|
20.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 303/19 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2097
tas-26 ta' Ottubru 2015
dwar l-istabbiliment ta' Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS ERIC)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Olanda, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju tal-Iżvezja, talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS ERIC). Il-Konfederazzjoni Żvizzera se tipparteċipa fl-ICOS ERIC bħala Osservatur. |
|
(2) |
Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju tal-Iżvezja, talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS ERIC). |
|
(3) |
Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, ivvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament. |
|
(4) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, |
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju msemmi ICOS ERIC huwa b'dan stabbilit.
2. L-Istatuti ta' ICOS ERIC huma stabbiliti fl-Anness. L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku ta' ICOS ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.
3. L-elementi essenzjali tal-Istatuti li l-emendi għalihom għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma stipulati fl-Artikoli 1, 2, 16, 18, 19, 22, 23, u 24.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
ANNESS
STATUTI TAL-KONSORZJU GĦAL INFRASTRUTTURA EWROPEA TA' RIĊERKA DWAR SISTEMA INTEGRATA GĦALL-OSSERVAZZJONI TAL-KARBONJU (ICOS ERIC)
IR-RENJU TAL-BELĠJU
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA
IR-REPUBBLIKA TA' FRANZA
IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS
IR-RENJU TAN-NORVEĠJA
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA
Minn hawn 'il quddiem “Il-Membri”
kif ukoll
IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA
Minn hawn 'il quddiem “L-Osservatur”
BILLI l-Membri huma konvinti li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima li ġej minħabba emissjonijiet antropoġeniċi ta' gassijiet b'effett ta' serra (GHG) huwa sfida globali u li hemm il-ħtieġa ta' riċerka u ta' osservazzjonijiet kontinwi u fit-tul biex jitjieb l-għarfien dwar l-emissjonijiet (GHG), il-bjar tal-karbonju, l-impatti tagħhom fuq is-sistemi dinjija u l-għażliet ta' ġestjoni;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-osservazzjoni ta' Parametri Essenzjali tal-Klima, fosthom tal-GHGs, hija meħtieġa sabiex tiġi appoġġjata l-ħidma tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC);
FILWAQT LI JENFASIZZAW li l-UNFCCC qiegħed isejjaħ lill-Partijiet tiegħu biex jippromwovu u jikkooperaw f'osservazzjoni sistematika ta' GHGs permezz tal-kooperazzjoni mas-Sistema Globali ta' Osservazzjoni tal-Klima (GCOS), il-komponent tas-Sistema tas-Sistemi għall-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEOSS) għall-osservazzjoni tal-klima;
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-riċerka nazzjonali dwar il-GHGs u l-kapaċitajiet ta' osservazzjoni tagħha, u l-ħtieġa li tiġi stabbilita koordinazzjoni fil-livell Ewropew, bħala Infrastruttura tar-Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS);
BILLI l-Membri jixtiequ li ssir riċerka biex jitjieb il-fehim tal-baġits reġjonali ta' sorsi ta' GHGs u ta' bjar, il-fatturi umani u naturali tagħhom u l-mekkaniżmi ta' kontroll, billi jiġu żviluppati osservazzjonijiet bi preċiżjoni għolja u fit-tul ta' GHGs;
BILLI l-Membri jixtiequ li komunitajiet wiesgħa ta' utenti jingħataw aċċess għad-dejta tal-ICOS, biex tinħoloq rabta bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi li jippromwovu l-innovazzjoni u biex tiġi provduta dejta indipendenti biex tikkontribwixxi għall-analiżi tal-inventarji tal-emissjonijiet;
FILWAQT LI JITOLBU lill-Kummissjoni Ewropea twaqqaf l-infrastruttura tal-ICOS bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ICOS ERIC),
FTIEHMU KIF ĠEJ:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Isem, sede statutorja u lingwa operattiva
1. Ġie stabbilit Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju “ICOS ERIC”.
2. L-ICOS ERIC sejjer ikollha s-sede statutorja tagħha f'Ħelsinki, il-Finlandja (l-“Istat ospitanti”).
3. Il-lingwa operattiva tal-ICOS ERIC sejra tkun l-Ingliż.
Artikolu 2
Kompiti u attivitajiet
1. Il-kompitu prinċipali tal-ICOS ERIC huwa li twaqqaf Infrastruttura distribwita tar-Riċerka dwar Sistema Integrata għall-Osservazzjoni tal-Karbonju (ICOS RI) u li tikkoordina l-operat tal-ICOS RI, tqassam l-informazzjoni mill-ICOS RI lil komunitajiet ta' utenti u li twaqqaf dejta u analiżi integrata minn sistemi ta' osservazzjoni ta' GHGs.
