20.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/101


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2100

tat-18 ta' Novembru 2015

li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal fil-Latvja u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/307/KE

(notifikata bid-dokument C(2015) 7986)

(It-test bil-Latvjan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(p) u (t) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Punt 1 tat-Taqsima B.IV tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fih previst li, għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal, il-kontenut tal-laħam dgħif irid jiġi vvalutat permezz ta' metodi ta' klassifikazzjoni awtorizzati mill-Kummissjoni u jistgħu jiġu awtorizzati biss metodi ta' valutazzjoni ppruvati statistikament ibbażati fuq il-kejl fiżiku ta' parti anatomika waħda jew aktar tal-karkassa tal-majjal. L-awtorizzazzjoni tal-metodi ta' klassifikazzjoni għandha tkun soġġetta għall-konformità b'tolleranza massima għal żball statistiku fil-valutazzjoni. Dik it-tolleranza hija definita fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/2008 (2).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/307/KE (3), ġie awtorizzat l-użu ta' tliet metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal fil-Latvja.

(3)

Il-Latvja talbet lill-Kummissjoni tawtorizza s-sostituzzjoni tal-formula użata fl-“Intrascope (Optical Probe)”, il-“Metodu Manwali (ZP)” u l-“Pork Grader (PG 200)”, kif ukoll tawtorizza metodu ġdid wieħed, “OptiGrade-MCP”, għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fit-territorju tagħha. Il-Latvja ppreżentat deskrizzjoni dettaljata tal-prova tad-dissezzjoni, bl-indikazzjoni tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-formula l-ġdida, ir-riżultat tal-prova tad-dissezzjoni tagħha u l-ekwazzjonijiet użati għall-valutazzjoni tal-perċentwal tal-laħam dgħif fil-protokoll previst fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 1249/2008.

(4)

Eżami ta' dik it-talba wera li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' dik il-formula u l-metodi tal-klassifikazzjoni ġodda huma ssodisfati. Għalhekk dik il-formula u l-metodi għandhom jiġu awtorizzati fil-Latvja.

(5)

Il-Latvja talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tkun awtorizzata tistipula preżentazzjoni ta' karkassi tal-majjali differenti mill-preżentazzjoni standard definita fil-punt B.III tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(6)

Skont l-Artikolu 20(t)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jiġu awtorizzati jipprevedu preżentazzjoni ta' karkassi tal-majjali differenti mill-preżentazzjoni standard definita fil-punt B.III tal-Anness IV, meta l-prassi kummerċjali normali fit-territorju tagħhom tkun differenti mill-preżentazzjoni standard. Fit-talba tagħha, il-Latvja speċifikat li fit-territorju tagħha l-prassi kummerċjali tista' teħtieġ li r-ras, id-denb, is-saqajn ta' quddiem u ta' wara jitneħħew mill-karkassi tal-majjal. Din il-preżentazzjoni li hija differenti mill-preżentazzjoni standard għandha għalhekk tiġi awtorizzata fil-Latvja.

(7)

Sabiex ikunu stabbiliti l-kwotazzjonijiet għall-karkassi tal-majjali fuq bażi komparabbli, din il-preżentazzjoni differenti għandha titqies billi f'dawn il-każijiet il-piż irreġistrat jiġi aġġustat b'relazzjoni għall-piż tal-preżentazzjoni standard.

(8)

Il-modifiki tal-apparat jew tal-metodi ta' klassifikazzjoni ma għandhomx ikunu permessi, sakemm ma jkunux awtorizzati espliċitament permezz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

(9)

Għal raġunijiet ta' ċarezza u ċertezza legali, għandha tiġi adottata Deċiżjoni ġdida. Għalhekk id-Deċiżjoni 2005/307/KE għandha titħassar.

(10)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi tekniċi, u filwaqt li jiddaħħlu metodi u formula ġodda, il-metodi tal-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali awtorizzati skont din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016.

(11)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-użu tal-metodi li ġejjin huwa awtorizzat għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal skont il-punt 1 tat-Taqsima B.IV tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fil-Latvja:

(a)

l-apparat “Intra-scope (Optical Probe)” u l-metodi ta' valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti I tal-Anness;

(b)

l-apparat “Manual method (ZP)” u l-metodi ta' valutazzjoni relatati miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti II tal-Anness;

(c)

l-apparat “Pork Grader (PG200)” u l-metodi ta' valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti III tal-Anness;

(d)

l-apparat “OptiGrade-MCP” u l-metodi ta' valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tiegħu jinsabu fil-Parti IV tal-Anness.

Il-metodu manwali ZP msemmi f'punt (b) tal-ewwel paragrafu, għandu jiġi awtorizzat biss għall-biċċeriji

(a)

bl-użu ta' metodu tal-input tad-dejta elettronika mal-limitu ta' qatliet ta' mhux aktar minn 500 majjal fil-ġimgħa,

(b)

li l-limitu ta' qatliet ta' mhux aktar minn 200 majjal fil-ġimgħa.

Artikolu 2

Minkejja l-preżentazzjoni standard stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-punt B.III tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-karkassi tal-majjali fil-Latvja jistgħu jiġu ppreżentati mingħajr ma jitneħħew ir-ras, id-denb, is-saqajn ta' quddiem u ta' wara, qabel ma jintiżnu u jiġu kklassifikati.

