22.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1900

tal-5 ta' Ottubru 2015

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, rigward Deċiżjoni tal-Kunsill Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 115 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jistabbilixxi Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

(2)

L-Artikolu 116 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

(3)

L-Artikolu 118 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jkun megħjun minn Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (“il-Kumitat”).

(4)

L-Artikolu 118 tal-Ftehim jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, fir-regoli ta' proċedura tiegħu, jiddetermina d-doveri tal-Kumitat u li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega xi poteri minn tiegħu lill-Kumitatzzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

(5)

L-Artikolu 120 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi xi kumitati jew korpi speċjali oħra li jistgħu jassistuh fit-twettiq tad-dmirijietu. Dan jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, fir-regoli ta' proċedura tiegħu, jiddetermina l-konfigurazzjoni u d-dmirijiet ta' tali kumitati u korpi, u kif jiffunzjonaw,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Artikolu 115 tal-Ftehim rigward Deċiżjoni ta' dan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni li jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Emendi minuri għal dan l-abbozz ta' Deċiżjoni jistgħu jintlaqgħu mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

ta' [data]

li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikoli 115, 116, 118 u 120 tiegħu,

Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2015,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Presidenza

Il-Partijiet għandhom iżommu l-Presidenza tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u ta' Stabbilizzazzjoni, b'mod alternat, għal perijodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perijodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' darba fis-sena f'livell ministerjali. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jistgħu jsiru bit-talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jsirx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandha ssir fil-post fejn is-soltu jsiru l-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentanza

Il-membri tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b'dan il-mod, jeħtieġ li huwa jinnotifika lill-President dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha se jiġi rrappreżentat b'dan il-mod. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti. Rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bħala osservatur, meta fl-aġenda jidhru ħwejjeġ li jirrigwardaw lill-Bank. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Missjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-Unjoni Ewropea għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tiġi mgħoddija lill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tkun imqassma lil membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni. Il-korrispondenza li titqassam għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u lill-Missjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-Unjoni Ewropea.

Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu għal kull laqgħa, ifassal aġenda proviżorja. Din għandha tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

L-abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa għandu jitħejja miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta' kull punt fl-aġenda:

id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni,

id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti għandhom jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Meta approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jservi ta' depożitarju tad-dokumenti tal-Assoċjazzjoni. Kopja ċċertifikata għandha tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, skont l-Artikolu 117 tal-Ftehim, għandhom rispettivament, jingħataw it-titoli “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti b'numru ta' serje, bid-data ta' meta ġew adottati u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Lingwi

Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'dawn il-lingwi.

Artikolu 12

Spejjeż

L-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina, għandhom kull wieħed minnhom iħallas l-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta' posta u ta' telekomunikazzjoni. In-nefqa li għandha x'taqsam mas-servizzi ta' interpretar fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti kif ukoll infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

1.   B'dan ġie stabbilit Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni (“il-Kumitat”) sabiex jgħin lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fil-qadi ta' dmirijietu. Huwa għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, min-naħa waħda, u rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta' impjegati tas-servizz pubbliku f'kariga għolja.

2.   Il-Kumitat għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fejn meħtieġ u, inġenerali, jiżgura l-kontinwità fir-relazzjoni ta' assoċjazzjoni kif ukoll it-tħaddim xieraq tal-Ftehim. Huwa għandu jqis kull kwistjoni li tiġi referuta lilu mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni kif ukoll kull kwistjoni li tista' tinqala' fl-andament tat-twettiq ta' kuljum tal-Ftehim. Huwa għandu jippreżenta proposti jew kull abbozz ta' deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

3.   F'każijiet fejn il-Ftehim jirriferi għal obbligu li jikkonsulta jew il-possibilità ta' konsultazzjoni, din it-tip ta' konsultazzjoni tista' ssir fil-Kumitat. Il-konsultazzjoni tista' tissokta fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat huma annessi ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi

Għall-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

Il-President

ANNESS għad-DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUNSILL TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

ta' [data]

Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

Artikolu 1

Presidenza

Il-Partijiet għandhom ikollhom il-Presidenza tal-Kumitat, b'mod alternat, għal perijodu ta' 12-il xahar. L-ewwel perijodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat għandu jiltaqa' skont kif jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa tal-Kumitat għandha ssir fi żmien u f'post miftiehma miż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom jissejħu mill-President.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President għandu jkun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' uffiċjal tal-Bożnija-Ħerzegovina, għandhom iservu flimkien bħala Segretarji tal-Kumitat. Il-komunikazzjonijiet kollha lil, u mingħand, il-President tal-Kumitat, previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu mgħoddija lis-Segretarji tal-Kumitat, kif ukoll lis-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat m'għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kumitat lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn 30 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 35 jum tax-xogħol qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma għandu jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta' sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. Il-Kumitat jista' jistieden esperti li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat fil-bidu ta' kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista', bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għal kull laqgħa għandhom jittieħdu l-minuti, u dawn għandhom ikunu msejsa fuq is-sommarju tal-konklużjonijiet mill-President, li l-Kumitat ikun wasal għalihom. Meta jiġu approvati mill-Kumitat, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji, u jiġu ffajljati miż-żewġ Partijiet. Kopja tal-minuti għandha tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 118 tal-Ftehim sabiex jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti għandhom ikunu intitolati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti b'numru ta' serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet għandhom isiru bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kumitat jista' jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji, u għandhom jiġu mgħoddija lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta' dan l-Anness. Kull Parti tista' tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

