20.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2096

tas-16 ta' Novembru 2015

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta' Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva li għandha l-għan, fost l-oħrajn, li ssaħħaħ il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta' Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (“BTWC”), filwaqt li tkompli r-riflessjoni dwar il-verifika tal-BTWC, tappoġġa l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC, inkluż permezz tal-mezzi ta' leġislazzjoni kriminali, u ssaħħaħ l-osservanza tagħha.

(2)

Fit-28 ta' April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta b'mod unanimu r-Riżoluzzjoni 1540 (2004), li tiddeskrivi l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' forniment tagħhom bħala theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dik ir-Riżoluzzjoni tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-BTWC.

(3)

Fis-26 ta' Awwissu 1988, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 620 (1988) li, fost l-oħrajn, tħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jwettaq minnufih investigazzjonijiet b'reazzjoni għal allegazzjonijiet dwar l-użu possibbli ta' armi kimiċi, batterjoloġiċi (bijoloġiċi) jew ta' tossina li jista' jikkostitwixxi ksur tal-Protokoll għall-Projbizzjoni tal-Użu fil-Gwerra ta' Gassijiet Asfissjanti, Velenużi jew Gassijiet Oħra, u ta' Mezzi Batterjoloġiċi (“il-Protokoll ta' Ġinevra tal-1925”). Fl-20 ta' Settembru 2006, l-Assemblea Ġenerali adottat l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu, annessa mar-Riżoluzzjoni 60/288 tagħha tat-8 ta' Settembru 2006, li fiha l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti (“NU”) iħeġġu lis-Segretarju Ġenerali biex jaġġorna r-roster tal-esperti u l-laboratorji, kif ukoll il-linji gwida u l-proċeduri tekniċi, għad-dispożizzjoni tiegħu għall-investigazzjoni f'waqtha u effiċjenti tal-użu allegat.

(4)

Fis-27 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK (1) fir-rigward tal-BTWC bl-objettivi tal-promozzjoni tal-universalità tal-BTWC u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Partijiet sabiex ikun żgurat li l-Istati Partijiet jittrasponu l-obbligi internazzjonali tal-BTWC fil-leġislazzjoni nazzjonali u l-miżuri amministrattivi tagħhom.

(5)

B'mod parallel mal-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK, l-Unjoni Ewropea adottat Pjan ta' Azzjoni dwar l-armi bioloġiċi u ta' tossina (2) (“CBMs”) li fih l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'April ta' kull sena jippreżentaw ir-riżultati tal-miżuri għall-bini tal-fiduċja lin-NU u listi ta' esperti u laboratorji rilevanti lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex tkun faċilitata kwalunkwe investigazzjoni ta' użu allegat ta' armi kimiċi u bijoloġiċi.

(6)

Fl-20 ta' Marzu 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2006/242/PESK (3) dwar is-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC.

(7)

Fl-10 ta' Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK (4) fir-rigward tal-BTWC bl-objettivi tal-promozzjoni tal-universalità tal-BTWC, il-forniment ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-BTWC mill-Istati Partijiet, il-promozzjoni tal-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet dwar is-CBMs mill-Istati Partijiet, u l-għoti ta' appoġġ għall-Proċess Intersessjonali tal-BTWC.

(8)

Fit-18 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/429/PESK (5) dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni għas-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC.

(9)

Is-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC iddeċidiet li ġġedded il-mandat tal-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni (“ISU”) b'perijodu ieħor ta' ħames snin (2012-2016) u ddeċidiet li tespandi l-kompiti tagħha sabiex jinkludu l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni għall-istabbiliment u l-amministrazzjoni tad-database għal talbiet għal, u offerti ta', assistenza, u l-faċilitazzjoni tal-iskambju assoċjat ta' informazzjoni fost l-Istati Partijiet, kif ukoll l-appoġġ, kif xieraq, għall-implimentazzjoni mill-Istati Partijiet tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tas-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni.

