26.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2181

tal-24 ta' Novembru 2015

dwar il-pubblikazzjoni, b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tar-referenza tal-istandard EN 795:2012 dwar “Protezzjoni kontra waqgħat mill-għoli — Apparat ta' ankoraġġ” skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-apparat personali protettiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 11(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012

Billi:

(1)

Meta standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat, li r-referenza tiegħu tkun ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikopri wieħed jew aktar mir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 89/686/KEE, l-apparat immanifatturat skont dan l-istandard jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti bażiċi kkonċernati tas-saħħa u tas-sikurezza.

(2)

Fit-12 ta' Frar 2000, il-Kummissjoni Ewropea, mal-pubblikazzjoni tal-lista ta' standards armonizzati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ħarġet twissija għall-istandard armonizzat EN 795: 1996 Tispeċifika li “din il-pubblikazzjoni ma tikkonċernax l-apparat deskritt fil-klassijiet A, C u D […] u li fir-rigward tiegħu ma għandu jkun hemm l-ebda preżunzjoni ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tad- Direttiva 89/686/KEE”.

(3)

F'sentenza tal-21 ta' Ottubru 2010 fil-każ C-185/08, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-istandard EN 795 dwar apparat ta' ankoraġġ tal-klassi A 1 mhumiex koperti bid-Direttiva 89/686/KEE;

(4)

Fit-3 ta' Awwissu 2012, Franza ressqet oġġezzjoni formali fir-rigward tal-istandard EN 2012:795 “Protezzjoni kontra waqgħat mill-għoli- Apparat ta' ankoraġġ”, armonizzat skont id- Direttiva 89/686/KEE. L-istandard ġie approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fid-9 ta' Ġunju 2012 iżda r-referenza tiegħu għadha ma ġietx ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

L-oġġezzjoni formali hija bbażata fuq il-fatt li l-apparat fiss ta' ankoraġġ, li miegħu huwa mqabbad t-Tagħmir Personali Protettiv (TPP) kontra waqgħat mill-għoli — bħal ċinga li torbot il-ġisem, kurdun bi smorzatur u elementi oħrajn ta' konnessjoni — huwa parti integrali ta' struttura jew ta' wiċċ tal-blat. L-apparat ta' ankoraġġ li huwa parti integrali ta' struttura mhuwiex TPP iżda apparat li miegħu jitwaħħal it-TPP u għalhekk komplementari. F'dan il-każ, huma biss l-elementi ta' konnessjoni li għandhom jitqiesu bħala TPP.

(6)

L-istandard EN 795:2012 jikkonċerna kemm il-punti fissi ta' ankoraġġ kif ukoll dawk mobbli. Madankollu, huma biss il-punti mobbli ta' ankoraġġ (jiġifieri dawk trasportabbli u temporanji), li mhux mwaħħlin b'mod permanenti ma' struttura, li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 89/686/KEE.

(7)

Hemm ħames tipi ta' apparat ta' ankoraġġ li huma kopert mill-istandard EN 795:2012 skont il-karatteristiċi tagħhom, li huma:

Tip A: L-apparat ta' ankoraġġ b'punt stazzjonarju wieħed jew aktar ta' ankoraġġ u li jeħtieġ rbit strutturali jew ta' elementi tat-twaħħil li jeħlu mal-istruttura;

Tip B: L-apparat ta' ankoraġġ b'punt stazzjonarju wieħed jew aktar ta' ankoraġġ mingħajr il-ħtieġa ta' rbit strutturali jew ta' elementi tat-twaħħil li jeħlu mal-istruttura;

Tip C: L-apparat ta' ankoraġġ mgħammar bi rfid flessibbli u orizzontali

Tip D L-apparat ta' ankoraġġ mgħammar bi rfid riġidu u orizzontali;

Tip E L-apparat ta' ankoraġġ li jintuża fuq l-uċuħ orizzontali fejn il-prestazzjoni tiddependi biss fuq il-massa u fuq il-frizzjoni bejnha u l-wiċċ (irbit li jżomm bil-piż tiegħu stess).

