27.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1927

tas-26 ta' Ottubru 2015

li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/932/PESK rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/932/PESK tat-18 ta' Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Frar 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (“UNSCR”) 2140 (2014), li teħtieġ li r-restrizzjonijiet ta' vvjaġġar jiġu applikati lill-persuni li għandhom jiġu nnominati mill-Kumitat stabbilit taħt il-paragrafu 19 tal-UNSCR 2140 (2014) (“il-Kumitat”) u li jiġu ffriżati l-fondi u l-assi tal-persuni nnominati mill-Kumitat.

(2)

Fis-7 ta' Novembru 2014, il-Kumitat innomina tliet individwi abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 17 tal-UNSCR 2140 (2014).

(3)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/932/PESK.

(4)

Fis-16 ta' Settembru 2015, il-Kumitat emenda l-informazzjoni għal persuna waħda.

(5)

Id-Deċiżjoni 2014/932/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/932/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 365, 19.12.2014, p. 147.


ANNESS

Fil-lista ta' persuni u entitajiet, li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/932/PESK, l-entrata Nru 5 taħt it-taqsima “Persuni” hija sostitwita bis-segwenti:

“5.

Ahmed Ali Abdullah Saleh (magħruf ukoll bħala: Ahmed Ali Abdullah Al-Ahmar)

Titlu: Ex ambaxxatur, ex Brigadier Ġeneral, Data tat-twelid: 25 ta' Lulju 1972, Nazzjonalità: Jemenita, Nru tal-passaport: a) Passaport Jemenit numru 17979 maħruġ taħt l-isem Ahmed Ali Abdullah Saleh (imsemmi fil-karta tal-identità diplomatika nru: 31/2013/20/003140 t'hawn taħt) b) Passaport Jemenit numru 02117777 maħruġ fit-8.11.2005 taħt l-isem Ahmed Ali Abdullah Al-Ahmar c) Passaport Jemenit numru 06070777 maħruġ fit-3.12.2014 taħt l-isem Ahmed Ali Abdullah Al-Ahmar, Indirizz: l-Emirati Għarab Magħquda, Informazzjoni oħra: Kellu rwol importanti fil-faċilitazzjoni tal-espansjoni militari tal-Houthi. Involva ruħu f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Jemen. Ahmed Saleh huwa iben l-ex President tar-Repubblika tal-Jemen, Ali Abdullah Saleh. Ahmed Ali Abdullah Saleh ġej minn żona magħrufa bħala Bayt Al-Ahmar, li tinsab madwar 20 km Xlokk tal-belt kapitali, Sana'a. Karta tal-identità diplomatika nru: 31/2013/20/003140, maħruġa fis-7.7.2013 mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda taħt l-isem Ahmed Ali Abdullah Saleh; stat attwali: ikkanċellat. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 14.4.2015.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Ahmed Ali Saleh ilu jaħdem biex jimmina l-awtorità tal-President Hadi, ixekkel it-tentattivi ta' Hadi li jirriforma l-militar, u jtellef it-transizzjoni paċifika tal-Jemen għad-demokrazija. Saleh qeda rwol importanti fil-faċilitazzjoni tal-espansjoni militari tal-Houthi. Sa minn nofs Frar 2013, Ahmed Ali Saleh kien ta eluf ta' azzarini ġodda lill-brigati tal-Gwardja Repubblikana u shaykhs tribali mhux identifikati. L-armi oriġinarjament ġew akkwistati fl-2010 u miżmuma biex tinxtara l-lealtà ta' min jirċevihom għal gwadann politiku aktar 'il quddiem.

Wara li missier Saleh, l-ex President tar-Repubblika tal-Jemen Ali Abdullah Saleh, irreżenja minn President tal-Jemen fl-2011, Ahmed Ali Saleh żamm postu bħala kmandant tal-Gwardja Repubblikana tal-Jemen. Ftit aktar minn sena wara, Saleh kien tkeċċa mill-President Hadi iżda żamm influwenza sinifikanti fil-militar tal-Jemen, anke wara li tneħħa mill-kmand. Ali Abdullah Saleh ġie ddeżinjat min-NU skont il-UNSCR 2140 f'Novembru 2014.”.