suq adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (6) (għajr għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem), u r-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-operaturi għandhom ikunu ġew approvati mill-inqas tliet xhur minn qabel sabiex jirċievu l-pagamenti fil-munita Euro; l-operaturi għandhom jinnotifikaw tliet xhur minn qabel l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw minn dan l-arranġament; imbagħad, pagamenti ġodda fil-munita Euro jkunu possibbli biss wara perjodu ta' stennija ta' sena,

fir-rigward tal-għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem skont ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1853 (9), l-operaturi għandhom ikunu għażlu li jirċievu l-pagamenti tal-PAK fil-munita Euro qabel is-17 ta' Ottubru 2015.

(5)

Dawn il-miżuri huma f'konformità mal-għan stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jiġifieri biex jevitaw il-ħolqien ta' xi vantaġġ sistematiku li jirriżulta mill-użu tal-munita Euro minflok il-munita nazzjonali. Għaldaqstant, dawn il-miżuri għandhom jiġu approvati.

(6)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1352 għandha titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri kkomunikati mir-Renju Unit fit-30 ta' Ottubru 2015 fir-rigward tal-pagament fil-munita Euro ta' nfiq li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali elenkati fl-Anness u, fejn applikabbli, kwalunkwe att ta' delega jew ta' implimentazzjoni adottat abbażi ta' dawk l-istrumenti huma b'dan approvati.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1352 hija mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1352 tat-30 ta' Lulju 2015 dwar il-pagament fil-munita Euro mir-Renju Unit ta' ċertu nfiq li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni agrikola settorjali (ĠU L 208, 5.8.2015, p. 33).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56).

(9)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1853 tal-15 ta' Ottubru 2015 li jipprevedi għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem (ĠU L 271, 16.10.2015, p. 25).


ANNESS

Miżuri espressi u pagabbli fil-munita euro

Skema

Regolament

Skemi ta' Pagament Dirett

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni fir-rigward ta' prodotti agrikoli

Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014

Xiri sfurzat taċ-ċanga

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013

Xiri sfurzat taċ-ċereali

Xiri sfurzat tal-butir

Xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat

Għajnuna għall-ħżin privat taċ-ċanga

Għajnuna għall-ħżin privat tal-butir

Għajnuna għall-ħżin privat tal-ġobon

Għajnuna għall-ħżin privat tal-fibra tal-kittien

Għajnuna għall-ħżin privat taż-żejt taż-żebbuġa

Għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tal-majjal

Għajnuna għall-ħżin privat tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż

Għajnuna għall-ħżin privat tat-trab tal-ħalib xkumat

Għajnuna għall-ħżin privat taz-zokkor abjad

Għajnuna għall-provvista tal-ħalib u prodotti tal-ħalib lit-tfal

Rifużjonijiet tal-esportazzjoni

Rifużjonijiet tal-esportazzjoni għal prodotti agrikoli pproċessati u oġġetti li mhumiex elenkati fl-Anness I tat-TFUE

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013

Għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa fis-setturi tal-bhejjem

Ir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1853