(10)

Is-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni ddeċidiet li t-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni ser issir f'Ġinevra mhux aktar tard mill-2016 u għandha tirrevedi l-operazzjoni tal-BTWC, u, fost l-oħrajn, tqis:

(i)

żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda rilevanti għall-BTWC;

(ii)

il-progress li sar mill-Istati Partijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi taħt il-BTWC;

(iii)

il-progress lejn l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet maqbula fis-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni.

(11)

Fit-23 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/421/PESK (6) fir-rigward tal-BTWC bl-objettivi tal-promozzjoni tal-universalità tal-BTWC, l-għoti ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-BTWC mill-Istati Partijiet, il-promozzjoni tal-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet dwar is- CBMs mill-Istati Partijiet, u l-għoti ta' appoġġ għall-Proċess Intersessjonali tal-BTWC.

(12)

Fid-dawl tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC li ser issir minn Novembru sa Diċembru 2016, huwa xieraq li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi aġġornata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Matul it-tħejjija għal u matul it-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta' Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (“BTWC”), l-Unjoni għandha taħdem, b'mod partikolari, biex tiżgura li l-Istati Partijiet jindirizzaw il-prijoritajiet li ġejjin:

(a)

il-bini u s-sostenn tal-fiduċja fl-osservanza, permezz ta' firxa ta' miżuri speċifiċi deskritti f'din id-Deċiżjoni;

(b)

l-appoġġ għall-implimentazzjoni nazzjonali, inkluż b'aktar involviment ma' partijiet ikkonċernati mhux governattivi;

(c)

l-appoġġ għall-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta' armi u aġenti bioloġiċi permezz ta' aktar żvilupp tal-kapaċitajiet operattivi tiegħu bħala mezz biex jissaħħu l-Artikoli VI u VIII tal-BTWC; u,

(d)

il-promozzjoni tal-universalità tal-BTWC.

L-objettiv tal-Unjoni hu li tirrevedi l-operazzjoni tal-BTWC u tal-Proċess Intersessjonali 2012-2015, tippromwovi azzjonijiet konkreti u tesplora għażliet biex tkompli ssaħħaħ il-BTWC. F'dan ir-rigward, l-Unjoni għandha tressaq proposti konkreti lit-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni fl-2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom minn dik il-Konferenza.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, l-Unjoni għandha:

(a)

tikkontribwixxi għal reviżjoni sħiħa tal-operazzjoni tal-BTWC fit-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni, inkluż l-implimentazzjoni tal-impenji meħuda mill-Istati Partijiet taħt il-BTWC, u t-tmexxija u r-riżultati mill-programm intersessjonali tal-2012-2015;

(b)

tappoġġa programm ta' ħidma sostantiv ġdid matul il-perijodu bejn it-Tmien u d-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni li jindirizza l-limitazzjonijiet tal-programmi intersessjonali preċedenti permezz tal-adozzjoni ta' arranġamenti msaħħa għal aktar progress taħt dak il-programm ta' ħidma, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effikaċja tal-BTWC;

(c)

tappoġġa d-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC, li għandha ssir mhux aktar tard mill-2021;

(d)

tibni kunsens biex it-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni tkun suċċess, abbażi tal-qafas stabbilit mill-Konferenzi preċedenti, u tippromwovi, fost l-oħrajn, il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:

(i)

filwaqt li tirrikonoxxi li f'dan l-istadju m'hemmx kunsens dwar il-verifika, li jibqa' element ċentrali għal reġim ta' diżarm u nonproliferazzjoni komplet u effettiv, l-Unjoni qed taħdem biex tidentifika l-għażliet li jistgħu jikkontribwixxu fi programm intersessjonali ġdid u warajh għal żieda fil-fiduċja fl-osservanza u għall-implimentazzjoni effikaċi tal-għan u l-iskop tal-BTWC; L-Istati Partijiet għandhom jkunu jistgħu juru l-osservanza permezz, fost oħrajn, ta' skambji interattivi ta' informazzjoni (bħal stqarrijiet obbligatorji jew fuq bażi volontarja) u trasparenza akbar dwar il-kapaċitajiet, l-attivitajiet u l-azzjonijiet tagħhom, inklużi miżuri fil-post b'mod volontarju jew le kif maqbul; il-proposti li saru matul il-programm intersessjonali mill-2012 sal-2015 u r-riżultati tal-programm jipprovdu bażi għal dik il-ħidma;

