12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/42


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2020

tas-26 ta' Ottubru 2015

li tiddelega lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill is-setgħa li joħroġ laissez-passer lil membri, uffiċjali u aġenti oħra tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll lill-applikanti speċjali previsti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1417/2013, u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/682/KE, Euratom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u, b'mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 240(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u, b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikoli 235(4) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 240(2) tat-TFUE, kemm il-Kunsill Ewropew kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu assistiti mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(2)

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 7, huma l-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kunsill li jistgħu jipprovdu l-laissez-passer lil membri tal-istituzzjonijiet tagħhom u lil uffiċjali u aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tagħhom f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1).

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013 (2) jistabbilixxi l-forma, il-kamp ta' applikazzjoni u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' laissez-passer lil membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, lil uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni, u lil applikanti speċjali previsti fl-Anness II tiegħu.

(4)

Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1417/2013, il-laissez-passer jista' jinħareġ lil applikanti speċjali, skont l-Anness II ta' dak ir-Regolament, esklussivament fl-interess tal-Unjoni, f'każijiet eċċezzjonali u bil-motivazzjoni dovuta.

(5)

Il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kunsill għandhom jiddelegaw is-setgħat rispettivi tagħhom lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.

(6)

Jinħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/682/KE, Euratom (3) titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-setgħat mogħtija lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-President tal-Kunsill taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 7 għall-ħruġ ta' laissez-passer lil membri tal-istituzzjonijiet tagħhom, lil uffiċjali u aġenti oħra tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll lil applikanti speċjali previsti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1417/2013 għandhom jiġu eżerċitati mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.

Is-Segretarju Ġenerali huwa awtorizzat jiddelega dawk is-setgħat lid-Direttur Ġenerali tal-Amministrazzjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2005/682/KE, Euratom hija mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

C. DIESCHBOURG


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jistitwixxi miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1417/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-forma tal-laissez-passer maħruġin mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 26).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/682/KE, Euratom tal-20 ta' Settembru 2005 li tiddelega lid-Deputat Segretarju Ġenerali s-setgħa li jipprovdi laissez-passer lill-uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (ĠU L 258, 4.10.2005, p. 4).