Sabiex ikunu stabbiliti l-kwotazzjonijiet għall-karkassi tal-majjali fuq bażi komparabbli, għandhom jiġu applikati l-koeffiċjenti fissi li ġejjin fil-każijiet kollha jekk ikunu nieqsa xi partijiet tal-karkassa li ġejjin:

jekk tonqos ir-ras: 8,345

jekk jonqos id-denb: 0,072

jekk jonqsu is-saqajn ta' quddiem: 0,764

jekk jonqsu is-saqajn ta' wara: 1,558

Il-preżentazzjoni standard tal-piż tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula:

Standard ta' preżentazzjoni tal-piż tal-karkassa = 100 × il-piż tal-karkassa (mingħajr il-parti(jiet) neqsin)/(100 – il-koeffiċjent(i) għal parti(jiet) neqsin)

Artikolu 3

Il-modifiki tal-apparat jew tal-metodi ta' klassifikazzjoni awtorizzati ma għandhomx ikunu permessi, sakemm dawk il-modifiki ma jkunux awtorizzati espliċitament permezz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 2005/307/KE hija mħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 6

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1249/2008 tal-10 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-iskali tal-Komunità għall-klassifikazzjoni ta' karkassi taċ-ċanga, tal-majjal, u tal-laħam tan-nagħaġ u r-rapportar tal-prezzijiet tagħhom (ĠU L 337, 16.12.2008, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/307/KE tat-12 ta' April 2005 tawtorizza metodu għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal fil-Latvja (ĠU L 98, 16.4.2005, p. 42).


ANNESS

METODI GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-KARKASSI TAL-MAJJALI FIL-LATVJA

Parti I

INTRASCOPE (OPTICAL PROBE)

1.

Ir-regoli previsti f'din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal issir permezz ta' apparat imsejjaħ “Intrascope (Optical Probe)”.

2.

L-apparat għandu jkun mgħammar b'sonda ta' forma skorfina essagonali b'wisa' massima ta' 12-il millimetru (u ta' 19-il millimetru fix-xafra fuq in-naħa fuq tas-sonda) li jkun fiha apertura biex tħares minnha u sors ta' dawl, tubu ċilindriku li jiżżerżaq, u li jkollha distanza operattiva ta' bejn 8 u 50 millimetru.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

ŷ = 66,6708 – 0,3493 × F meta:

ŷ= il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat fil-karkassa,

F= il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda ta' barra), imkejla fuq in-naħa tax-xellug tal-karkassa wara l-aħħar kustilja 6 cm mil-linja tan-nofs tal-karkassa (f'millimetri).

Il-formola għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 110 kilogrammi.

Parti II

METODU MANWALI (ZP)

1.

Ir-regoli previsti f'din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-metodu manwali (ZP).

2.

Il-metodu jista' jiġi implimentat permezz ta' riga, meta l-klassifika tiġi ddeterminata abbażi ta' ekwazzjoni ta' tbassir. Huwa bbażat fuq il-kejl manwali tal-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma tal-ħxuna tax-xaħam tad-dahar u l-ħxuna tal-muskolu.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

ŷ = 60,5214 – 0,2579 × G + 0,0525 × M

meta:

ŷ= il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat fil-karkassa,

G= il-ħxuna tal-muskolu fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma, imkejla fuq l-iqsar distanza bejn it-tarf tal-kranju tal-m.gluteus medius u t-tarf tal-canalis vertebralis (f'millimetri).

M= il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (inkluża l-ġilda ta' barra) fil-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma, imkejla fuq l-inqas post fuq il-muskolu tal-m. gluteus medius (f'millimetri).

Il-formola għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 110 kilogrammi.

Parti III

PORK GRADER (PG200)

1.

Ir-regoli previsti f'din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal ssir permezz tal-apparat imsejjaħ “Pork Grader (PG200)”.

2.

L-apparat għandu jkun mgħammar b'sonda tal-kejl imwaħħla fuq kejsing b'forma ta' pistola, stampatur tal-karti tad-data u blokka tal-provi għal verifika tal-kalibrazzjoni, kif ukoll b'xafra wiesgħa ta' 8-9 mm u dawl LED b'riċevitur tad-dawl (fotoditekter).

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

ŷ = 64,4502 – 0,4364 × F + 0,0381 × M meta:

ŷ= il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat fil-karkassa,

F= il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda ta' barra), imkejla wara l-aħħar kustilja 7 cm mil-linja tan-nofs tal-karkassa (f'millimetri).

M= il-ħxuna tal-muskolu, imkejla wara l-aħħar kustilja, 7 cm 'l barra mil-linja tan-nofs tal-karkassa (f'millimetri).

Il-formola għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 110 kilogrammi.

Parti IV

OPTIGRADE-MCP

1.

Ir-regoli stipulati f'din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “OptiGrade-MCP”.

2.

L-apparat għandu jkun mgħammar bi prob ottika b'dijametru ta' 6 mm, fotodajowd infrared wieħed u fototranżister. Ir-riżultati tal-kejl jiġu kkonvertiti f'kontenut ta' laħam dgħif stmat permezz ta' kompjuter.

3.

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

ŷ = 66,7787 – 0,4464 × F + 0,0018 × M

meta:

ŷ= il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat fil-karkassa,

F= il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda ta' barra), imkejla fuq bejn l-aħħar kustilja u l-kustilja ta' qabel tal-aħħar 7 cm mil-linja tan-nofs tal-karkassa (f'millimetri).

M= il-ħxuna tal-muskolu, imkejla bejn l-aħħar kustilja u u l-kustilja ta' qabel tal-aħħar 7 cm mil-linja tan-nofs tal-karkassa (f'millimetri).

Il-formola għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 110 kilogrammi.