(ii)

l-appoġġ u t-tisħiħ, fejn meħtieġ, ta' miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni, inkluż il-leġislazzjoni amministrattiva, ġudizzjarja, u kriminali, u l-kontroll fuq mikroorganiżmi u tossini patoġeniċi fil-qafas tal-BTWC; tista' tkun ikkunsidrata azzjoni ulterjuri u jistgħu jittieħdu aktar deċiżjonijiet dwar modi u mezzi għat-titjib tal-implimentazzjoni nazzjonali: il-komunikazzjoni ma' partijiet mhux governattivi kkonċernati u l-involviment tagħhom fuq livell nazzjonali, reġjonali jew globali u r-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-objettivi tal-BTWC u l-implimentazzjoni tagħha; l-appoġġ kontinwu għall-adozzjoni ta' standards xierqa dwar miżuri ta' bijosikurezza u bijosigurtà; iż-żieda ta' għarfien fost professjonisti rilevanti mis-settur privat u s-settur pubbliku; il-programmi ta' taħriġ u edukazzjoni għal dawk li ngħatalhom aċċess għal aġenti u tossini bijoloġiċi rilevanti għall-BTWC; il-promozzjoni ta' kultura ta' responsabbiltà fost professjonisti nazzjonali rilevanti u l-iżvilupp, l-adozzjoni u t-tixrid ta' kodiċijiet ta' mġiba fuq bażi volontarja;il-promozzjoni tal-osservanza tal-obbligi taħt ir-Riżoluzzjonijiet 1540 (2004) u 1673 (2006) tal-KSNU, fejn hi rilevanti għall-eliminazzjoni tar-riskju li armi bijoloġiċi u ta' tossina jinkisbu jew jiġu użati għal skopijiet terroristiċi, inkluż ir-riskju ta' aċċess minn atturi mhux statali għal materjal, tagħmir, u għarfien li jistgħu jintużaw fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' armi bijoloġiċi u ta' tossina;

(iii)

l-adeżjoni universali tal-Istati kollha għall-BTWC, inkluż b'appell lill-Istati kollha mhux parti għall-BTWC biex jaderixxu għall-Konvenzjoni mingħajr aktar dewmien u biex jintrabtu legalment għad-diżarm fir-rigward ta', u n-nonproliferazzjoni ta', armi bijoloġiċi u ta' tossina; u, sakemm ikun hemm l-adeżjoni ta' Stati bħal dawn għall-BTWC, billi jiġu mħeġġa jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Istati Partijiet għall-BTWV u jimplimentaw, fuq bażi volontarja, id-dispożizzjonijiet tal-BTWC; u billi tiġi rakkomandata l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni dwar l-universalizzazzjoni, ikkoordinat mill-ISU u evalwat matul sessjonijiet dedikati, fil-laqgħat intersessjonali;

(iv)

ħidma biex il-projbizzjoni fuq l-armi bijoloġiċi u ta' tossina tiġi ddikjarata regola ta' dritt internazzjonali globalment vinkolanti, inkluż permezz tal-universalizzazzjoni tal-BTWC;

(v)

sforzi biex tissaħħaħ it-trasparenza u tinbena l-fiduċja fl-osservanza inkluż permezz ta' reviżjonijiet meħtieġa u li jistgħu jintlaħqu tas-CBMs attwali; l-Unjoni lesta taħdem fuq it-tisħiħ tas-CBMs billi tidentifika miżuri li jżidu r-rilevanza diretta tagħhom għall-objettivi ewlienin ta' trasparenza u l-evitar suspetti u tħassib; jitkompla l-appoġġ għall-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari fuq bażi volontarja bħala għodda siewja għaż-żieda fit-trasparenza bejn l-Istati Partijiet u b'hekk titkabbar il-fiduċja fl-osservanza tal-BTWC u tissaħħaħ l-implimentazzjoni nazzjonali permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, aktar għarfien fost il-partijiet ikkonċernati dwar ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni u ż-żieda ta' kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam;

(vi)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet operattivi tal-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta' armi kimiċi u bijoloġiċi, inkluż permezz tal-espansjoni tan-nukleu ta' esperti mħarrġa, taħriġ, u eżerċizzji ta' simulazzjoni u fuq il-post; ħidma li ssir separatament tista' tgħin biex l-Artikolu VI u indirettament l-Artikolu VII tal-BTWC jissaħħu aktar.

(vii)

it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għoti ta' assistenza u koordinazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu VII tal-BTWC ma' organizzazzjonijiet rilevanti fuq it-talba ta' kwalunkwe Stat Parti fil-każ tal-użu allegat ta' armi bijoloġiċi jew ta' tossina, inkluż it-titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali għas-sorveljanza, l-iskoperta u dijanjosi tal-mard u sistemi tas-saħħa pubblika bħala l-ewwel linja ta' difiża;

(viii)

iż-żieda fit-trasparenza dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza relatati mal-Artikolu X tal-BTWC u b'kont meħud tal-mandat, il-ħidma u l-għarfien espert ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn; l-Unjoni ser tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni konkreta tal-Artikolu X tal-BTWC permezz tad-diversi programmi ta' assistenza tagħha u hija lesta tkompli telabora l-intendimenti komuni, li jiffurmaw il-bażi għal azzjoni effikaċi fir-rigward tal-kooperazzjoni għal skopijiet paċifiċi fil-qafas tal-BTWC; tista' tkun ikkunsidrata azzjoni ulterjuri u jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar it-titjib tal-kooperazzjoni, l-assistenza u l-iskambju internazzjonali fix-xjenzi u t-teknoloġija bijoloġiċi għal skopijiet paċifiċi, dwar il-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità fl-oqsma tas-sorveljanza, l-iskoperta u d-dijanjosi tal-mard, u l-kontroll ta' mard li jittieħed; l-Unjoni ser tkompli tappoġġa l-operazzjoni tad-Database ta' Kooperazzjoni u Assistenza attwali, u fejn xieraq, tara kif ittejjeb l-utilità tiegħu;l-appoġġ, fost l-oħrajn, għall-programmi ta' Sħubija Globali tal-G7, programmi rilevanti tal-Unjoni u l-għanijiet tal-Aġenda għas-Sigurtà tas-Saħħa Globali mmirati lejn l-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa u d-diżarm, il-kontroll u s-sigurtà ta' materjali, faċilitajiet u kompetenzi sensittivi, kif xieraq;

(ix)

l-appoġġ għal proċess ta' evalwazzjonijiet aktar frekwenti u mmirati ta' żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi rilevanti, li jista' jkollhom implikazzjonijiet għall-BTWC; tali proċess jista' jinvolvi l-inkorporazzjoni ta' funzjoni konsultattiva permanenti dwar ix-xjenza u t-teknoloġija fl-ISU u proċess ta' reviżjoni aktar sostantiv bħala element ċentrali fi programm ta' ħidma intersessjonali ġdid, biex ikopri l-avvenimenti u x-xogħol rilevanti mmexxija minn akkademji internazzjonali u l-Istati Partijiet b'mod aktar integrat u kkoordinat.

Artikolu 3

Sabiex issaħħaħ l-osservanza, l-Unjoni għandha tippromwovi żieda fir-rilevanza u l-komprensività tal-formoli tas-CBM billi:

(a)

tanalizza l-formoli tas-CBMs annwali bħala l-għodda ta' dikjarazzjoni nazzjonali regolari dwar l-implimentazzjoni u l-osservanza u tkompli tiżviluppahom b'dan l-objettiv;

(b)

tnaqqas sal-aktar punt possibbli l-kumplessitajiet li fadal fil-formoli tas-CBM u tneħħi ambigwitajiet potenzjali;

(c)

tappoġġa lill-ISU biex taqdi aktar r-rwol ta' appoġġ għall-punti ta' kuntatt nazzjonali waqt il-kumpilazzjoni tas-CBMs tagħhom; permezz ta' seminars u taħriġ reġjonali għall-preżentazzjoni elettronika tal-formoli tas-CBMs;

(d)

taħdem biex iżżid il-parteċipazzjoni fis-CBMs, u l-kwalità u l-komprensività tagħhom, billi tespandi l-funzjonalità tal-faċilità ta' CBM elettronika u, flimkien mal-gwida għas-CBM, tagħmilha disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BTWC fil-lingwi uffiċjali kollha tan-NU.

Artikolu 4

Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa t-tisħiħ tar-rwol tal-ISU. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha tappoġġa:

(a)

l-estensjoni tal-mandat tal-ISU għal ħames snin oħra;

(b)

l-inklużjoni ta' aktar attivitajiet fil-mandat tal-ISU biex jappoġġaw l-implementazzjoni ta' programm ta' ħidma intersessjonali rivedut u msaħħaħ, kif propost fl-Artikolu 5 hawn taħt;

(c)

l-iżvilupp ta' sistema aktar effikaċi biex teżamina żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u l-impatt tagħhom fuq il-BTWC billi tistabbilixxi fost l-oħrajn funzjoni konsultattiva u ta' kollegament permanenti dwar ix-xjenza u t-teknoloġija fl-ISU;

(d)

l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni dwar l-universalizzazzjoni li jkun ikkoordinat mill-ISU;

(e)

rwol għall-ISU biex ikun ta' appoġġ għall-punti ta' kuntatt tal-Istati Partijiet fil-kumpilazzjoni u l-preżentazzjoni tal-formoli tas-CBMs kif innutat fl-Artikolu 3;

(f)

żieda adegwata tal-persunal attwali tal-ISU biex jintlaħqu l-objettivi l-ġodda u jitwettqu l-attivitajiet imsemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Sabiex tappoġġa r-reviżjoni u t-tisħiħ tal-programm intersessjonali, l-Unjoni għandha b'mod partikolari:

(a)

tappoġġa s-suġġetti li ġejjin għal Programm Intersessjonali ġdid, bħala suġġetti intersessjonali jew inkella permezz ta' gruppi ta' ħidma dedikati għalhekk, jew permezz taż-żewġ mezzi:

(i)

implimentazzjoni nazzjonali u osservanza;

(ii)

ħidma ulterjuri dwar is-CBMs wara t-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni;

(iii)

assistenza u kooperazzjoni taħt l-Artikolu VII tal-BTWC;

(iv)

żviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija;

(v)

reviżjoni tal-proċedura tal-Kumitat Konsultattiv;

(vi)

universalizzazzjoni kif proposta fl-Artikolu 6.

(b)

tappoġġa l-iżvilupp ta' oqfsa regolatorji nazzjonali dwar il-bijosigurtà u l-bijosikurezza; għalkemm standards adatti għall-bijosigurtà u l-bijosikurezza għal-laboratorji bl-ebda mod ma jieħdu post sistema ta' osservanza, l-adozzjoni u l-promozzjoni ta' tali standards, jistgħu jgħinu lill-Istati Partijiet fil-perijodu fit-tul bl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom taħt il-BTWC; flimkien ma' miżuri oħra, jistgħu wkoll ikunu għodda utli biex jgħinu fit-turija tal-osservanza; id-diskussjoni dwar dan is-suġġett, inkluż mal-laboratorji rilevanti, l-għaqdiet għall-bijosigurtà u l-industrija, tista' tkun parti minn programm ta' ħidma intersessjonali ġdid;

(c)

tappoġġa eżerċizzji ta' reviżjoni volontarja bejn il-pari li jinvolvu Stati Partijiet fil-kuntest tal-BTWC; l-objettiv tal-eżerċizzju ta' reviżjoni bejn il-pari huwa li jtejjeb l-implimentazzjoni nazzjonali u jipprovdi assigurazzjoni dwar l-osservanza permezz ta' skambji ta' informazzjoni u trasparenza akbar rigward, pereżempju, il-kapaċitajiet, l-attivitajiet u l-azzjonijiet għall-implimentazzjoni u l-intenzjonijiet għall-osservanza;

(d)

tappoġġa t-tisħiħ tas-setgħa deċiżjonali tal-Proċess Intersessjonali billi tesplora firxa ta' għażliet bħal setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet definiti b'mod ċar għal oqsma ta' ħidma speċifiċi.

Artikolu 6

Sabiex tappoġġa l-universalità tal-BTWC, l-Unjoni għandha:

(a)

tappoġġa l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni dwar l-universalizzazzjoni, koordinat mill-ISU, b'passi u attivitajiet konkreti; il-pjan ta' azzjoni jista' jinkludi attivitajiet bħal avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni, démarches konġunti, it-traduzzjoni ta' dokumenti rilevanti, u inċentivi bħall-iskambju ta' informazzjoni dwar offerti ta' għajnuna; dan il-pjan ta' azzjoni jkun evalwat u, jekk neċessarju, modifikat f'kull Laqgħa tal-Istati Partijiet;

(b)

tappoġġa l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet jew laqgħat tal-gruppi ta' ħidma dedikati għall-universalizzazzjoni matul il-Proċess Intersessjonali sabiex tikkoordina attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni fost diversi atturi u tippjana inizjattivi reġjonali.

Artikolu 7

L-Unjoni għandha tappoġġa sforzi li jsaħħu l-Mekkaniżmu tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-investigazzjoni tal-użu allegat ta' armi kimiċi u bijoloġiċi; b'mod partikolari, billi tiġi żgurata l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet tal-Mekkaniżmu u billi jittieħdu passi prattiċi lejn dan il-fini, bħall-forniment ta' appoġġ għal programmi ta' taħriġ, inkluż l-ospitar ta' eżerċizzji, u l-iżvilupp ta' sistema ta' laboratorju analitiku.

Artikolu 8

L-Unjoni għandha tappoġġa sforzi biex jissaħħaħ l-Artikolu VII tal-BTWC fit-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni, b'kont meħud tal-isforzi li jsiru bnadi oħra fil-bini ta' kapaċitajiet internazzjonali fir-rispons għat-tifqigħ ta' mard infettiv.

Artikolu 9

L-azzjoni meħuda mill-Unjoni għall-finijiet imsemmijin f'din id-Deċiżjoni għandha tinkludi:

(a)

il-preżentazzjoni mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, abbażi tal-pożizzjoni stabbilita f'din id-Deċiżjoni, ta' proposti għal arranġamenti speċifiċi, prattiċi u fattibbli għat-titjib effettiv tal-implimentazzjoni tal-BTWC, għall-konsiderazzjoni mill-Istati Partijiet għall-BTWC fit-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni;

(b)

fejn xieraq, inizjattivi mir-Rappreżentant Għoli jew id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni;

(c)

dikjarazzjonijiet ippreżentati mir-Rappreżentant Għoli jew id-Delegazzjoni tal-Unjoni lin-Nazzjonijiet Uniti fit-tħejjija għat-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni u matulha

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/PESK tas-27 ta' Frar 2006 b'appoġġ għall-Konvenzjoni tal-Armi Bioloġiċi u Tossiċi, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda tal-Massa (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51; 270M, 29.9.2006, p. 311 (MT)).

(2)  ĠU C 57, 9.3.2006, p. 1.

(3)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/242/PESK tal- 20 ta' Marzu 2006 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2006 tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bioloġiċi u Tossiċi (BTWC) (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 65; ĠU L 270 M, 29.9.2006, p. 359 (MT)).

(4)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/858/PESK tal- 10 ta' Novembru 2008 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (ĠU L 302, 13.11.2008, p. 29).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/429/PESK tat- 18 ta' Lulju 2011 dwar il-Pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta' Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC) (ĠU L 188, 19.7.2011, p. 42).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/421/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 61).