L-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina, għandhom kull wieħed minnhom iħallas għall-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta' posta u ta' telekomunikazzjoni. In-nefqa li għandha x'taqsam mas-servizzi ta' interpretar fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti kif ukoll infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 10

Sottokumitati u gruppi speċjali

Il-Kumitat jista' jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi speċjali sabiex jaħdmu taħt l-awtorità tiegħu.Huma għandhom jippreżentaw lill-Kumitat rapport WARA kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jtemm kwalukwe sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel it-termini ta' referenza tagħhom jew jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta' dmirijietu. Dawk is-sottokumitati u gruppi ma għandu jkollhom l-ebda setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet.


ANNESS

għall-informazzjoni tal-kunsill biss

 

ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/2015 TAL-KUMITAT TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI UE — BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

ta' […] 2015

li toħloq sottokumitati u gruppi speċjali

IL-KUMITAT TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 119 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-regoli ta' proċedura tiegħu, u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Is-sottokumitati u l-gruppi speċjali elenkati fl-Anness I huma b'dan maħluqa. It-termini ta' referenza tagħhom huma stipulati fl-Anness II.

Magħmul fi …, fil-jum/xahar 2015.

Għall-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

Il-President

ANNESS I

FTEHIM TA' STABBILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI UE — BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

L-Istruttura tas-Sottokumitati Multidixxiplinari

Titlu

Kwistjonijiet

Artikolu tal-Ftehim

1.

Kummerċ, Industrija, Dwana u Tassazzjoni

Moviment Liberu tal-Merkanzija

Art. 18

Prodotti Industrijali

Art. 19-23

Kwistjonijiet kummerċjali

Art. 32-46

Standardizzazzjoni, metroloġija, akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni, analiżi tal-konformità u sorveljanza tas-suq

Art. 75

Kooperazzjoni industrijali

Art. 92

SMEs

Art. 93

Turiżmu

Art. 94

Dwana

Art. 97

Tassazzjoni

Art. 98

Regoli tal-oriġini

Protokoll 2

Assistenza amministrattiva fi kwistjonijiet doganali

Protokoll 5

2.

Agrikoltura u s-Sajd

Prodotti agrikoli sensu lato

Art. 24, 26(1), 26(2), 29, 30 u 33

Prodotti agrikoli sensu stricto

Art. 27(1)(2) u 27(4)

Prodotti tas-Sajd

Art. 26 u 28

Prodotti agrikoli pproċessati

Art. 25, il-Protokoll 1

Inbid

Art. 27(5) u l-Protokoll 7

Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u prodotti tas-sajd, u għall-prodotti tal-ikel li mhumiex inbid u spirti

Art. 31

Settur agrikolu u agroindustrijali, materji veterinarji u fitosanitarji

Art. 95

Kooperazzjoni fis-sajd

Art. 96

Sigurtà tal-ikel

Art. 95

3.

Suq Intern u l-Kompetizzjoni

Dritt ta' stabbiliment

Art. 50-56

Provvista ta' servizzi

Art. 57-59

Mistoqsijiet oħrajn relatati mat-Titolu V tal-Ftehim

Art. 63-69

Approssimazzjoni tal-leġislazzjoni u l-infurzar tal-liġi

Art. 70

Kompetizzjoni

Art. 71-72, Protokoll 4

Proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali

Art. 73

Akkwist pubbliku

Art. 74

Servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji oħra

Art. 89

Protezzjoni tal-konsumaturi

Art. 76

Saħħa pubblika

 

4.

Kwistjonijiet u statistiċi ekonomiċi u finanzjarji

Ċaqliq ta' kapital u pagamenti

Art. 60-62

Politika Ekonomika

Art. 87

Kooperazzjoni statistika

Art. 88

Promozzjoni u protezzjoni tal-investiment

Art. 91

Kooperazzjoni finanzjarja

Art. 112-114

5.

Ġustizzja, libertà u sigurtà

Ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

Art. 78

Kooperazzjoni tal-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja

Art. 78

Stat tad-Dritt

Art. 78

Protezzjoni tad-data

Art. 79

Viżi, kontroll tal-fruntieri, ażil u migrazzjoni

Art. 80

Immigrazzjoni illegali u riammissjoni

Art. 81

Ħasil tal-flus

Art. 82

Drogi

Art. 83

Ġlieda kontra t-terroriżmu

Art. 85

Kriminalità u attivitajiet illegali oħrajn

Art. 84

6.

