6.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1988

tat-22 ta' Ottubru 2015

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo (*), min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien mal-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-21 ta' Ġunju 2013 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mal-Kosovo għal Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-25 ta' Lulju 2014.

(2)

L-Unjoni u l-Kosovo għandhom rabtiet qawwija u jikkondividu valuri u x-xewqa għat-tisħiħ ta' dak l-irbit u li jistabbilixxu relazzjoni mill-qrib u dejjiema msejsa fuq ir-reċiproċità u l-interess reċiproku, li għandhom jippermettu lill-Kosovo sabiex isaħħaħ u jestendi ulterjorment ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Unjoni.

(3)

“L-ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jmexxu n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet” intlaħaq fid-19 ta' April 2013 fil-qafas tad-djalogu ffaċilitat mill-UE.

(4)

Dan il-ftehim jipprevedi t-twaqqif ta' assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kosovo li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċedura speċjali. Fih ukoll dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni. Id-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-Ftehim għandha għalhekk tkun imsejsa fuq il-bażi ġuridika li tipprovdi għall-istabbiliment ta' assoċjazzjoni li tippermetti lill-Unjoni tidħol f'impenji fl-oqsma kollha koperti mit-Trattati u fuq il-bażi legali għal ftehimiet f'oqsma koperti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE.

(5)

Dan huwa ftehim għall-UE biss. L-impenji u l-kooperazzjoni li għandhom jiddaħħlu mill-Unjoni taħt dan il-Ftehim jirrigwardaw biss l-oqsma koperti mill-acquis tal-UE jew politiki eżistenti tal-Unjoni. L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bħala Ftehim għall-UE biss huma mingħajr preġudizzju għan-natura u l-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe ftehim simili li jiġi nnegozjat fil-futur. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-UE konferiti lilhom fit-Trattati u l-pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar il-kompetenzi. Il-Ftehim jipprevedi kooperazzjoni wiesgħa f'diversi oqsma ta' politika, inkluż fil-ġustizzja u l-affarijiet interni.

(6)

L-iffirmar tal-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo, li se tiġi deċiża b'mod konformi mal-prattika nazzjonali tagħhom u d-dritt internazzjonali.

(7)

Barra minn hekk, l-ebda terminu, għażla ta' kliem jew definizzjoni użati f'din id-Deċiżjoni u l-Ftehim, u lanqas ebda azzjoni ta' rikors għall-bażijiet ġuridiċi neċessarji għall-iffirmar ta' dan il-Ftehim ma jikkostitwixxi r-rikonoxximent tal-Kosovo mill-Unjoni bħala Stat indipendenti u lanqas ma jikkostitwixxi rikonoxximent tal-Kosovo minn Stati Membri individwali f'dik il-kapaċità fejn huma ma jkunux ħadu tali pass qabel. Huwa xieraq, f'dan il-kuntest, li l-Unjoni toħroġ dikjarazzjoni f'dak ir-rigward fil-mument tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim.

(8)

L-iffirmar tal-Ftehim fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huwa soġġett għal proċedura separata.

(9)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Kosovo, huwa b'dan awtorizzat għall-partijiet li jaqgħu taħt it-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni mehmuża ma' din id-Deċiżjoni hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni preżenti hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni rigward l-istatus tal-Kosovo.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. ETGEN


(*)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  It-test tal-Ftehim se jkun ippubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Dikjarazzjoi f'isem l-Unjoni

“Id-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni soġġetta għall-konklużjoni tiegħu f'data futura, inklużi l-bażijiet ġuridiċi użati f'dak ir-rigward, hija mingħajr preġudizzju lejn il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-istatus u ma tikkostitwixxix ir-rikonoxximent tal-Kosovo (*) mill-Unjoni bħala Stat indipendenti, u lanqas ma tikkostitwixxi rikonoxximent minn Stati Membri individwali f'dik il-kapaċità fejn dawn ma kinux għamlu dak il-pass preċedentement.”


(*)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.