|
4.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 318/36 |
DEĊIŻJONI (UE) 2015/2248 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-28 ta' Ottubru 2015
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal miżuri baġitarji immedjati taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikolari l-punt 12 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (2) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà fil-limitu annwali ta' EUR 471 miljun (prezzijiet tal-2011) biex ikun hemm il-finanzjament ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti disponibbli għal intestatura waħda oħra jew aktar. |
|
(2) |
Wara li eżaminaw il-possibbiltajiet kollha għar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet skont il-limitu ta' nfiq tal-intestatura 3 (Is-Sigurtà u ċ-Ċittadinanza), jidher li huwa meħtieġ li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta' Flessibbiltà biex jikkomplementa l-finanzjament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea b'EUR 66,1 miljun għas-sena finanzjarja 2015 sabiex jiffinanzja miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni. |
|
(3) |
L-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà huma EUR 52,9 miljun fl-2016 u EUR 13,2 miljun fl-2017, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, l-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 66,1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn fl-intestatura 3 (Is-Sigurtà u ċ-Ċittadinanza).
Dak l-ammont għandu jintuża biex jiffinanzja miżuri għall-immaniġġjar tal-kriżi tar-refuġjati.
L-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà huma EUR 52,9 miljun fl-2016 u EUR 13,2 miljun fl-2017.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Strasburgu, it-28 ta' Ottubru 2015.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
N. SCHMIT
(1) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).