14.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/32


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2040

tat-13 ta' Novembru 2015

dwar l-ekwivalenza bejn il-qafas regolatorju ta' numru ta' provinċji tal-Kanada għal kontropartijiet ċentrali u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament li jipprovdu servizzi ta' kklerjar lill-membri tal-ikklerjar jew ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjoni ta' ekwivalenza prevista minnha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostanzjali tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa għalhekk li tivverifika li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-provinċji ta' Alberta, British Columbia, Manitoba, Ontario u Québec (minn hawn' il quddiem imsejħa “l-provinċji rilevanti”) fil-Kanada jiżguraw li s-CCPs stabiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklerjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni.

(3)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq valutazzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fil-provinċji rilevanti, u fuq kemm dawn huma adegwati biex inaqqsu r-riskji li l-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom b'mod li jista' jitqies ekwivalenti għall-effett tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklerjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari.

(4)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Kanada għas-CCPs awtorizzati fil-provinċji rilevanti jikkonsistu fl-atti tat-titoli rispettivi u r-regoli u regolamenti skont dawk l-atti adottati mir-regolaturi tat-titoli ta' kull provinċja, kif ukoll kull deċiżjoni, direzzjoni jew ordni magħmula jew maħruġa minn dawn ir-regolaturi tat-titoli (ir-reġim ta' titoli provinċjali) u li huma applikabbli għal CCPs li joperaw f'dawn il-provinċji.

(7)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-regolaturi tat-titoli huma l-Alberta Securities Commission (ASC) f'Alberta; l-Autorité des marchés financiers (AMF) fil-Québec; Il-British Columbia Securities Commission (BCSC) fil-British Columbia; Il-Manitoba Securities Commission (MSC) f'Manitoba u l-Kummissjoni ta' Ontario dwar it-Titoli (OSC) f'Ontario. Ir-regolaturi tat-titoli jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-liġijiet u r-regolamenti tat-titoli u biex jamministraw, jissorveljaw u jinfurzaw il-liġijiet eżistenti b'mod konsistenti u kkoordinat.

(8)

CCP li tfittex li tikkonduċi negozju fi provinċja rilevanti trid tkun awtorizzata mir-regolatur tat-titoli rilevanti. Din l-awtorizzazzjoni tista' tieħu l-forma ta' rikonoxximent jew ta' eżenzjoni mir-rikonoxximent. Ir-rikonoxximent jimplika l-applikazzjoni sħiħa tar-reġim tat-titoli provinċjali rispettiv. Is-CCPs li joperaw f'diversi provinċji rilevanti għandhom jiġu awtorizzati bħala CCP rikonoxxuta minn tal-inqas provinċja waħda u huma soġġetti għall-iktar rekwiżiti stretti fost dawk applikabbli fil-provinċji fejn joperaw. Eżenzjoni mir-rikonoxximent hija ġeneralment provduta lil CCPs rikonoxxuti fi provinċja oħra, u għalhekk soġġetti għal superviżjoni diretta mir-regolatur tat-titoli tal-provinċja fejn is-CCP hi rikonoxxuta, sakemm dawn ma jkunux meqjusa sistemikament importanti jew li joħolqu riskju sinifikanti għas-swieq kapitali mir-regolatur tat-titoli rilevanti. Ir-regolaturi tat-titoli jimponu kundizzjonijiet fuq is-CCPs eżentati minn rikonoxximent, meta dawn is-CCPs ikunu soġġetti ghal rekwiżiti inqas ikkumplikati fil-provinċji fejn huma rikonoxxuti milli fil-provinċji fejn huma eżentati minn rikonoxximent. Il-Bank tal-Kanada jista' wkoll jindika CCPs bħala sistemikament importanti meta jkollhom potenzjal li jippreżentaw riskju sistemiku għas-sistema finanzjarja Kanadiża.