2. L-ICOS ERIC għandha tipprovdi aċċess effettiv għal dejta koerenti u preċiża biex tiġi faċilitata r-riċerka dwar analiżi fuq diversi skali tal-emissjonijiet ta' GHGs, il-bjar u l-proċessi determinanti tagħhom billi tagħmel disponibbli protokolli tal-kejl, dejta fit-tul u prodotti tad-dejta. L-iżviluppi teknoloġiċi u ta' dimostrazzjoni, relatati mal-GHGs, sejrin jiġu promossi permezz tar-rabta bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni. Għal dan il-għan l-ICOS ERIC sejra twettaq u tikkoordina attivitajiet, inklużi iżda mhux limitati għal:
|
(a) |
kwantifikazzjoni tal-konċentrazzjonijiet atmosferiċi ta' GHGs u l-flussi terrestri u oċeaniċi fuq l-Ewropa u fuq ir-reġjuni ewlenin ta' interess Ewropew, inkluż l-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana; |
|
(b) |
faċilitazzjoni ta' programmi u ta' proġetti ta' riċerka Ewropej; |
|
(c) |
kontribuzzjoni għall-mobilità tal-għarfien u/jew tar-riċerkaturi fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) u żieda fl-użu tal-potenzjal intellettwali madwar l-Ewropa; |
|
(d) |
koordinazzjoni u appoġġ għall-iżvilupp tat-teknoloġija u tal-protokolli għal kejl effiċjenti u ta' kwalità għolja tal-konċentrazzjonijiet u tal-flussi tal-GHGs li għandu jiġi promoss ukoll lil hinn mill-Ewropa; |
|
(e) |
kontribuzzjoni ta' informazzjoni f'waqtha rilevanti għall-politika u għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-GHGs; |
|
(f) |
faċilitazzjoni tal-analiżi tas-sekwestrar tal-karbonju u/jew tal-attivitajiet ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-GHG fil-livelli globali tal-kompożizzjoni atmosferika, inkluż l-attribuzzjoni ta' sorsi u ta' bjar skont ir-reġjuni ġeografiċi u s-setturi ta' attività; |
|
(g) |
faċilitazzjoni tal-għanijiet tal-ICOS RI biex jiġi stabbilit mudell għall-iżvilupp futur ta' netwerks simili integrati u operattivi ta' osservazzjoni tal-GHGs lil hinn mill-Ewropa; |
|
(h) |
valutazzjoni xjentifika u tal-ġestjoni tal-attivitajiet, tal-orjentazzjoni strateġika u tal-operat tal-komponenti kollha tal-ICOS RI minn evalwaturi esterni. |
3. L-ICOS ERIC għandha tiġi operata fuq bażi mhux ekonomika. Sabiex tkompli tiġi promossal-innovazzjoni kif ukoll it-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija, jistgħu jitwettqu attivitajiet ekonomiċi limitati sakemm dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompitu prinċipali tagħha u li ma jipperikolawx il-kisba tiegħu.
KAPITOLU 2
MEMBRI U OSSERVATURI
Artikolu 3
Sħubija, Osservatur u Entità Rappreżentanti
1. L-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru Membri jew Osservaturi tal-ICOS ERIC:
|
(a) |
l-Istati Membri tal-Unjoni; |
|
(b) |
il-pajjiżi assoċjati; |
|
(c) |
pajjiżi terzi oħra li mhumiex pajjiżi assoċjati; |
|
(d) |
organizzazzjonijiet intergovernattivi. |
2. L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jsiru Membri tal-ICOS ERIC jekk jikkontribwixxu għall-operat tal-ICOS ERIC u/jew jospitaw Faċilità Ċentrali tal-ICOS u/jew Netwerks Nazzjonali tal-ICOS.
3. Il-membri tal-ICOS ERIC għandhom tal-inqas jinkludu Stat Membru u żewġ pajjiżi oħra li jew ikunu Stati Membri jew pajjiżi assoċjati.
4. L-Istati Membri jew il-pajjiżi assoċjati għandu jkollhom il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot b'mod konġunt fl-Assemblea Ġenerali. L-Assemblea Ġenerali għandha tiddetermina kwalunkwe modifika għad-drittijiet tal-vot li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li f'kull ħin l-ICOS ERIC tkun konformi ma' dak ir-rekwiżit.
5. Membru jew Osservatur jista' jkun rappreżentat minn entità pubblika waħda jew iktar, inklużi reġjuni jew entitajiet privati b'missjoni ta' servizz pubbliku, tal-għażla tiegħu u maħtura skont ir-regoli u l-proċeduri tiegħu stess. Membru jew Osservatur għandu jinforma lill-President tal-Assemblea Ġenerali bil-miktub bi kwalunkwe bidla fir-rigward tal-entità rappreżentanti.
6. Il-Membri u l-Osservaturi kif ukoll l-entitajiet rappreżentanti tagħhom huma elenkati fl-Anness 1. L-Anness 1 għandu jinżamm aġġornat mill-President tal-Assemblea Ġenerali jew minn kwalunkwe persuna awtorizzata minnu/minnha.
Artikolu 4
Dħul ta' Membri u ta' Osservaturi
1. Id-dħul tal-Membri għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
entità msemmija fl-Artikolu 3(2) għandha tippreżenta applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali; |
|
(b) |
l-applikazzjoni għandha tiddeskrivi l-mod kif l-applikant sejjer ikun involut fl-ICOS RI u kif sejjer jipparteċipa fit-twettiq tal-kompiti u tal-attivitajiet tal-ICOS ERIC deskritti fl-Artikolu 2 u kif sejjer jissodisfa l-obbligi msemmija fl-Artikolu 6(2); |
|
(c) |
id-dħul ta' Membri ġodda għandu jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali. |
2. Id-dħul ta' Osservaturi għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
entità msemmija fl-Artikolu 3(3) għandha tippreżenta applikazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali; |
|
(b) |
l-applikazzjoni għandha tiddeskrivi l-mod kif l-applikant sejjer ikun involut fl-ICOS RI, jekk hux sejjer ikun qiegħed jipparteċipa fit-twettiq tal-objettivi u tal-kompiti tal-ICOS ERIC deskritti fl-Artikolu 2 u kif sejjer jissodisfa l-obbligi ta' Osservatur imsemmija fl-Artikolu 6(4); |
|
(c) |
id-dħul ta' Osservatur għandu jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali; |
3. Osservatur jista' jiġi ammess għal massimu ta' tliet snin. Fuq talba tal-Osservatur, l-Assemblea Ġenerali tista' testendi l-perjodu inizjali darba għall-istess tul ta' żmien. F'każijiet eċċezzjonali l-Assemblea Ġenerali tista' taċċetta iktar minn estensjoni waħda ta' status ta' Osservatur.
Artikolu 5
Irtirar ta' Membru jew ta' Osservatur/Terminazzjoni ta' Sħubija jew ta' status ta' Osservatur
1. Fl-ewwel ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf l-ICOS ERIC, l-ebda Membru ma jista' jirtira, sakemm l-Assemblea Ġenerali ma taċċettax it-talba tal-Membru li jirtira qabel iż-żmien.
2. Wara l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 Membru jista' jirtira fl-aħħar ta' sena finanzjarja sakemm dan jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira billi jibgħat talba uffiċjali tnax-il xahar bil-quddiem lill-President tal-Assemblea Ġenerali.
3. Osservatur jista' jirtira fl-aħħar ta' sena finanzjarja sakemm dan jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jirtira billi jibgħat talba uffiċjali sitt xhur bil-quddiem lill-President tal-Assemblea Ġenerali.
4. Membru jew Osservatur li jkun sejjer jirtira għandu jissodisfa l-obbligi kollha, inklużi l-obbligi finanzjarji, li jkun daħal għalihom qabel ma rtira.
5. L-Assemblea Ġenerali tista' ttemm is-Sħubija jew l-istatus ta' Osservatur jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
|
(a) |
il-Membru jew l-Osservatur jinsab li jkun wettaq ksur serju ta' obbligu wieħed jew iktar tiegħu taħt dawn l-Istatuti; |
|
(b) |
il-Membru jew l-Osservatur ikun naqas milli jirrettifika dan il-ksur fi żmien perjodu ta' sitt xhur wara li jkun irċieva notifika bil-miktub tal-ksur; u |
|
(c) |
il-Membru jew l-Osservatur ikun ingħata l-opportunità li jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta' deċiżjoni pendenti ta' terminazzjoni lill-Assemblea Ġenerali. |
Artikolu 6
Drittijiet u Obbligi tal-Membri u tal-Osservaturi
1. Id-drittijiet tal-Membri għandhom jinkludu:
|
(a) |
id-dritt li jaħtru entitajiet rappreżentanti; |
|
(b) |
id-dritt li jattendu u jivvotaw fl-Assemblea Ġenerali; |
|
(c) |
id-dritt għall-aċċess għas-servizzi u għall-attivitajiet koordinati mill-ICOS ERIC għall-komunità tar-riċerka tagħha. |
2. Kull Membru għandu:
|
(a) |
iħallas il-kontribuzzjoni annwali tas-sħubija speċifikata fl-Anness 2; |
|
(b) |
jagħti awtorità sħiħa lir-rappreżentanti tiegħu li jkunu qegħdin jattendu għall-Assemblea Ġenerali biex jirrappreżentaw lill-Membru; |
|
(c) |
jiżgura l-adozzjoni ta' standards u ta' għodod rilevanti fl-operazzjonijiet tan-Netwerk Nazzjonali tal-ICOS; |
|
(d) |
jipprovdi l-infrastruttura u r-riżorsi meħtieġa għall-operazzjonijiet tan-Netwerk Nazzjonali tal-ICOS u tal-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS li jkun qiegħed jospita; |
|
(e) |
jippromwovi l-użu ta' dejta u ta' servizzi koordinati tal-ICOS ERIC bejn ir-riċerkaturi f'pajjiżhom, u jiġbor rispons mingħand l-utenti kif ukoll il-ħtiġijiet tagħhom. |
3. Id-drittijiet tal-Osservaturi għandhom jinkludu:
|
(a) |
id-dritt li jaħtru entitajiet rappreżentanti; |
|
(b) |
id-dritt li jattendu għall-Assemblea Ġenerali mingħajr dritt tal-vot. |
Osservatur jista' jingħata drittijiet oħra mill-Assemblea Ġenerali skont il-proċedura stabbilita fir-regoli interni.
4. Kull Osservatur għandu:
|
(a) |
iħallas il-kontribuzzjoni annwali ta' Osservatur speċifikata fl-Anness 2; |
|
(b) |
iwettaq kull obbligu ieħor negozjat bejn l-Osservatur rispettiv u l-ICOS ERIC, u bi qbil mal-Assemblea Ġenerali. |
KAPITOLU 3
GOVERNANZA U ĠESTJONI TAL-ICOS ERIC
Artikolu 7
Governanza
1. L-ICOS ERIC għandha tinkludi l-korpi li ġejjin: l-Assemblea Ġenerali, il-Bord Xjentifiku Konsultattiv, il-Bord Konsultattiv dwar l-Etika, u d-Direttur Ġenerali appoġġjat mill-Kumitat dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka tal-ICOS. L-Assemblea Ġenerali tista' twaqqaf korpi konsultattivi oħra li tqis xierqa.
2. Għandhom jiġu konklużi ftehimiet speċifiċi li jiddeskrivu r-rwoli u r-responsabbiltajiet, inklużi l-obbligi finanzjarji bejn l-ICOS ERIC u l-entitajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS u tan-Netwerks Nazzjonali tal-ICOS.
Artikolu 8
Assemblea Ġenerali: Kompożizzjoni, Laqgħat u Proċeduri
1. L-Assemblea Ġenerali għandha tkun il-korp governattiv tal-ICOS ERIC u għandha tkun magħmula minn rappreżentanti tal-Membri u tal-Osservaturi tal-ICOS ERIC. Kull Membru jista' jkollu sa tliet rappreżentanti. Osservatur jista' jkollu rappreżentant wieħed fl-Assemblea Ġenerali.
2. L-Assemblea Ġenerali għandha teleġġi President u Viċi President minn bejn ir-rappreżentanti għal terminu ta' sentejn, li jista' jiġġedded darbtejn.
3. L-Assemblea Ġenerali għandha titlaqqa' u tiġi preseduta mill-President. Fin-nuqqas tiegħu jew tagħha, l-Assemblea Ġenerali għandha tiġi preseduta mill-Viċi President.
4. L-Assemblea Ġenerali għandha tiltaqa' tal-inqas darba fis-sena u tkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali u s-superviżjoni tal-ICOS ERIC u tiddeċiedi dwar l-orjentazzjoni strateġika u l-istruttura tal-ICOS RI.
5. Laqgħa straordinarja tal-Assemblea Ġenerali tista' tintalab minn tal-inqas terz tal-Membri.
6. Membru jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor wara notifika bil-miktub lill-President tal-Assemblea Ġenerali. Membru ma jistax jirrappreżenta iktar minn Membru wieħed ieħor.
7. Id-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta' proċedura bil-miktub.
8. L-Assemblea Ġenerali għandha tadotta r-regoli ta' proċedura tagħha.
Artikolu 9
Drittijiet tal-Vot
1. Kull Membru għandu tal-inqas ikollu vot wieħed li għandu jiġi supplimentat b'vot addizzjonali għal Membru li jkun qiegħed jospita Faċilità Ċentrali tal-ICOS, il-Portal tal-Karbonju (Carbon Portal) jew l-Uffiċċju Prinċipali, u vot addizzjonali għal Membru li jkun qiegħed jospita erba' stazzjonijiet tal-Klassi-1 tal-ICOS ta' mill-inqas żewġ tipi differenti (stazzjon atmosferiku, tal-ekosistemi, oċeaniku). Kull Membru għandu jkollu massimu ta' tliet voti.
2. Membri li jkollhom iktar minn vot wieħed ma jistgħux jaqsmu l-voti tagħhom.
3. Il-President jew fin-nuqqas tiegħu/tagħha l-Viċi President, ma għandu jkollu ebda dritt tal-vot. Il-Membru minn fejn ikun oriġina l-President/Viċi President jista' jinnomina Membru rappreżentant ieħor.
Artikolu 10
Deċiżjonijiet
1. Biex jintlaħaq kworum, għandu jkun hemm rappreżentanza ta' żewġ terzi tal-Membri kollha.
2. L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi b'unanimità tal-Membri rappreżentati fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
proposti għal emenda tal-Istatuti tal-ICOS ERIC; |
|
(b) |
likwidazzjoni u stralċ tal-ICOS ERIC. |
3. L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti tal-Membri rappreżentati dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
approvazzjoni tal-kontijiet annwali tal-ICOS ERIC; |
|
(b) |
aċċettazzjoni tar-rapport annwali ta' attività tal-ICOS RI; |
|
(c) |
approvazzjoni tal-pjanijiet annwali ta' ħidma u tieħu inkunsiderazzjoni l-baġits u l-pjanijiet finanzjarji indikattivi fuq ħames snin tal-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS; |
|
(d) |
approvazzjoni tal-baġit annwali; |
|
(e) |
approvazzjoni tal-istrateġija tal-ICOS ERIC; |
|
(f) |
adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tagħha stess; |
|
(g) |
adozzjoni tar-regoli interni; |
|
(h) |
il-ħatra u t-tkeċċija tad-Direttur Ġenerali, u l-ħatra u t-tkeċċija tal-Membri tal-Kumitat dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka tal-ICOS; |
|
(i) |
il-ħatra u t-tkeċċija tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv tal-ICOS ERIC; |
|
(j) |
approvazzjoni tal-Membri u tal-Osservaturi ġodda; |
|
(k) |
terminazzjoni ta' Sħubija jew ta' status ta' Osservatur; |
|
(l) |
approvazzjoni ta' kwalunkwe ftehim ewlieni li jkun ta' importanza sinifikanti għall-operazzjonijiet tal-ICOS RI; |
|
(m) |
twaqqif ta' korpi konsultattivi; |
|
(n) |
estensjoni tat-terminu tal-ICOS ERIC. |
4. Deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jeħtieġu (a) maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti tal-Membri rappreżentati u (b) maġġoranza ta' żewġ terzi tal-kontribuzzjonijiet annwali tas-sħubija mħallsa għall-iktar sena finanzjarja sħiħa reċenti:
|
(a) |
il-livell tal-kontribuzzjonijiet annwali tas-sħubija. Kwalunkwe tibdil fl-istruttura tal-kontribuzzjonijiet li twassal għal kontribuzzjoni akbar b'appoġġ ta' xi wieħed mill-komponenti tal-ICOS RI (Uffiċċju Prinċipali, Portal tal-Karbonju jew Faċilità Ċentrali tal-ICOS) għandu jiġi approvat mill-Membru(i) li jkun/u qegħdin jospita/w il-faċilità affettwata; |
|
(b) |
id-deċiżjoni biex il-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS jiġu rikonoxxuti bħala kruċjali għall-operazzjonijiet tal-ICOS RI; |
|
(c) |
l-approvazzjoni ta' rtirar bikri ta' Membru previst fl-Artikolu 5(1). |
5. Kwalunkwe deċiżjoni oħra mill-Assemblea Ġenerali għandha ssir b'maġġoranza sempliċi tal-voti tal-Membri rappreżentati.
Artikolu 11
Direttur Ġenerali
1. Id-Direttur Ġenerali tal-ICOS ERIC għandu jinħatar mill-Assemblea Ġenerali skont proċedura stabbilita mill-Assemblea Ġenerali. It-terminu għad-Direttur Ġenerali għandu jkun ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darbtejn.
2. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-ICOS ERIC.
3. Id-Direttur Ġenerali għandu jwettaq il-ġestjoni ta' kuljum tal-ICOS ERIC u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Assemblea Ġenerali, inkluż il-pjan annwali ta' ħidma u l-baġit annwali kif ukoll jissorvelja u jikkoordina l-attivitajiet tal-ICOS RI.
4. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun ibbażat fis-sede statutorja tal-ICOS ERIC u għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni tal-persunal u tal-attivitajiet tal-Uffiċċju Prinċipali u tal-Portal tal-Karbonju skont il-baġit tal-ICOS ERIC.
Artikolu 12
Bord Xjentifiku Konsultattiv
1. L-Assemblea Ġenerali għandha twaqqaf Bord Xjentifiku Konsultattiv independenti.
2. Is-sħubija u r-regoli ta' proċedura tal-Bord Xjentifiku Konsultattiv għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Ġenerali u jiġu inklużi fir-regoli interni.
3. Il-Bord Xjentifiku Konsultattiv għandu:
|
(a) |
jissorvelja l-kwalità xjentifika tal-attivitajiet tal-ICOS RI; |
|
(b) |
jagħti rispons u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-ICOS RI; |
|
(c) |
kull sena jippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Assemblea Ġenerali. |
Artikolu 13
Bord Konsultattiv dwar l-Etika
1. L-Assemblea Ġenerali għandha twaqqaf Bord Konsultattiv independenti dwar l-Etika biex jagħti pariri u jipprovdi rapporti perjodiċi dwar kwistjonijiet etiċi. Il-Bord Konsultattiv dwar l-Etika għandu jkun magħmul minn tlieta sa ħames persuni indipendenti.
2. Is-sħubija u r-regoli ta' proċedura tal-Bord Konsultattiv dwar l-Etika għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Ġenerali u jiġu inklużi fir-regoli interni.
Artikolu 14
Kumitat dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka tal-ICOS
1. Għandu jkun hemm Kumitat dwar l-Infrastruttura tar-Riċerka tal-ICOS (Kumitat tal-ICOS RI) għall-ICOS ERIC. Il-Kumitat tal-ICOS RI għandu jinkludi rappreżentant wieħed mill-Uffiċċju Prinċipali, mill-Portal tal-Karbonju, minn kull Faċilità Ċentrali tal-ICOS u minn kull assemblea tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ, li din tal-aħħar hija magħmula minn esperti xjentifiċi u tekniċi min-Netwerks Nazzjonali tal-ICOS.
2. Il-Kumitat tal-ICOS RI għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.
3. Id-Direttur Ġenerali għandu jikkonsulta mal-Kumitat tal-ICOS RI dwar il-kwistjonijiet ġenerali kollha inkluż it-tfassil ta' proposti għall-Assemblea Ġenerali għat-twaqqif u għall-modifika ta' pjanijiet annwali ta' ħidma marbuta mal-ICOS RI biex tiġi żgurata konsistenza, koerenza u stabbiltà tas-servizzi tal-infrastruttura ta' riċerka.
4. Il-laqgħat tal-Kumitat tal-ICOS RI għandhom jissejħu mid-Direttur Ġenerali.
KAPITOLU 4
KONTRIBUZZJONIJIET, RESPONSABBILTÀ, ASSIGURAZZJONI U RAPPURTAR
Artikolu 15
Kontribuzzjonijiet u Prinċipji tal-Finanzi
1. Il-Membri u l-Osservaturi għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet annwali kif deskritt fl-Anness 2.
2. Il-kontribuzzjonijiet annwali tal-Membri u tal-Osservaturi huma kontribuzzjonijiet fi flus. Il-prinċipji għall-kontribuzzjonijiet huma stabbiliti fl-Anness 2 u sejrin ikomplu jiġu definiti fir-regoli interni.
3. Kontribuzzjonijiet li mhumiex il-kontribuzzjoni annwali lill-ICOS ERIC jistgħu jingħataw minn Membri u minn Osservaturi b'mod individwali jew f'koperazzjoni ma' Membri, Osservaturi jew ma' partijiet terzi oħra.
4. L-ICOS ERIC tista' wkoll tirċievi donazzjonijiet, għotjiet u kontribuzzjonijiet oħra bl-approvazzjoni tal-Assemblea Ġenerali.
5. Ir-riżorsi tal-ICOS ERIC għandhom jintużaw għall-għanijiet kif stabbiliti f'dawn l-Istatuti.
6. Is-sena finanzjarja tal-ICOS ERIC għandha tibda fl-1 ta' Jannar u tintemm fil-31 ta' Diċembru ta' kull sena.
7. Il-kontijiet tal-ICOS ERIC għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tas-sena finanzjarja.
8. L-ICOS ERIC għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti legali tal-liġi applikabbli dwar it-tħejjija, il-preżentata, il-verifika u l-pubblikazzjoni tal-kontijiet.
Artikolu 16
Responsabbiltà u Assigurazzjoni
1. L-ICOS ERIC għandha tkun responsabbli għad-dejn tagħha.
2. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Membri lejn id-dejn tal-ICOS ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni finanzjarja annwali rispettiva tagħhom.
3. L-ICOS ERIC għandha toħroġ assigurazzjoni adattata biex tkopri r-riskji tal-attivitajiet tagħha.
Artikolu 17
Rapportar
1. L-ICOS ERIC għandha tipproduċi rapport annwali ta' attività, li b'mod partikolari għandu jinkludi l-aspetti xjentifiċi, operattivi u finanzjarji tal-attivitajiet tagħha. Ir-rapport għandu jiġi approvat mill-Assemblea Ġenerali u jiġi preżentat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja korrispondenti. Ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.
2. L-ICOS ERIC għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ċirkostanza li thedded li tipperikola serjament il-kisba tal-kompiti tal-ICOS ERIC jew li tfixkel lill-ICOS ERIC milli tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 723/2009.
KAPITOLU 5
POLITIKI
Artikolu 18
Politika dwar id-dejta u Politika dwar id-Drittijiet ta' Propjetà Intellettwali
1. Id-dejta tal-ICOS RI kif ukoll id-drittijiet ta' propjetà intellettwali u għarfien ieħor relatat mad-dejta tal-ICOS RI li jiġi prodott u żviluppat fl-ICOS RI, għandu jappartjeni għall-entità jew għall-persuna li tkun iġġeneratu. Il-fornituri tad-dejta għandhom jagħtu lill-ICOS ERIC id-dritt li tuża d-dejta tal-ICOS RI skont il-kundizzjonijiet definiti fid-dokument ta' politika dwar id-dejta tal-ICOS.
2. L-ICOS ERIC għandha tadotta prinċipji u regoli komuni sabiex jiġi żgurat aċċess għall-għarfien xjentifiku tal-ICOS RI. Il-fornituri tad-dejta u l-awturi għandhom jiġu rikonoxxuti b'mod xieraq.
Artikolu 19
Politika ta' aċċess għall-utenti u Politika ta' Disseminazzjoni
1. L-ICOS ERIC għandha twaqqaf proċeduri siguri, ġusti u trasparenti sabiex l-utenti kollha tad-dejta jingħataw aċċess għad-dejta tal-ICOS.
2. Jekk għal raġunijiet ta' kapaċità l-aċċess għar-riċerka għall-faċilitajiet u għas-servizzi tal-ICOS RI jkollu jiġi ristrett il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu bbażati fuq l-eċċellenza xjentifika tal-proposti skont il-proċedura stabbilita fir-regoli interni.
3. Il-fornituri tad-dejta u l-ICOS ERIC għandhom jinkoraġġixxu lir-riċerkaturi biex jagħmlu r-riżultati tar-riċerka tagħhom disponibbli għall-pubbliku u għandhom jitolbu lir-riċerkaturi tal-pajjiżi membri biex jagħmlu r-riżultati disponibbli permezz tal-ICOS ERIC.
4. Sabiex tilħaq diversi udjenzi fil-mira l-ICOS ERIC għandha tuża diversi mezzi, bħal pereżempju portal tal-Internet, bulettini, sessjonijiet ta' ħidma, preżenza fil-konferenzi, artikli f'rivisti u f'gazzetti ta' kuljum.
Artikolu 20
Evalwazzjoni
1. Kull 5 snin bord independenti ta' evalwaturi esterni internazzjonali tal-ogħla kwalità, maħtur mill-Assemblea Ġenerali, għandu jwettaq:
|
(a) |
valutazzjonijiet xjentifiċi u tal-ġestjoni tal-attivitajiet tal-ICOS ERIC; |
|
(b) |
valutazzjoni tal-attivitajiet tal-ICOS RI, tal-orjentazzjoni xjentifika u strateġika u tal-operat tal-komponenti kollha tal-ICOS RI. |
Il-bord għandu jagħti attenzjoni speċjali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-utenti.
2. Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rapportati lill-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 21
Impjiegi
L-ICOS ERIC għandha tħaddan politika ta' opportunitajiet indaqs. Il-pożizzjonijiet vakanti kollha fl-ICOS ERIC għandhom jitħabbru pubblikament.
Artikolu 22
Politika dwar l-Akkwist u l-Eżenzjoni mit-Taxxa
1. L-ICOS ERIC għandha tittratta l-kandidati u l-offerenti għall-akkwist pubbliku b'mod ugwali u b'mod mhux diskriminatorju, indipendentement minn jekk ikunux ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. Il-politika dwar l-akkwist tal-ICOS ERIC għandha ssegwi l-prinċipji ta' trasparenza, nuqqas ta' diskriminazzjoni u kompetizzjoni.
2. Id-Direttur Ġenerali għandu jkun responsabbli għall-akkwisti kollha tal-ICOS ERIC. L-offerti għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-ICOS ERIC u fit-territorji tal-Membri u tal-Osservaturi. Id-deċiżjoni li jingħata l-akkwist għandha tiġi mgħarrfa lill-pubbliku u tinkludi ġustifikazzjoni sħiħa. L-ICOS ERIC għandha twaqqaf il-politika tal-akkwist tagħha stess.
3. L-akkwisti minn Membri u minn Osservaturi li jittrattaw l-attivitajiet tal-ICOS ERIC għandhom isiru b'tali mod li tingħata konsiderazzjoni dovuta lill-ħtiġijiet, lir-rekwiżiti u lill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICOS ERIC maħruġa mill-korpi rilevanti.
4. Il-politika dwar l-akkwist tal-ICOS ERIC għandha tintuża għall-ICOS RI kollha kull meta dan ikun fattibbli.
5. L-eżenzjonijiet mit-taxxa bbażati fuq l-Artikolu 143(1)(g) u l-Artikolu 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) u skont l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2) għandhom ikunu limitati għat-taxxa fuq il-valur miżjud għal tali oġġetti u servizzi li huma għall-użu uffiċjali tal-ICOS ERIC, li jaqbżu l-valur ta' EUR 250, u li jkunu totalment imħallsa u akkwistati mill-ICOS ERIC. L-eżenzjonijiet mit-taxxa għandhom japplikaw għal attivitajiet mhux ekonomiċi. Ma għandhomx japplikaw għal attivitajiet ekonomiċi. L-akkwist li jsir mill-membri individwali ma għandux jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet. Ma għandhomx japplikaw iktar limiti.
KAPITOLU 6
TERMINU, STRALĊ, TILWIM, U DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-ISTABBILIMENT
Artikolu 23
Terminu
L-ICOS ERIC għandha tiġi stabbilita għal perjodu inizjali ta' għoxrin sena li jista' jiġġedded permezz ta' deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 24
Stralċ u insolvenza
1. L-istralċ tal-ICOS ERIC għandu jeħtieġ deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali skont l-Artikolu 10(2)(b) u l-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi notifikata b'dan fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tiegħu.
2. L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-dejn tal-ICOS ERIC għandhom jitqassmu bejn il-Membri skont il-kontribuzzjoni kumulattiva tagħhom lill-ICOS ERIC li tkun saret matul il-ħames snin konsekuttivi qabel l-istralċ.
3. Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta' stralċ, l-ICOS ERIC għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.
4. L-ICOS ERIC għandha tieqaf teżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5. Fi kwalunkwe ħin, fil-każ li l-ICOS ERIC ma tkunx tista' tħallas id-dejn tagħha, għandha tinnotifika minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
Artikolu 25
Regoli Interni
Dawn l-Istatuti għandhom jiġu implimentati permezz ta' regoli interni li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali.
Artikolu 26
Emendi għall-Istatuti
1. L-emendi jistgħu jiġu proposti lill-Assemblea Ġenerali minn kwalunkwe Membru jew mid-Direttur Ġenerali.
2. Proposti għal emendi għal dawn l-Istatuti jistgħu jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali u jiġu preżentati lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.
Artikolu 27
Liġi Applikabbli
It-twaqqif u l-funzjonament intern tal-ICOS ERIC għandu jkun regolat:
|
(a) |
mid-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari bir-Regolament (KE) Nru 723/2009; |
|
(b) |
mil-liġi tal-istat ospitanti fil-każ ta' materja li ma tkunx koperta (jew tkun parzjalment koperta biss) mid-dritt tal-Unjoni; |
|
(c) |
minn dawn l-Istatuti u r-regoli implimentattivi tagħhom. |
Artikolu 28
Tilwim
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-litigazzjoni bejn il-Membri fir-rigward tal-ICOS ERIC, bejn il-Membri u l-ICOS ERIC u fuq kwalunkwe litigazzjoni li l-Unjoni hija parti tagħha.
2. Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għal tilwim bejn l-ICOS ERIC u partijiet terzi. Fil-każijiet li ma jkunux koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-liġi tal-istat ospitanti għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' dan it-tilwim.
Artikolu 29
Disponibbiltà tal-Istatuti
L-Istatuti għandhom jinżammu aġġornati u jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-ICOS ERIC u fis-sede statutorja.
Artikolu 30
Dispożizzjonijiet dwar l-Istabbiliment
1. Il-pajjiż ospitanti għandu jsejjaħ laqgħa kostituzzjonali tal-Assemblea Ġenerali kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf l-ICOS ERIC.
2. Il-pajjiż ospitanti għandu jinnotifika lill-Membri fundaturi u lill-Osservaturi bi kwalunkwe azzjoni legali urġenti speċifika li teħtieġ li tittieħed għan-nom tal-ICOS ERIC qabel ma ssir il-laqgħa kostituzzjonali u mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin jum kalendarju minn meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf l-ICOS ERIC, kif elenkat fl-Anness 1. Sakemm Membru ma joġġezzjonax fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara li jiġi notifikat, l-azzjoni legali għandha ssir minn persuna awtorizzata mill-istat ospitanti.
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
ANNESS 1
IL-MEMBRI U L-OSSERVATURI U L-ENTITAJIET RAPPREŻENTANTI ATTWALI TAGĦHOM
Dan l-Anness jelenka l-Membri u l-Osservaturi, u l-entitajiet li jirrappreżentawhom.
IL-MEMBRI
|
Pajjiż jew Organizzazzjoni intergovernattiva |
Entità rappreżentanti |
|
IR-RENJU TAL-BELĠJU |
L-UFFIĊĊJU TAL-POLITIKA XJENTIFIKA BELĠJANA (BELSPO) |
|
IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA |
MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U TAL-KULTURA; MINISTERU TAT-TRASPORT U L-KOMUNIKAZZJONI |
|
IR-REPUBBLIKA TA' FRANZA |
IL-KUMMISSJONI FRANĊIŻA DWAR L-ENERĠIJI ALTERNATTIVI U L-ENERĠIJA ATOMIKA (CEA); IĊ-ĊENTRU NAZZJONALI GĦAR-RIĊERKA XJENTIFIKA (CNRS); L-ISTITUT NAZZJONALI FRANĊIŻ GĦAR-RIĊERKA DWAR L-AGRIKOLTURA (INRA) |
|
IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA |
MINISTERU FEDERALI TAT-TRASPORT (BMVI) |
|
IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA |
CONSIGLIO NATIONALE DELLE RICERCHE — DIPARTIMENTO DI SCIENZE DEL SISTEMA TERRA E TECNOLOGIE AMBIENTALI (CNR-DTA); CENTRO EURO-MEDITERRANEO SUI CAMBIAMENTI CLIMATICI (CMCC); ICOS-IT, UNITÀ KONĠUNTA TAR-RIĊERKA |
|
IR-RENJU TAN-NETHERLANDS |
NEDERLANDSE ORGANISATIE VOOR WETENSCHAPPELIJK ONDERZOEK (NWO) |
|
IR-RENJU TAN-NORVEĠJA |
IL-KUNSILL TAR-RIĊERKA TAN-NORVEĠJA |
|
IR-RENJU TAL-IŻVEZJA |
KUNSILL ŻVEDIŻ TAR-RIĊERKA |
L-OSSERVATURI
|
Pajjiż jew Organizzazzjoni intergovernattiva |
Entità rappreżentanti |
|
IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA |
ETH ZURICH |
ANNESS 2
KONTRIBUZZJONIJIET ANNWALI
DAĦLA
L-iffinanzjar tan-Netwerks Nazzjonali tal-ICOS jiġi organizzat fuq livell nazzjonali, u l-finanzjament mhuwiex inkluż fil-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi ospitanti. Il-Faċilitajiet Ċentrali tal-ICOS, li jiġu operati barra mill-ICOS ERIC jew bħala konsorzji nazzjonali jew multi-nazzjonali, fil-parti kbira jiġu ffinanzjati mill-pajjiżi ospitanti u f'livell inqas mill-ICOS ERIC permezz ta' riallokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet annwali. L-attivitajiet integrati tal-ICOS ERIC jiġu ffinanzjati permezz ta' kontribuzzjonijiet annwali u minn kontribuzzjonijiet primjum tal-pajjiżi ospitanti.
PRINĊIPJI
Il-kontribuzzjoni annwali tas-sħubija għall-ICOS ERIC hija bbażata fuq il-fatturi varjabbli li ġejjin:
|
— |
Kontribuzzjoni komuni bażika (50 % tal-kontribuzzjonijiet komuni) |
|
— |
Kontribuzzjoni komuni abbażi tal-ING (50 % tal-kontribuzzjonijiet komuni) |
|
— |
Kontribuzzjonijiet abbażi tal-istazzjon |
Il-pajjiżi ospitanti huma impenjati li jħallsu l-kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti lill-ICOS ERIC (HO, CP).
L-Osservatur sejjer iħallas kontribuzzjoni annwali tal-osservaturi bbażata fuq l-istess metodu ta' kalkolu tal-Membri.
Membru jew Osservatur li jissieħeb mal-ICOS ERIC sejjer iħallas il-kontribuzzjoni annwali sħiħa għas-sena tad-dħul.
Il-kontribuzzjonijiet annwali ta' Organizzazzjonijiet Intergovernattivi għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Ġenerali.
Il-baġit u l-attivitajiet tal-ICOS ERIC sejrin jiġu aġġustati skont id-dħul.
