14.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2037

tal-10 ta' Novembru 2015

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll tal-2014 għall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-politika soċjali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 153(2), flimkien mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 153(1) u l-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Unjoni qed tħeġġeġ ir-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali tax-xogħol, ikklassifikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bħala aġġornati, biex jingħata kontribut lill-isforzi tal-Unjoni biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u xogħol diċenti għal kulħadd u biex jinqered it-traffikar tal-bnedmin kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha. Il-ħarsien tal-prinċipji fundamentali u d-drittijiet fil-post tax-xogħol huwa aspett ewlieni ta' dik il-promozzjoni.

(2)

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, li l-Protokoll tal-2014 jissupplimenta, hija Konvenzjoni tal-ILO fundamentali u għandha effett fuq ir-regoli li jirreferu għall-istandards ewlenin tax-xogħol.

(3)

Partijiet mir-regoli previsti fil-Protokoll tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“il-Protokoll”), jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni skont l-Artikolu 153(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). B'mod partikolari, xi regoli tal-Protokoll diġà huma koperti mill-acquis tal-UE fil-qasam tal-politika soċjali. F'dak ir-rigward, l-Artikoli 1(1), 2(a) u 2(d) tal-Protokoll, b'mod partikolari, jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE (1), id-Direttiva 2008/104/KE tal-Paralament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll id-Direttivi dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, inkluża d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (3), id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE (5) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE (6).

(4)

L-Artikolu 19(4) tal-Kostituzzjoni tal-ILO, dwar l-adozzjoni u r-ratifika ta' Konvenzjonijiet, japplika bl-istess mod għal Protokolli, li huma ftehimiet internazzjonali li jorbtu, soġġetti għal ratifika u marbutin ma' Konvenzjonijiet.

(5)

L-Unjoni ma tistax tirratifika l-Protokoll billi l-Istati biss jistgħu jkunu Partijiet fih.

(6)

Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jirratifikaw il-Protokoll, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, fir-rigward ta' dawk il-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE.

(7)

Il-partijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt il-kompetenza mogħtija lill-Unjoni, għajr il-partijiet relatati mal-politika soċjali ser ikunu soġġetti għal Deċiżjoni adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jirratifikaw, għall-partijiet li jaqgħu fil-kompetenza mogħtija lill-Unjoni taħt l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, il-Protokoll tal-2014 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika tal-Protokoll mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol kemm jista' jkun malajr, preferibbilment sal-31 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).

(2)  Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol (ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1).