(9)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal CCPs awtorizzati f'Alberta jikkonsistu fl-Att dwar it-Titoli (Alberta), ir-regoli u r-regolamenti adottati skont dan l-Att, u kull deċiżjoni, direzzjoni jew ordni magħmula jew maħruġa mill-ASC (minn hawn 'il quddiem “il-liġijiet tat-titoli ta' Alberta”). Sabiex tipprovdi servizzi ta' kklerjar f'Alberta, CCP għandha tkun awtorizzata mill-ASC bħala aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala aġenzija tal-ikklerjar eżentata minn rikonoxximent (aġenzija tal-ikklerjar eżentata). Is-CCPs awtorizzati f'Alberta għandhom iħarsu il-liġijiet tat-titoli ta' Alberta. B'mod ġenerali, l-ASC tawtorizza lis-CCPs bħala aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti, fejn jidhrilha li jkun xieraq li jiġu soġġetti għas-sorveljanza tagħha. Madankollu, l-ASC tista' wkoll isserraħ fuq is-superviżjoni tar-regolaturi tat-titoli għal xi kmamar tal-ikklerjar rikonoxxuti fi provinċji oħra. L-ASC tista' timponi termini u kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni ta' aġenzija tal-ikklerjar, bħala aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala aġenzija tal-ikklerjar eżentata. L-ASC ħarġet ordnijiet ta' rikonoxximent fir-rigward tal-aġenziji tal-ikklerjar kollha awtorizzati minnha bħala aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti, li jeżiġu li dawn jikkonformaw mal-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (il-PFMIs) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu (2), u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli.

(10)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs awtorizzati fil-British Columbia jikkonsistu fl-Att dwar it-Titoli (British Columbia), ir-regoli u r-regolamenti maħruġa skont dan l-Att u l-ordnijiet maħruġa mill-BCSC. Sabiex tipprovdi servizzi ta' kklerjar fil-British Columbia, CCP għandha tkun awtorizzata mill-BCSC jew bħala aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala aġenzija tal-ikklerjar eżentata minn rikonoxximent (aġenzija tal-ikklerjar eżentata), li jiddependi minn għadd ta' fatturi, inkluż l-impatt tal-operazzjonijiet tal-aġenzija tal-ikklerjar fil-British Columbia. Il-BCSC tista' timponi termini u kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni ta' aġenzija tal-ikklerjar, jew bħala aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala aġenzija tal-ikklerjar eżentata. Il-BCSC ħarġet ordnijiet ta' rikonoxximent fir-rigward tal-aġenziji tal-ikklerjar kollha awtorizzati minnha bħala aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti, li jeżiġu li dawn l-aġenziji jikkonformaw mal-PFMIs.

(11)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal CCPs awtorizzati f'Manitoba jikkonsistu fil-Commodity Futures Act (Manitoba), fl-Att dwar it-Titoli (Manitoba) u fir-regoli u l-ordnijiet maħruġa skonthom mill-MSC. Sabiex tkun tista' tipprovdi servizzi ta' kklerjar f'Manitoba, CCP għandha tkun awtorizzata mill-MSC jew bħala kamra tal-ikklerjar rikonoxxuta fir-rigward tal-futuri tal-komoditajiet, jew bħala aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta fir-rigward ta' titoli oħra, jew bħala kamra jew aġenzija tal-ikklerjar, rispettivament, eżentata minn rikonoxximent (aġenzija jew kamra tal-ikklerjar eżentata). L-MSC tista' timponi termini u kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni ta' aġenzija jew kamra tal-ikklerjar, jew bħala aġenzija jew kamra tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala aġenzija jew kamra tal-ikklerjar eżentata. L-MSC ħarġet ordnijiet ta' rikonoxximent fir-rigward tal-aġenziji u l-kmamar tal-ikklerjar kollha awtorizzati minnha bħala aġenziji jew kmamar tal-ikklerjar rikonoxxuti, li jeżiġu li jikkonformaw mal-PFMIs.

(12)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal CCPs awtorizzati f'Ontario jikkonsistu fl-Att dwar it-Titoli (Ontario), ir-regolamenti u r-regoli maħruġa skont l-Att dwar it-Titoli (Ontario), u d-direzzjonijiet, deċiżjonijiet, ordnijiet, sentenzi jew rekwiżiti oħra skont dan l-Att. Sabiex tkun tista' tipprovdi servizzi ta' kklerjar f'Ontario, CCP għandha tkun awtorizzata mill-OSC bħala aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala aġenzija tal-ikklerjar eżentatata minn rikonoxximent (aġenzija tal-ikklerjar eżentata). L-OSC tista' timponi termini u kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni ta' aġenzija tal-ikklerjar, jew bħala aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala aġenzija tal-ikklerjar eżentata. L-OSC ħarġet ordnijiet ta' rikonoxximent fir-rigward tal-aġenziji tal-ikklerjar kollha awtorizzati minnha bħala aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti, li jeżiġu li jikkonformaw mal-PFMIs.

(13)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal CCPs awtorizzati fil-Québec jikkonsistu fl-Att dwar it-Titoli (Québec), l-Att dwar id-Derivattivi (Québec) u l-Att li jirrigwarda l-Autorité des marchés financiers (AAMF); ir-regolamenti adottati skont l-Att dwar it-Titoli (Québec) u l-Att dwar id-Derivattivi (Québec) u d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet maħruġa mill-AMF. Sabiex tkun tista' tipprovdi servizzi ta' kklerjar fil-Québec, CCP għandha tkun awtorizzata mill-AMF jew bħala kamra tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala kamra tal-ikklerjar eżentata minn rikonoxximent (kamra tal-ikklerjar eżentata). L-AMF tista' timponi termini u kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni ta' kamra tal-ikklerjar, jew bħala kamra tal-ikklerjar rikonoxxuta jew bħala kamra tal-ikklerjar eżentata. L-AMF ħarġet ordnijiet ta' rikonoxximent fir-rigward tal-kmamar tal-ikklerjar kollha awtorizzati minnha bħala kmamar tal-ikklerjar rikonoxxuti, li jeżiġu li jikkonformaw mal-PFMIs.

(14)

Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati mill-provinċji rilevanti għandha tqis ukoll l-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju żgurat minnhom f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklerjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalih minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fis-CCPs awtorizzati minnhom. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mill-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklerjar imwettqa mis-CCP ikkonċernata, li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, u minn kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb l-istess eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju, huma meħtieġa rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla, minn dawk ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx.

(15)

Id-daqs tas-suq finanzjarju fejn is-CCPs awtorizzati fil-provinċji rilevanti jwettqu l-attivitajiet tal-ikklerjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn dak fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom is-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. B'mod partikolari, tul l-aħħar tliet snin, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi kklerjati fil-Kanada rrappreżentaw inqas minn 3 % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi kklerjati fl-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tas-CCPs awtorizzati fil-provinċji rilevanti tesponi lill-membri tal-ikklerjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni.

(16)

L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fil-provinċji rilevanti jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu adattati biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regoli applikabbli għal CCPs awtorizzati fil-provinċji rilevanti, inkluż l-ordnijiet ta' rikonoxximent maħruġa mir-regolaturi tat-titoli li jeħtieġu jkunu konformi mal-PFMIs, jimmitigaw il-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti fil-provinċji rilevanti u jiksbu eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju ekwivalenti għal dak mixtieq mir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(17)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-provinċji rilevanti jiżguraw li s-CCPs awtorizzati minnhom jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(18)

Skont it-tieni kundizzjoni fl-Artikolu 25(6), l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward tas-CCPs awtorizzati fil-provinċji rilevanti jridu jipprevedu superviżjoni u infurzar effettivi għal dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa.

(19)

Is-superviżjoni tas-CCPs li jkunu awtorizzati f'diversi provinċji għandha ssir b'kooperazzjoni bejn ir-regolaturi tat-titoli tal-provinċji rilevanti. Għal CCPs indikati mill-Bank tal-Kanada li huma kapaċi jippreżentaw riskju sistemiku, is-superviżjoni tas-CCPs issir b'kooperazzjoni bejn ir-regolaturi tat-titoli tal-provinċji rilevanti u l-Bank tal-Kanada.

(20)

F'Alberta, l-ASC għandha setgħat wiesgħin biex tieħu kull azzjoni rimedjali jew disswassiva kontra aġenzija tal-ikklerjar awtorizzata, kemm jekk tkun rikonoxxuta kif ukoll jekk tkun eżentata minn rikonoxximent, fl-interess pubbliku jew meta aġenzija tal-ikklerjar tkun kisret il-liġijiet tat-titoli ta' Alberta. Kemm l-aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti kif ukoll dawk eżentati għandhom jipprovdu informazzjoni, dokumenti jew reġistri sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli applikabbli. L-ASC tista', kemm fir-rigward ta' aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti kif ukoll fir-rigward ta' dawk eżentati, timponi penali amministrattivi u tissospendi, tibdel it-termini jew tirrevoka r-rikonoxximent ta' aġenzija tal-ikklerjar jew l-ordni li teżenta lil aġenzija tal-ikklerjar minn rikonoxximent. L-ASC tista' wkoll titlob dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' konformità mill-qrati, tibda proċeduri ġudizzjarji oħra u twettaq investigazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta' varjetà ta' sanzjonijiet. Xi penali jistgħu wkoll jiġu imposti fuq diretturi u uffiċjali ta' persuni jew kumpaniji, jew fuq persuni oħra li jawtorizzaw, jippermettu jew jikkonsentu li jsir ksur tal-liġijiet tat-titoli ta' Alberta. Barra minn hekk, fir-rigward ta' aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti, l-ASC twettaq verifiki fuq il-post, konsultazzjonijiet regolari u eżami u analiżi tal-preżentati, u tista' tieħu deċiżjonijiet fir-rigward ta' kull regola, proċedura jew prattika interna ta' kull aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta jekk l-ASC tqis li jkun fl-interess pubbliku li dan isir.

(21)

Fil-British Columbia, il-BCSC twettaq sorveljanza kontinwa tal-aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti, permezz ta' spezzjonijiet perjodiċi fuq il-post u komunikazzjoni regolari mal-maniġment għoli tal-aġenzija tal-ikklerjar, kif ukoll permezz ta' reviżjoni tal-informazzjoni rrappurtata mill-aġenzija tal-ikklerjar u konformità mar-rekwiżiti tal-aġenzija tal-ikklerjar rigward ġestjoni tar-riskji, fost oħrajn. Il-BCSC għandha setgħat wiesgħin biex tieħu kull azzjoni rimedjali jew dissważiva kontra aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta, fl-interess pubbliku jew meta l-aġenzija tal-ikklerjar tkun kisret l-Att dwar it-Titoli (British Columbia). Dawn l-azzjonijiet jinkludu t-teħid ta' kull deċiżjoni dwar ordinamenti, regoli, proċeduri jew prattiki, jew dwar il-mod li bih l-aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta tikkonduċi in-negozju, u jistgħu jagħtu ordnijiet fir-rigward tal-aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta, inklużi s-sospensjoni jew ir-revoka tar-rikonoxximent tal-aġenziji tal-ikklerjar, kif ukoll jistgħu jikkonduċu investigazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet.

(22)

F'Manitoba, l-MSC twettaq sorveljanza kontinwa ta' aġenziji tal-ikklerjar awtorizzati, li huma rikonoxxuti jew eżentati minn rikonoxximent. Madankollu, l-aġenziji tal-ikklerjar eżentati huma soġġetti għal sorveljanza iktar limitata mill-MSC. Għal aġenziji jew kmamar tal-ikklerjar rikonoxxuti, is-sorveljanza ssir permezz ta' analiżijiet tar-rapporti perjodiċi, spezzjonijiet perjodiċi fuq il-post, komunikazzjoni regolari mal-maniġment għoli tal-aġenzija jew kamra tal-ikklerjar u valutazzjoni annwali ta' riskji u kontrolli. L-MSC għandha diversi għodod disponibbli sabiex tirrimedja għall-ksur ta' ċerti rekwiżiti minn aġenzija jew kamra awtorizzata, li tkun rikonoxxuta jew eżentata, inklużi li timponi termini jew kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni tal-aġenzija tal-ikklerjar, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-ordnijiet ta' awtorizzazzjoni tal-aġenzija jew il-kamra tal-ikklerjar, jew li tikkonduċi investigazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta' multi u sanzjonijiet oħra.

(23)

F'Ontario, l-OSC twettaq sorveljanza kontinwa tas-CCPs awtorizzati bħala aġenziji tal-ikklerjar rikonoxxuti, permezz ta' spezzjonijiet perjodiċi fuq il-post u komunikazzjoni regolari mal-maniġment għoli tal-aġenzija tal-ikklerjar, eżami regolari tar-riski u l-kontrolli, kif ukoll permezz ta' reviżjoni tal-informazzjoni rrappurtata mill-aġenzija tal-ikklerjar u tal-konformità mar-rekwiżiti tal-aġenzija tal-ikklerjar rigward ġestjoni tar-riskji, fost oħrajn. Madankollu, l-aġenziji tal-ikklerjar eżentati huma soġġetti għal sorveljanza iktar limitata mill-OSC. L-OSC għandha setgħat wiesgħin biex tieħu kull deċiżjoni dwar kull ordinament, regola u proċedura ta' aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta, u fir-rigward tal-mod li bih l-aġenzija tal-ikklerjar rikonoxxuta tikkonduċi n-negozju tagħha, u biex tieħu kull azzjoni rimedjali jew disswassiva kontra aġenzija tal-ikklerjar awtorizzata, li tkun rikonoxxuta jew eżentata minn rikonoxximent, fejn dan ikun fl-interess pubbliku jew meta aġenzija tal-ikklerjar tkun kisret l-Att dwar it-Titoli (Ontario). Dawn l-azzjonijiet jinkludu l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet jew ta' ordnijiet rigward l-aġenzija tal-ikklerjar, l-impożizzjoni ta' termini, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew rekwiżiti dwar l-aġenzija tal-ikklerjar, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-awtorizzazzjoni tal-aġenzija tal-ikklerjar, kif ukoll it-twettiq ta' investigazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta' multi u penali.

(24)

Fil-Québec, l-AMF hija vestita b'awtorità sħiħa ta' sorveljanza fuq l-attivitajiet kollha tal-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati, u tissorvelja l-konformità tas-CCPs mal-Att dwar it-Titoli (Québec), mal-Att dwar id-Derivattivi (Québec) u mal-AAMF. Dawn l-atti jistabbilixxu l-qafas legali ġenerali applikabbli għall-kontroll finanzjarju li l-AMF teżerċita' fuq l-entitajiet finanzjarji li tissupervizza jew tissorvelja, bħalma huma il-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati. L-AMF għandha l-poter, fuq kull kamra tal-ikklerjar awtorizzata, li titlob informazzjoni, li titlob is-sottomissjoni għal eżaminazzjoni taħt ġurament, li twettaq investigazzjoni u li tikkonduċi spezzjonijiet fuq il-post. L-AMF għandha diversi għodod disponibbli sabiex tirrimedja ksur tar-rekwiżiti minn kmamar tal-ikklerjar. Dawn jinkludu s-setgħa li tissospendi l-applikazzjoni tar-regoli interni u l-proċeduri ta' kamra tal-ikklerjar rikonoxxuta, li tordna emenda għal dispożizzjoni jew prattika ta' kamra tal-ikklerjar rikonoxxuta sabiex tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli, li tieħu azzjoni kontra kamra tal-ikklerjar awtorizzata biex tiżgura l-konformità mal-impriżi mogħtija lill-AMF jew mar-rekwiżiti legali applikabbli, li timponi multi lil kamra tal-ikklerjar awtorizzata, u li timmodifika, tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjonijiet jew l-eżenzjonijiet kollha, jew parti minnhom, mogħtija lil kamra tal-ikklerjar.