Innovazzjoni, soċjetà tal-informazzjoni u politika soċjali

Moviment tal-ħaddiema

Art. 47-49

Kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet indaqs

Art. 77

Kooperazzjoni soċjali

Art. 99

Edukazzjoni u taħriġ

Art. 100

Kooperazzjoni kulturali

Art. 101

Informatika u komunikazzjoni

Art. 105

Kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv

Art. 102

Networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika

Art. 104

Soċjetà tal-informazzjoni

Art. 103

Żvilupp ta' riċerka u teknoloġija

Art. 109

7.

Trasport, ambjent, enerġija, u żvilupp reġjunali (1)

Trasport

Art. 53, 59, 106 u l-Protokoll 3

Enerġija

Art. 107

Sikurezza nukleari

Art. 107

Ambjent

Art. 108

Tibdil fil-klima

Art. 108

Protezzjoni ċivili

Art. 108

Żvilupp reġjonali u lokali

Art. 110

L-istruttura tal-gruppi speċjali

Titolu

Kwistjonijiet

Artikolu tal-Ftehim

Grupp speċjali għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

Titolu VI L-approssimazzjoni legali u l-infurzar tal-liġi, l-Art. 70 u Titolu VII, Ġustizzja u Affarijiet Interni, Art. 78, Art. 111


(1)  Sabiex jiġi implimentat il-Protokoll 3 għall-Ftehim, dan is-sottokumitat għandu jaġixxi bħala s-sottokumitat speċjali msemmi fl-Artikolu 21 ta' dan il-Protokoll.

ANNESS II

IT-TERMINI TA' REFERENZA TAS-SOTTOKUMITATI U TAL-GRUPPI SPEĊJALI UE — BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

Il-Konfigurazzjoni u l-President

Is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (RAP) għandhom ikunu magħmulin minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina. Huma għandhom ikunu ippreseduti, darba kull wieħed, miż-żewġ partijiet. L-Istati Membri ser jiġu infurmati u mistiedna għal-laqgħat tas-sottokumitati u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom iservu flimkien bħala segretarji ta' kull sottokumitat u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Il-komunikazzjonijiet kollha dwar is-sottokumitati għandhom ikunu mgħoddija lis-segretarji tas-sottokumitat rilevanti u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Laqgħat

Is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-RAP għandhom jiltaqgħu kull meta jkun hemm bżonn, bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Kull laqgħa ta' sottokumitat jew tal-grupp speċjali għar-RAP għandha ssir f'ħin u post li jaqblu dwarhom iż-żewġ partijiet.

Jekk iż-żewġ Partijiet jiftiehmu, is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-RAP jistgħu jistiednu esperti fil-laqgħat tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni speċifika mitluba.

Aġenda u dokumenti ta' sostenn

Il-President u s-Segretarji għandhom ifasslu aġenda proviżorja għal kull laqgħa mhux aktar tard minn 30 jum tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa.

L-aġenda proviżorja għandha tinkludi punti li dwarhom is-segretarji jkunu rċevew talba biex jiġu inklużi fl-aġenda mhux aktar tard minn 35 ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa.

Wara l-ftehim ta' aġenda proviżorja għal kull laqgħa u mhux aktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-laqgħa s-segretarju -mill-Bożnija-Ħerzegovina għandu jibgħat lis-segretarju mill-Kummissjoni Ewropea id-dokumentazzjoni meħtieġa bil-miktub wara l-entrati miftehma fl-aġenda proviżorja.

Jekk l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3 ma tiġix irrispettata, il-laqgħa għandha tiġi kkanċellata awtomatikament mingħajr avviż ulterjuri.

Suġġetti

Is-sottokumitati għandhom jiddiskutu kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-oqsma tal-Ftehim mniżżla fl-istruttura tas-sottokumitat multidixxiplinarju. Il-progress dwar l-approssimazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni għandhom jiġu analizzati taħt il-materji kollha. Is-sottokumitati għandhom jeżaminaw kull problema li tista' titfaċċa fl-oqsma relevanti tagħhom u jissuġġerixxu l-passi possibbli li għandhom jittieħdu.

Is-sottokumitati għandhom iservu wkoll bħala postijiet fejn jiġi ċċarat aktar l-acquis, u għandhom jistħarrġu l-progress li jkun sar mill-Bożnija-Ħerzegovina biex tikkonforma mal-acquis skont l-impenji li ħadet fl-Ftehim.

Il-grupp speċjali għar-RAP għandu jiddiskuti kwistjonijiet relatati mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jissuġġerixxi l-passi li jistgħu jittieħdu.

Minuti

Għal kull laqgħa għandhom jittieħdu l-minuti, u wara għandu jkun hemm qbil dwarhom. Kopja tal-minuti għandha tiġi mgħoddija mis-segretarju tas-sottokumitat jew tal-grupp speċjali għar-RAP lis-Segretarju tal-Kumitat.

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-gruppi speċjali għar-RAP ma għandhomx ikunu pubbliċi.