18.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 301/47 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2071
tal-10 ta' Novembru 2015
li tawtorizza lill-Istati Membri jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward tal-Artikoli 1 sa 4 tal-Protokoll fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
L-Unjoni qed tippromwovi r-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol, ikklassifikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bħala aġġornati, biex jingħata kontribut lill-isforzi tal-Unjoni biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u xogħol deċenti għal kulħadd u biex jinqered it-traffikar tal-bnedmin kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha. Il-ħarsien tal-prinċipji fundamentali u d-drittijiet fil-post tax-xogħol huwa aspett ewlieni ta' dik il-promozzjoni. |
(2) |
Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, li l-Protokoll tal-2014 jissupplimenta, hija Konvenzjoni tal-ILO fundamentali u għandha effett fuq ir-regoli li jirreferu għall-istandards ewlenin tax-xogħol. |
(3) |
Sa fejn il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“il-Protokoll”), ikopri l-qasam tal-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità rregolat mill-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni diġà adottat regoli komuni li fil-biċċa l-kbira jkopru dan il-qasam, b'mod partikolari permezz tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-Protokoll jista' jaffettwa dawk ir-regoli komuni. |
(4) |
L-Artikolu 19(4) tal-Kostituzzjoni tal-ILO, dwar l-adozzjoni u r-ratifika ta' Konvenzjonijiet, japplika bl-istess mod għal Protokolli, li huma ftehimiet internazzjonali li jorbtu, soġġetti għal ratifika u marbutin ma' Konvenzjonijiet. |
(5) |
L-Unjoni ma tistax tirratifika l-Protokoll, billi l-Istati biss jistgħu jkunu partijiet fih. |
(6) |
Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jirratifikaw il-Protokoll, waqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, fir-rigward ta' dawk il-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 82(2) tat-TFUE. |
(7) |
L-Artikoli 1 sa 4 tal-Protokoll fihom obbligi relatati ma' leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' vittmi tal-kriminalità. B'konsegwenza, dawk id-dispożizzjonijiet jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE, partikolarment l-Artikolu 82(2) tiegħu. |
(8) |
L-Artikolu 82(2) tat-TFUE huwa l-unika bażi legali li fuqha għandha tkun ibbażata din id-Deċiżjoni. Il-Protokoll, b'mod partikolari, l-Artikolu 4 tiegħu, jirreferi ukoll għall-istatus ta' residenza tal-vittmi ta' xogħol furzat jew obbligatorju sal-punt li dan huwa meħtieġ biex jippermetti li dawn il-vittmi jkollhom aċċess għal rimedji xierqa u effettivi. Madankollu, dan l-objettiv li huwa relatat mal-Artikolu 79 tat-TFUE, huwa biss wieħed inċidentali, filwaqt li l-objettivi relatati mal-Artikolu 82(2) tat-TFUE huma identifikabbli bħala l-għan u l-komponent predominanti. |
(9) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tiegħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(10) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bid-Direttiva 2011/36/UE u d-Direttiva 2012/29/UE, u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
(11) |
L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jirratifikaw il-Protokoll fir-rigward ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li hemm fl-Artikoli 1 sa 4 tiegħu. Il-partijiet tal-Protokoll li jaqgħu fil-kompetenza mogħtija lill-Unjoni, għajr il-partijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, ser ikunu soġġetti għal Deċiżjoni adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati jirratifikaw, għall-partijiet, li jinsabu fl-Artikoli 1 sa 4 tal-Protokoll, li jaqgħu fil-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 82(2) tat-TFUE, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika tal-Protokoll mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol kemm jista' jkun malajr, preferibbilment sal-31 ta' Diċembru 2016.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
P. GRAMEGNA
(1) Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).
(2) Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).