(25)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-provinċji rilevanti fir-rigward ta' CCPs awtorizzati minnhom jipprovdu superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(26)

Skont it-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-provinċji rilevanti jridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont ir-reġimi legali ta' pajjiż terz (“CCPs ta' pajjiż terz”).

(27)

CCPs ta' pajjiżi terzi li qed ifittxu li jkomplu jagħmlu n-negozju bħala aġenzija jew kamra tal-ikklerjar fil-British Columbia u f'Manitoba jistgħu japplikaw, u f'Alberta, Ontario u Québec għandhom japplikaw għal rikonoxximent jew għal eżenzjoni mir-rikonoxximent fil-provinċja rilevanti, li jippermettulhom li jipprovdu l-istess servizzi tal-ikklerjar fil-Kanada bħalma' huma awtorizzati jipprovdu fil-pajjiż terz, suġġetti għat-termini u kundizzjonijiet adegwati tar-rikonoxximent jew tal-ordni ta' eżenzjoni. L-eżenzjoni tista' tkun disponibbli fejn is-CCP tal-pajjiż terz mhijiex sistemikament importanti għas-suq provinċjali, jew inkella meta ma tirrappreżentax b'xi mod ieħor riskju sinifikanti għas-swieq kapitali, sakemm tkun soġġetta għal reġim regolatorju komparabbli. Madankollu, anke fil-każ li s-CCP tal-pajjiż terz hija mitluba li tikseb rikonoxximent, l-awtoritajiet jistgħu jiddependu fuq is-sorveljanza tar-regolaturi tal-pajjiżi terz, fejn ir-regolament applikabbli għas-CCP tal-pajjiż terz ikun komparabbli mar-regolament applikabbli skont ir-reġim provinċjali rilevanti.

(28)

Filwaqt li ta' min jinnota li l-istruttura tal-proċedura ta' rikonoxximent tar-reġim legali tal-provinċji rilevanti fil-Kanada applikabbli għal CCPs ta' pajjiżi terzi hija differenti mill-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha madankollu tiġi kkunsidrata bħala waħda li tipprovdi sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiżi terzi.

(29)

Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu għalhekk jiġu kkunsidrati milħuqa mill-arranġamenti legali u superviżorji tal-provinċji rilevanti fil-Kanada, u dawn l-arranġamenti legali u superviżorji għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja fuq bażi regolari l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju għas-CCPs fil-provinċji rilevanti, u tara li qed jitwettqu l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni.

(30)

Ir-reviżjoni regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fil-Kanada għas-CCPs awtorizzati hemmhekk għandha tkun mingħajr preġidizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq eżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra l-ambitu tal-analiżi ġenerali, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-deċiżjoni. Tali valutazzjoni mill-ġdid tista' twassal għall-irtirar tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza.

(31)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-provinċji Kanadiżi ta' Alberta, il-British Columbia, Manitoba, Ontario u Québec, li jikkonsistu fl-Att dwar it-Titoli (Alberta), l-Att dwar it-Titoli (British Columbia), l-Att dwar il-Futur tal-Komoditajiet (Manitoba), l-Att dwar it-Titoli (Manitoba), l-Att dwar it-Titoli (Ontario), l-Att dwar it-Titoli (Québec), l-Att dwar id-Derivattivi (Québec), l-Att rigward l-Autorité des marchés financiers, u r-regoli, regolamenti, deċiżjonijiet, struzzjonijiet u ordnijiet adottati skonthom, inklużi l-ordnijiet ta' rikonoxximent applikabbli għas-CCPs awtorizzati minnhom, għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u s-Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar l-Infrastrutturi tal-Pagament u tas-Suq (“CPMI”).