17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2051

tas-16 ta' Novembru 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2013/730/PESK b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK (1) tipprevedi li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-Proġett taċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) għat-Tnaqqis tat-Theddida tat-Tixrid u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) u l-Munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa.

(2)

Il-proġett appoġġat mid-Deċiżjoni 2013/730/PESK għandu l-għan li, fost aspetti oħra, itejjeb id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u l-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet fir-rigward tal-ħżin ta' armi konvenzjonali u ta' ħażniet ta' munizzjon (il-“komponent tas-sigurtà tal-ħżin”).

(3)

Fil-paragrafu “3.1.” tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) huma nominati bħala benefiċjarji tal-komponent tas-sigurtà tal-ħżin, iżda l-Albanija mhijiex nominata.

(4)

Skont l-Aġenzija ta' Implimentazzjoni SEESAC, u bil-qbil tal-awtoritajiet Albaniżi, hemm ħtieġa li l-Albanija tibbenefika mill-komponent tas-sigurtà tal-ħżin u hemm finanzjament disponibbli taħt id-Deċiżjoni 2013/730/PESK.

(5)

Id-Deċiżjoni 2013/730/PESK għandha, għalhekk, tiġi emendata, biex tinkludi lill-Albanija bħala benefiċjarju tal-komponent tas-sigurtà tal-ħżin,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-paragrafu 3.1 tal-Anness għad-Deċiżjoni2013/730/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.1.   Żieda fis-Sigurtà tal-Kumulu ta' Ħażniet permezz ta' Titjib fl-Infrastruttura u l-Iżvilupp tal-Kapaċità

Objettiv

Din l-attività ser tnaqqas it-theddida tal-firxa u t-traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom permezz ta' titjib fid-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà u l-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet fir-rigward tal-ħżin ta' armi konvenzjonali u ta' ħażniet ta' munizzjon fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u FYROM.

Deskrizzjoni

L-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK b'approċċ fuq żewġ binarji għal (1) titjib fis-sigurtà tas-siti ta' ħażniet fi tliet pajjiżi (2), u (2) bini tal-kapaċità tal-persunal inkarigat mill-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet (3), b'mod sinifikanti żied id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà u naqqas ir-riskju tal proliferazzjoni mhux mixtieqa tal-kumulu ta' ħażniet tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Filwaqt li tkompli tibni fuq dawn il-kisbiet, it-tieni fażi tal-proġett ser tkompli ttejjeb is-sigurtà ta' ħażniet tal-armi u l-munizzjon fix-Xlokk tal-Ewropa billi tipprovdi assistenza teknika u infrastrutturali speċifika ulterjuri f'konformità mal-aħjar prassi u standards internazzjonali. L-attivitajiet tal-proġett ser jagħtu appoġġ lill-Ministeri tad-Difiża fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro u FYROM kif ukoll lill-Ministeri tal-Intern għar-Repubblika ta-Serbja, FYROM u l-Kosovo (*) permezz tal-akkwist u l-installazzjoni tat-tagħmir meħtieġ biex jiġi żgurat il-kumulu ta' ħażniet tal-armi u l-munizzjon. Barra minn hekk, fejn meħtieġ, ser jingħata taħriġ lill-persunal responsabbli għall-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet. Is-siti li fihom ser tiġi mtejba s-sigurtà ser jintgħażlu abbażi ta' valutazzjoni tal-prijoritajiet kif ukoll tar-riskji għas-sigurtà li jikkawżaw.

speċifiku, il-proġett jipprevedi l-attivitajiet li ġejjin:

L-Albanija: titjib tas-sigurtà fis-siti ta' ħażniet tal-munizzjon u l-armi konvenzjonali tal-Ministeru tad-Difiża (sa żewġ siti), inkluż permezz tal-installazzjoni u/jew ir-rinnovazzjoni taċ-ċint u d-dwal tal-perimetri, sistemi ta' kxif ta' intrużi, kameras ta' sigurtà b'ċirkwit magħluq (CCTV) u tagħmir tat-telekomunikazzjoni.

Il-Bożnija-Ħerzegovina: titjib tas-sigurtà fis-siti ta' ħażniet tal-munizzjon u l-armi konvenzjonali tal-Ministeru tad-Difiża inkluż permezz tat-tqegħid u/jew ir-rinnovazzjoni taċ-ċint u d-dwal tal-perimetri, sistemi ta' kxif ta' intrużi, kameras ta' sigurtà televiżjoni b'ċirkwit magħluq (CCTV) u tagħmir tat-telekomunikazzjoni, li jikkomplementaw il-ħidma dwar is-sigurtà fuq il-kumuli ta' ħażniet magħmula mill-UNDP u l-OSKE.

Il-Kosovo (*): titjib tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet tad-Dipartiment tal-Pulizija permezz ta' taħriġ u valutar tas-sitwazzjoni attwali. Rinnovazzjoni ta' maħżen lokali żgħir tas-SALW u l-munizzjon.

FYROM: titjib tas-sigurtà ta' sit ċentrali ta' ħażniet tal-Ministeru tal-Intern (Orman) permezz tal-akkwist ta' tagħmir tas-sigurtà u l-implimentazzjoni ta' titjib fl-infrastruttura inkluż ir-rinnovazzjoni taċ-ċint mal-perimetru; tagħmir tas-CCTV u dwal; u bibien tas-sigurtà ġodda għall-binjiet ta' ħażniet. Titjib tas-sigurtà tas-sit ċentrali ta' ħażniet tal-Forzi Armati ta' FYROM permezz tal-akkwist u l-installazzjoni ta' sorveljanza bil-video u titjib tas-sigurtà tal-perimetri u l-bini billi jiġu msewwija ċ-ċnut, jitwaħħlu kanċelli tad-dħul ġodda, u ssir rinnovazzjoni tal-bibien ta' sigurtà tal-maħżen.

Ir-Repubblika tal-Moldova: Titjib tas-sigurtà fid-Depożitu Ċentrali tal-Armi u l-Munizzjon (CAMD) tal-Ministeru tal-Affarijiet Interni, inkluż it-tqegħid ta' ċnut tas-sigurtà, sistemi ta' kontroll tad-dħul u akkwist ta' reġistru elettroniku tal-armi.

Il-Montenegro: titjib fiżiku għas-sit tal-munizzjon ta' Brezovik inkluż t-titjib ġenerali għas-sigurtà tal-infrastruttura ta' ħażniet. Żvilupp ta' reġistru ċentrali ta' armi u munizzjon maħżuna.

Is-Serbja: titjib tas-sigurtà fis-sit ewlieni ta' ħażniet tas-SALW tal-Ministeru tal-Intern, inklużi s-sorveljanza bil-video u l-kontroll tal-aċċess.

Taħriġ Reġjonali dwar il-Ġestjoni tal-Kumulu ta' Ħażniet: għandu jiġi implimentat kemm fil-livell reġjonali (annwalment) kif ukoll fil-livell nazzjonali (meta meħtieġ).

Riżultati tal-proġett u indikaturi tal-implimentazzjoni:

Il-proġett ser jirriżulta f'sigurtà mtejba fix-Xlokk tal-Ewropa permezz tat-tnaqqis tar-riskju tal-kummerċ illeċitu permezz ta':

Żieda fis-sigurtà tas-siti ta' ħażniet tas-SALW fl-Albanija (sa 2), fil-BiH (4), il-Kosovo (*) (1), Ir-Repubblika tal-Moldova (2), il-Montenegro (1), is-Serbja (1) u FYROM (2) permezz ta' titjib fl-infrastruttura orjentat lejn is-sigurtà, li jista' jitkejjel.

Żieda fil-kapaċità tal-persunal li jħares l-kumulu ta' ħażniet billi jiġu mħarrġa tal-anqas 60 membru tal-persunal mill-pajjiżi benefiċjarji fi tliet sessjonijiet ta' ħidma u jingħata taħriġ immirat f'livell nazzjonali.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).

(*)  L-użu ta' dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

(2)  Fil-Kroazja, is-sigurtà taċ-Ċentru għall-Ħażniet tal-Armi għall-Ministeru tal-Intern ‘MURAT’ ġie mtejjeb permezz tal-installazzjoni ta' sorveljanza bil-video; fil-Bożnija-Ħerzegovina ġew imwaħħla 41 bieb tas-sigurtà u s-sigurtà f'erba' siti ta' ħażniet tas-SALW u l-munizzjon għall-Ministeru tad-Difiża ġiet imsaħħa; is-sigurtà fid-depożitu tal-munizzjon tal-Ministeru għad-Difiża tal-Montenegro ‘TARAS’ ġiet imtejba għall-istandards tas-sigurtà nazzjonali.

(3)  Ġie żviluppat Kors dwar il-Ġestjoni tal-Kumulu ta' Ħażniet u b'kollox 58 uffiċjal fil-livell operazzjonali mill-Ministeri tad-Difiża, il-Forzi Armati u l-Ministeri tal-Intern tal-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-FYROM, il-Montenegro u s-Serbja ġew imħarrġa fil-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet.