6.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1993

tat-22 ta' Ottubru 2015

li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo (*), min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiftaħ negozjati mal-Kosovo dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-25 ta' Lulju 2014.

(2)

Il-Ftehim ikopri wkoll kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Komunità”).

(3)

Il-Ftehim għandu għalhekk jiġi konkluż ukoll f'isem il-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom.

(4)

L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim huma soġġetti għal proċedura separata fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo, li se tiġi deċiża skont il-prattika nazzjonali u l-liġi internazzjonali tagħhom.

(6)

Barra minn hekk, l-ebda waħda minn dawn it-termini, kliem jew definizzjonijiet użati f'din id-Deċiżjoni u t-test tal-Ftehim, u l-ebda rikors għal bażi ġuridika meħtieġa għall-konklużjoni tal-Ftehim ma jikkostitwixxi r-rikonoxximent tal-Kosovo mill-Komunità bħala Stat indipendenti u lanqas ma jikkostitwixxi r-rikonoxximent minn Stati Membri individwali tal-Kosovo f'dik il-kapaċità fejn qabel huma ma jkunux ħadu dan il-pass.

(7)

Il-konklużjoni tal-Ftehim mill-Kummissjoni, li taġixxi f'isem il-Komunità, għandha għalhekk tiġi approvata fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-konklużjoni mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Kosovo, hija b'dan approvata (1).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri u tal-Komunità dwar l-istatus tal-Kosovo.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. ETGEN


(*)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  It-test tal-Ftehim hu mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim.