28.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/34


DEĊIŻJONI TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1936

tat-8 ta' Lulju 2015

dwar sistemi applikabbli għall-evalwazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni ta' tubi u pajpijiet għall-ventilazzjoni tal-ajra skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 60(h) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni ta' tubi u pajpijiet tal-ventilazzjoni maħsuba biex jintużaw għall-ventilazzjoni tal-arja għandhom jitwettqu skont is-sistemi stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

(2)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit liema sistemi ta' valutazzjoni u verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni huma applikabbli għal tubi u pajpijiet tal-ventilazzjoni maħsuba biex jintużaw għall-ventilazzjoni tal-arja. Din għandha tippermetti lill-manifatturi li jkollhom aċċess għas-suq intern b'mod aktar effiċjenti, u b'hekk jikkontribwixxu għal kompetittività akbar tal-industrija tal-bini kumplessivament

(3)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għall-prodotti li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' atti oħra korrispondenti tal-liġi tal-Unjoni. B'hekk, din ma għandhiex tapplika għal tubi u pajpijiet użati għal sistemi fissi tat-tifi tan-nar billi huma diġà koperti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/577/KE (2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/472/KE (3),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tapplika għal tubi u pajpijiet ta' ventilazzjoni maħsuba biex jintużaw f'xogħlijiet ta' bini għall-ventilazzjoni tal-arja, kif stipulat fl-Anness I.

Artikolu 2

Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 jiġu evalwati u vverifikati għall-kostanza tal-prestazzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom f'konformità mas-sistemi speċifikati fl-Anness II.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/577/KE tal-24 ta' Ġunju, 1996, dwar il-proċedura ta' attestazzjoni tal-konformità ta' prodotti għall-bini skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE dwar dak li għandu x'jaqsam ma' sistemi fissi għat-tifi tan-nar (ĠU L 254, 8.10.1996, p. 44)

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/472/KE tal-1 ta' Lulju 1999 dwar il-proċedura ta' attestazzjoni tal-konformità tal-prodotti għall-bini permezz ta' Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE dwar il-pajpijiet, it-tankijiet, u oġġetti anċillari li mhumiex f'kuntatt ma' ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 42)


ANNESS I

PRODOTTI KOPERTI

Din id-Deċiżjoni tapplika għal:

1.

Tubi u pajpijiet ta' ventilazzjoni maħsuba biex jintużaw f'xogħlijiet ta' kostruzzjoni għall-ventilazzjoni tal-arja.


ANNESS II

SISTEMI TAL-VALUTAZZJONI U L-VERIFIKA TAL-KOSTANZA TAL-PRESTAZZJONI

Filwaqt li jitieqsu l-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti koperti minn din id-Deċiżjoni, is-sistemi tagħhom tal-Valutazzjoni u l-Verifika tal-Kostanza tal-Prestazzjoni japplikaw kif ġej:

Tabella 1

Għall-karatteristiċi essenzjali kollha ħlief għal reazzjoni għan-nar

Prodotti

Il-Karatteristiċi Essenzjali

Is-sistema applikabbli għall-Valutazzjoni u l-Verifika tal-Kostanza tal-Prestazzjoni kif stabbilita fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011

Tubi u pajpijiet ta' ventilazzjoni maħsuba biex jintużaw f'xogħlijiet ta' kostruzzjoni għall-ventilazzjoni tal-arja.

Għall-karatteristiċi essenzjali kollha ħlief għar-reazzjoni għan-nar

3


Tabella 2

Għar-reazzjoni għan-nar biss

Għall-prodotti kollha indikati fl-ewwel kolonna tat-Tabella 1, is-sistemi għall-Valutazzjoni u l-Verifika tal-Kostanza tal-Prestazzjoni huma stabbiliti, skont is-subfamilji tagħhom, kif ġej:


Is-subfamilji tal-prodott

Is-sistema applikabbli għall-Valutazzjoni u l-Verifika tal-Kostanza tal-Prestazzjoni kif stabbilita fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011

Prodotti li għalihom stadju li huwa identifikabbli biċ-ċar fil-proċess tal-produzzjoni jirriżulta f'titjib tar-reazzjoni tagħhom għan-nar (eż. żieda ta' prodotti ta' trażżin tan-nar jew limitu tal-materjal organiku).

1

Prodotti li għalihom teżisti bażi legali Ewropea applikabbli biex tiġi kklassifikata l-prestazzjoni tar-reazzjoni tagħhom għan-nar mingħajr ittestjar

4

Prodotti li ma jppartjenux għas-subfamilji indikati fir-ringieli 1 u 2

3