27.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 312/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2015/2187

tal-25 ta' Novembru 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2005/816/KE, Euratom li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT

(notifikata bid-dokument C(2015) 8172)

(It-test bl-Estonjan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (1), u b'mod partikulari t-tieni inċiż tal-Artikolu 6(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 382 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2), l-Estonja tista', skont il-kondizzjonijiet li japplikaw f'dak l-Istat Membru fid-data tal-adeżjoni, tkompli teżenta t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif imsemmi fil-punt (10) tal-Parti B tal-Anness X ta' dik id-Direttiva, sakemm l-istess eżenzjoni tapplika fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri li kienu membri tal-Komunità fit-30 ta' April 2004; dawk it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/816/KE, Euratom (3), l-Estonja għandha awtorizzazzjoni għall-użu ta' stimi approssimattivi għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (10) tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Fir-risposta tagħha tat-23 ta' April 2015 għall-ittra tal-14 ta' Frar 2014 tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni ta' spezzjonijiet tar-riżorsi proprji tal-VAT (4), l-Estonja talbet awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex tuża persentaġġ fiss tal-bażi intermedja għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 10 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE għas-snin finanzjarji 2015 sa 2020. L-Estonja wriet li l-persentaġġ storiku baqa' stabbli maż-żmien. Għaldaqstant, l-Estonja għandha tingħata awtorizzazzjoni biex tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT billi tuża persentaġġ fiss skont l-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni.

(4)

Għall-finijiet ta' trasparenza u ċertezza ġuridika, hu xieraq li jkun hemm limitu ta' żmien għall-applikabilità tal-awtorizzazzjoni.

(5)

Għaldaqstant, huwa xieraq li tkun emendata d-Deċiżjoni 2005/816/KE, Euratom kif meħtieġ,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 2005/816/KE, Euratom jiżdied dan bħala l-Artikolu 1a:

“Artikolu 1a

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, għall-fini tal-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2020, ir-Repubblika tal-Estonja hija awtorizzata li tuża 0,23 % tal-bażi intermedja fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 10 tal-Parti B tal-Anness X, (it-trasport tal-passiġġieri) għad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (*).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Kristalina GEORGIEVA

Viċi President


(1)  ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/816/KE, Euratom tal-21 ta' Novembru 2005 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT (ĠU L 305, 24.11.2005, p. 37).

(4)  Ares(2015)370581.