(8)

Wara li eżaminat l-istandard EN 795:2012, il-Kummissjoni stabbiliet li huma biss it-tipi B u E tal-apparat ta' ankoraġġ li huma mobbli u mhux maħsuba li jibqgħu permanentement imwaħħlin mal-istruttura, u għalhekk huma TPP koperti mid-Direttiva 89/686/KEE.

(9)

Ġew ikkonsultati l-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati li jirċievu finanzjament mill-Unjoni u l-grupp ta' ħidma dwar it-tagħmir personali protettiv.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard EN 2012:795 “Protezzjoni kontra waqgħat mill-għoli — Apparat ta' ankoraġġ” għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b'restrizzjoni kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 399, 30.12.1989, p. 18.

(2)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.


ANNESS

IL-PUBBLIKAZZJONI TA' TITOLI U TA' REFERENZI TAL-ISTANDARDS ARMONIZZATI EWROPEJ SKONT ID-DIRETTIVA 89/686/KEE

ESO (1)

Ir-referenza u t-titolu tal-istandard armonizzat

(u d-dokument tar-referenza)

L-ewwel pubblikazzjoni fil-ĠU

Ir-referenza tal-istandard sostittwit

Id-data tat-tmiem tal-preżunzjoni tal-konformità tal-istandard sostitwit

Nota 1

CEN

EN 795:2012

It-tagħmir ta'protezzoni kontra waqgħat mill-għoli — Apparati ta' ankoraġġ

Din hija l-ewwel pubblikazzjoni

EN 795:1996

 

Twissija: Din il-pubblikazzjoni ma tikkonċernax it-tagħmir deskritt f':

—

tip A (apparat ta' ankoraġġ b'punt stazzjonarju wieħed jew aktar ta' ankoraġġ u bil-bżonn ta' rbit strutturali jew ta' elementi tat-twaħħil li jeħlu mal-istruttura) imsemmi fil-klawżoli 3.2.1, 4.4.1, 5.3;

—

tip C (apparat ta' ankoraġġ mgħammar bi rfid flessibli u orizzontali) imsemmi fil-klawżoli 3.2.3, 4.4.3 u 5.5;

—

tip D (apparat ta' ankoraġġ mgħammar bi rfid riġidu u orizzontali) imsemmi fil-klawżoli 3.2.4, 4.4.4 u 5.6;

—

kull kombinazzjoni minn dawk imsemmija hawn fuq.

Fir-rigward tat-tipi A, C u D, din il-pubblikazzjoni ma tikkonċerna l-ebda klawżola minn dawn: 4.5, 5.2.2, 6, 7; l-Anness A u l-Anness ZA.

Għaldaqstant, fir-rigward tat-tagħmir imsemmi hawn fuq, m'għandu jkun hemm l-ebda preżunzjoni tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/686/KEE għaliex mhux meqjus bħala TPP (Tagħmir Personali Protettiv).

Nota:

Ġeneralment id-data li fiha tintemm il-preżunzjoni tal-konformità tkun id-data tar-revoka (“dow”, date of withdrawal), stabbilita mill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni, iżda l-utenti ta' dawn l-istandards, ta' min jinnota li f'ċerti każijiet eċċezzjonali dan jista' jkun mod ieħor.

(1)  ESO: L-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni:

—

CEN: Avenue Marnix 17, 1000, Brussels, Tel.+32 25500811; faks + 32 25500819 (http://www.cen.eu)

—

CENELEC: Avenue Marnix 17, 1000, Brussels, Tel.+32 25196871; faks +32 25196919 (http://www.cenelec.eu)

—

ETSI: 650, route des Lucioles, F-06921 Sophia Antipolis, Tel. +33 492944200; faks +33 493654716, (http://www.etsi.eu)