Impenji inizjali
Qabel jintemm il-perjodu inizjali ta' 5 snin l-Assemblea Ġenerali sejra tiddeċiedi dwar il-metodu ta' kalkolu għall-perjodi sussegwenti.
|
(a) |
L-impenn inizjali għall-Membri huwa ta' 5 snin (sakemm l-AĠ ma tiddeċidix mod ieħor). Ma hemm l-ebda impenn inizjali għall-Osservaturi; |
|
(b) |
L-istruttura indikattiva tad-dħul tal-ICOS ERIC għal ħames hija indikata hawn taħt (Tabella 1) u hija bbażata fuq parteċipazzjoni stmata tal-pajjiżi li ffirmaw l-Ittra ta' Intenzjoni; |
|
(c) |
Il-kontribuzzjoni primjum massima relattiva tal-pajjiż ospitanti għall-ewwel baġit ta' 5 snin tal-Uffiċċju Prinċipali jew tal-Portal tal-Karbonju ma tistax taqbeż it-80 % tal-baġit annwali ta' kull komponent; |
|
(d) |
Il-baġit totali inizjali ta' 5 snin tal-ICOS RI huwa deskritt fid-dettall fil-pjan finanzjarju (il-post għad irid jiġi speċifikat); |
|
(e) |
Il-kontribuzzjonijiet annwali huma elenkati fit-Tabella 2; Nota: il-baġit huwa stima bbażata fuq l-intenzjoni tal-pajjiżi li jsiru ICOS ERIC fl-2013. L-ewwel AĠ għandu jirrevedih abbażi tas-sħubija finali. |
Tabella 1
Il-pjan għall-istruttura tad-dħul u tal-infiq għall-ICOS ERIC għall-ewwel ħames snin, ikkalkolat abbażi tal-istimi fit-Tabella 2
|
Dħul, kEUR |
2015 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
|
Kontribuzzjoni komuni bażika |
166 |
154 |
154 |
154 |
154 |
|
Kontribuzzjoni komuni abbażi tal-ING |
176 |
171 |
171 |
171 |
171 |
|
Kontribuzzjoni abbażi tal-istazzjon |
616 |
859 |
859 |
859 |
859 |
|
Kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti (HO) |
950 |
950 |
950 |
950 |
950 |
|
Kontribuzzjoni primjum tal-pajjiż ospitanti (CP) |
859 |
859 |
859 |
859 |
859 |
|
Total |
2 767 |
2 993 |
2 993 |
2 993 |
2 993 |
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa, kEUR |
2015 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
|
Uffiċċju Prinċipali u attivitajiet komuni |
1 135 |
1 126 |
1 126 |
1 126 |
1 126 |
|
Attivitajiet tal-Portal tal-Karbonju |
1 016 |
1 008 |
1 008 |
1 008 |
1 008 |
|
Attivitajiet tal-Faċilitajiet Ċentrali |
616 |
859 |
859 |
859 |
859 |
|
Total |
2 767 |
2 993 |
2 993 |
2 993 |
2 993 |
Tabella 2
Stima tal-kontribuzzjonijiet annwali u tal-kontribuzzjonijiet primjum tal-pajjiż ospitanti lill-ICOS ERIC għall-ewwel ħames snin ta' operat
|
Pajjiż Membru/Osservatur* |
Kontribuzzjoni annwali |
2015 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
||
|
Il-Belġju |
|
57 836 |
95 199 |
95 199 |
95 199 |
95 199 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
7 625 |
7 407 |
7 407 |
7 407 |
7 407 |
|||
|
31 750 |
70 650 |
70 650 |
70 650 |
70 650 |
|||
|
Il-Finlandja |
|
112 938 |
133 009 |
133 009 |
133 009 |
133 009 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
3 877 |
3 766 |
3 766 |
3 766 |
3 766 |
|||
|
90 600 |
112 100 |
112 100 |
112 100 |
112 100 |
|||
|
900 000 |
900 000 |
900 000 |
900 000 |
900 000 |
|||
|
Franza |
|
163 087 |
182 067 |
182 067 |
182 067 |
182 067 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
42 026 |
40 825 |
40 825 |
40 825 |
40 825 |
|||
|
102 600 |
124 100 |
124 100 |
124 100 |
124 100 |
|||
|
50 000 |
50 000 |
50 000 |
50 000 |
50 000 |
|||
|
Il-Ġermanja |
|
205 424 |
288 461 |
288 461 |
288 461 |
288 461 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
54 012 |
52 468 |
52 468 |
52 468 |
52 468 |
|||
|
132 950 |
218 850 |
218 850 |
218 850 |
218 850 |
|||
|
L-Italja |
|
95 052 |
92 796 |
92 796 |
92 796 |
92 796 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
32 790 |
31 853 |
31 853 |
31 853 |
31 853 |
|||
|
43 800 |
43 800 |
43 800 |
43 800 |
43 800 |
|||
|
In-Netherlands |
|
57 237 |
66 314 |
66 314 |
66 314 |
66 314 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
12 375 |
12 021 |
12 021 |
12 021 |
12 021 |
|||
|
26 400 |
37 150 |
37 150 |
37 150 |
37 150 |
|||
|
139 338 |
139 338 |
139 338 |
139 338 |
139 338 |
|||
|
In-Norveġja |
|
89 285 |
109 272 |
109 272 |
109 272 |
109 272 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
6 773 |
6 579 |
6 579 |
6 579 |
6 579 |
|||
|
64 050 |
85 550 |
85 550 |
85 550 |
85 550 |
|||
|
L-Iżvezja (1) |
|
123 133 |
153 851 |
153 851 |
153 851 |
153 851 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
7 472 |
7 258 |
7 258 |
7 258 |
7 258 |
|||
|
97 200 |
129 450 |
129 450 |
129 450 |
129 450 |
|||
|
719 259 |
719 259 |
719 259 |
719 259 |
719 259 |
|||
|
L-Iżvizzera* |
|
54 114 |
63 281 |
63 281 |
63 281 |
63 281 |
||
|
18 462 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
17 143 |
|||
|
9 253 |
8 988 |
8 988 |
8 988 |
8 988 |
|||
|
26 400 |
37 150 |
37 150 |
37 150 |
37 150 |
|||
|
TOTAL FINALI |
2 766 703 |
2 992 848 |
2 992 848 |
2 992 848 |
2 992 848 |
|||
(1) Il-kontribuzzjoni annwali totali għall-Iżvezja ma għandhiex taqbeż 7 750 000 SEK.