3.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2236

tas-27 ta' Novembru 2015

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-estensjoni tal-moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi u l-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma' vjolazzjoni u lmenti dwar sitwazzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-1998, ġie adottat, fil-forma ta' dikjarazzjoni, moratorju fuq dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi (“il-moratorju dwar il-kummerċ elettroniku”) b'effett illi l-membri tad-WTO għandhom ikomplu l-prattika preżenti li ma jimponux dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi. Bħalissa l-moratorju jieħu l-forma ta' deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, li ġiet imġedda kull sentejn mill-1998 'il quddiem.

(2)

Moratorju għal ilmenti mhux marbuta ma' vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet ġie estiż kontinwament fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO wara l-iskadenza tal-perjodu ta' ħames snin biex tittieħed id-deċiżjoni għall-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet għal dawn l-ilmenti skont l-Artikolu 64(3) tal-Ftehim dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (il-“Ftehim TRIPS”).

(3)

Fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Diċembru 2013, dawk il-moratorji ġew estiżi l-aħħar sal-2015. Iż-żewġ moratorji għandhom jiġu estiżi ulterjorment matul Konferenza Ministerjali tad-WTO li jmiss jew għandhom isiru permanenti jekk jintlaħaq kunsens għal dak l-għan fid-diskussjonijiet li għaddejjin jew f'dawk futuri.

(4)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tagħti l-appoġġ tagħha lill-estensjoni tal-moratorju fuq il-kummerċ elettroniku fuq bażi indefinita. Huwa wkoll fl-interess tal-Unjoni li testendi l-moratorju fuq ilmenti mhux marbuta ma' vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet sakemm il-Konferenzi Ministerjali japprovaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill għat-TRIPS fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet tal-ilmenti mhux marbuta ma' vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet skont l-Artikolu 64(3) tal-Ftehim TRIPS,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija li tappoġġa estensjoni tal-moratorju fuq id-dazji doganali fuq it-trażmissjonijiet elettroniċi fuq bażi indefinita u li tappoġġa estensjoni tal-moratorju fuq ilmenti tat-tipi previsti mis-subparagrafi 1(b) u 1(c) tal-Artikolu XXIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (“ilmenti mhux marbuta ma' vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet”), sakemm il-Konferenza Ministerjali tieħu deċiżjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-modalitajiet tal-ilmenti mhux marbuta ma' vjolazzjoni u ilmenti dwar sitwazzjonijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN