21.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/60


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1889

tat-8 ta' Ottubru 2015

dwar ix-xoljiment tal-fond tal-pensjoni tal-Europol

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 1998 li jistabbilixxi r-regolamenti tal-persunal applikabbli għall-impjegati tal-Europol (1) (ir-“Regolamenti tal-Persunal tal-Europol”), u b'mod partikolari l-Artikolu 37(3) tal-Appendiċi 6 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 1999 li jadotta r-regoli dwar il-fond tal-pensjoni tal-Europol, u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Bord ta' Tmexxija tal-Europol wara li semal-bord ta' amministrazzjoni tal-fond tal-pensjoni tal-Europol (il-“fond”),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija Europol (2) (id-“Deċiżjoni tal-Europol”) ħadet post, mid-data tal-applikazzjoni tagħha, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2010, l-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 li jistabbilixxi l-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-istabbiliment ta' Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (il-“Konvenzjoni tal-Europol”) (3).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Europol tipprevedi li l-miżuri kollha li jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Europol għandhom jiġu mħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2010, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fid-Deċiżjoni tal-Europol.

(3)

L-Artikolu 57(5) tad-Deċiżjoni tal-Europol tipprevedi wkoll li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol u strumenti rilevanti oħra għandhom ikomplu japplikaw għall-membri tal-persunal li mhumiex reklutati skont ir-Regolamenti tal-Persunal ta' Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (4) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Europol tipprevedi wkoll li r-Regolamenti tal-Persunal għandhom japplikaw għad-Direttur, il-Viċi Diretturi u għall-persunal tal-Europol ingaġġati wara l-1 ta' Jannar 2010.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Europol tipprevedi wkoll li l-kuntratti kollha ta' impjieg konklużi mill-Europol, kif stabbiliti mill-Konvenzjoni tal-Europol u fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010 għandhom jiġu onorati sad-data tal-iskadenza tagħhom u ma jistgħux jiġġeddu abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol wara d-data tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Europol.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Europol tipprevedi wkoll li l-membri tal-persunal ingaġġati bis-saħħa ta' kuntratt fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010 għandhom jiġu offruti l-possibbiltà li jikkonkludu kuntratti ta' aġent temporanju jew ta' aġent kuntrattwali skont il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Unjoni Ewropea. Maġġoranza kbira tal-membri tal-persunal għamlu użu minn din il-possibbiltà.

(7)

Konsegwentement, l-għadd ta' membri tal-persunal li għadhom impjegati taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, u li għalhekk il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-fond tal-pensjoni tal-Europol skont l-Artikolu 37(1) tal-Appendiċi 6 għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, naqsu b'mod konsistenti minn Jannar 2010 'l hawn. Il-kontribuzzjonijiet waqfu definittivament meta l-aħħar kuntratt ta' impjieg li għalih japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol skada fil-31 ta' Diċembru 2014.

(8)

S'issa, il-fond diġà ħallas maġġoranza kbira ta' benefiċċji tal-pensjoni u għotjiet għat-tmiem tal-impjieg mogħtija lill-parteċipanti tiegħu fuq il-bażi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol. L-obbligi tiegħu li fadal marbuta mal-pensjoni huma esklussivament limitati għall-pagament ta' kull xahar ta' benefiċċji lil popolazzjoni limitata ħafna u dejjem iżgħar ta' pensjonanti u persuni li qabel kienu membri tal-persunal, jew għall-ħlas lilhom ta' għotja għat-tmiem tal-impjieg.

(9)

L-obbligi tal-fond għandhom jintemmu qabel ma kien previst meta nħoloq il-fond, u jistgħu jiġu ddeterminati bl-użu ta' metodi attwarjali.

(10)

L-assi li huma disponibbli bħalissa fil-fond jaqbżu l-kapital meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligi tiegħu.

(11)

Il-fond tal-pensjoni tal-Europol ġie stabbilit, skont l-Artikolu 37(1) tal-Appendiċi 6 għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, bil-għan ewlieni li jamministra l-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mill-Europol u l-parteċipanti tal-fond u li jipprovdi l-benefiċċji tal-pensjoni jew l-għotjiet għat-tmiem tal-impjieg mogħtija lill-parteċipanti tal-fond abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol. Il-fond wettaq l-għan tiegħu bħala fond ta' pensjoni proviżorju indipendenti.

(12)

Fid-dawl tal- attività mnaqqsa tal-fond u tal-istat finanzjarju attwali tiegħu, l-arranġamenti amministrattivi fis-seħħ għall-fond għandhom jiġu ssimplifikati billi tiġi adattata l-manjiera li biha benefiċċji li ġejjin mill-iskema tal-pensjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol jiġu ffinanzjati u mħallsa.

(13)

Għaldaqstant, il-fond għandu jiġi xolt u l-attività residwa tiegħu għandha tiġi fdata lill-Europol, li għandu jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ħlas ta' benefiċċji fl-iskema tal-pensjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol.

(14)

L-assi tal-fond għandhom jiġu trasferiti lill-Europol sa fejn dawn huma meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-obbligi trasferiti lilu. Il-fondi trasferiti mill-fond għall-Europol għall-fini tal-eżekuzzjoni tal-ħlas ta' benefiċċji fl-iskema tal-pensjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol għandhom jiġu riżervati għal dak l-għan.

(15)

Huwa f'idejn il-Kunsill li jagħmel dispożizzjonijiet dwar il-likwidazzjoni ta' kwalunkwe assi li jifdal fil-fond, li għandhom jintużaw għall-fini l-aktar konformi mal-iskop tal-fond.

(16)

L-għan ġenerali tal-fond kien li jipprovdi lill-impjegati tal-Europol u l-benefiċjarji tagħhom sors regolari ta' dħul malli jirtiraw, filwaqt li jillimita l-kost tal-pensjonijiet tal-membri tal-persunal għall-baġits tal-Istati Membri. Għalhekk, it-tqassim mill-ġdid ta' kwalunkwe assi li jibqa' fil-fond fost il-kontributuri oriġinali tiegħu huwa l-aktar konformi mal-għan tal-fond.

(17)

Il-Bord ta' Tmexxija tal-Europol, wara li kkonsulta l-bord ta' amministrazzjoni tal-fond tal-pensjoni tal-Europol, b'mod unanimu qabel li jipproponi lill-Kunsill ix-xoljiment tal-fond u t-tqassim mill-ġdid tar-riżerva ġenerali lil kull kontributur pro rata għall-kontribuzzjonijiet tagħhom, skont l-Artikolu 13 tar-regoli dwar il-fond tal-pensjoni tal-Europol,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Xoljiment tal-fond tal-pensjoni tal-Europol u t-trasferiment ta' attività

Il-fond ta' pensjoni indipendenti stabbilit mill-Att tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 1999 li jadotta regoli dwar il-fond tal-pensjoni tal-Europol, skont l-Artikolu 37 tal-Appendiċi 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, huwa b'dan xolt.

L-attività residwa tal-fond għandha tiġi awtomatikament trasferita lill-Europol fl-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 2

Suċċessjoni legali

Il-Europol għandha titqies bħala s-suċċessur legali tal-fond fir-rigward tal-kuntratti kollha konklużi mill-fond, l-obbligi imposti fuqu u l-proprjetà akkwistata minnu, u ta' pretensjonijiet tal-fond fir-rigward ta' partijiet terzi.

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-forza legali ta' ftehimiet konklużi mill-fond.

Artikolu 3

Azzjonijiet ta' tħejjija għat-trasferiment

Qabel id-data ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, l-assi li huma investiti mill-fond għandhom jiġu likwidati u ddepożitati f'kont bankarju f'isem il-fond.

Wara li jikkonsulta ma' attwarju indipendenti kkwalifikat, il-bord ta' amministrazzjoni tal-fond għandu jipprepara rapport li juri s-sitwazzjoni finali tal-attivi u l-passivi tal-fond (ir-“rapport finali”). Ir-rapport finali għandu jinkludi evalwazzjoni attwarjali dettaljata tal-obbligi tal-pensjoni trasferiti lill-Europol fuq il-bażi tal-parametri li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, tan-natura tal-obbligi tal-pensjoni li jifdal, kif ukoll tal-ipoteżi attwarjali elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Ir-rapport finali għandu jistabbilixxi l-ammont ta' provvedimenti finanzjarji meħtieġa biex jiġu ssodisfati dawk l-obbligi, filwaqt li jitqies kif meħtieġ il-marġini ta' żball li jirriżulta mid-daqs tal-popolazzjoni kkonċernata.

Ir-rapport finali għandu jintbagħat lill-Bord ta' Tmexxija tal-Europol u għandu jiġi awditjat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, skont l-Artikoli 43 u 58(2)(a) tad-Deċiżjoni tal-Europol.

Artikolu 4

Allokazzjoni tal-assi tal-fond

1.   Porzjon mill-assi tal-fond li jikkorrispondi għall-ammont neċessarju biex jiġu koperti l-obbligi tal-pensjoni ttrasferiti lill-Europol, kif approvat mill-Bord ta' Tmexxija tal-Europol fuq il-bażi tar-rapport finali, għandu jiġi ttrasferit lill-Europol. Dawk l-assi għandhom jiġu riżervati għall-iskop speċifiku li jitħallsu benefiċċji tal-pensjoni skont l-Artikolu 5.

2.   Wara li l-obbligi tal-pensjoni jkunu ġew issodisfati, il-bqija tal-porzjon tal-assi definit fil-paragrafu 1 għandha ssir dħul ieħor għall-baġit tal-Europol.

3.   Id-differenza bejn it-total tal-assi tal-fond u l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi allokata kif ġej:

(a)

żewġ terzi tad-differenza għandha titħallas lura lill-Europol. Il-Europol għandu jiddetermina liema parti ta' dak l-ammont għandu jitqies bħala:

(i)

bqija tas-surpluses tal-baġits, approvati abbażi tal-Artikolu 35(5) tal-Konvenzjoni tal-Europol, li għandu jitħallas lura lill-Istati Membri skont il-prinċipji li fuqhom ġie bbażat l-Artikolu 58(5) tad-Deċiżjoni tal-Europol,

(ii)

bqija tas-sussidji mħallsa lill-Europol mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 42 tad-Deċiżjoni tal-Europol.

(b)

terz tad-differenza għandha tiġi trasferita lill-Europol u għandha tiġi riżervata għall-iskop speċifiku li jitqassmu lill-parteċipanti attivi preċedenti tal-fond jew, fejn il-parteċipanti jkunu mietu, il-werrieta legali tagħhom, proporzjonatament mal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet li huma rispettivament ħallsu lill-fond matul il-perjodu li fih kienu impjegati skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol.

Fejn ma kinux impjegati mal-Europol, benefiċjarji potenzjali ta' pagament taħt dan il-punt għandhom jikkomunikaw lill-Europol id-dettalji ta' kuntatt tagħhom, prova tal-identità u prova tal-kwalità tagħhom ta' werrieta jekk applikabbli, fi żmien sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Europol ma għandu jkollu l-ebda obbligu li jirriċerka b'mod attiv dawk il-parteċipanti attivi preċedenti tal-fond li d-dettalji ta' kuntatt tagħhom ikkomunikati lill-Europol ma għadhomx validi, u lanqas ma għandu obbligu li jirriċerka b'mod attiv il-werrieta ta' parteċipanti attivi preċedenti li jkunu mietu.

L-ispejjeż imġarrba mill-Europol għall-fini tad-distribuzzjoni għandhom jitħallsu mill-ammont definit fil-paragrafu 1.

Il-bqija ta' dan il-porzjon tal-assi wara li jkun sar il-ħlas lill-benefiċjarji identifikati għandu jsir dħul ieħor għall-baġit tal-Europol.

Artikolu 5

Ħlas ta' benefiċċji ta' pensjoni mogħtija fuq il-bażi tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol

Benefiċċji derivati minn individwi mill-iskema ta' sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol għandhom ikunu akkarigu tal-baġit tal-Europol u għandhom jitħallsu mill-Europol mid-dħul riżervat imsemmi fl-Artikolu 4(1).

Kull nefqa anċillari konnessa mal-ħlas tal-benefiċċji msemmija hawn fuq għandha tiġġarrab mill-Europol u għandha titħallas mill-istess dħul riżervat.

Ħlief għall-obbligi koperti mill-iskemi ta' riassigurazzjoni tal-Europol, il-Europol għandu jkopri kull nuqqas fejn id-dħul riżervati imsemmi fl-Artikolu 4(1) ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa l-obbligi tal-fond.

Artikolu 6

Bord ta' amministrazzjoni tal-fond tal-pensjoni tal-Europol

Il-membri tal-bord ta' amministrazzjoni tal-fond għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-bord ikun approva l-aħħar rapport annwali u r-rapport finali ikun ġie awditjat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Wara li l-funzjonijiet tal-membri tal-bord ta' amministrazzjoni tal-fond jintemmu, ir-responsabbiltà tagħhom għandha tibqa' limitata għal każijiet ta' negliġenza gravi u irregolarità serja fit-twettiq tal-kompiti tagħhom waqt li kienu fil-kariga.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016. Madanakollu, l-Artikolu 3 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  ĠU C 26, 30.1.1999, p. 23.

(2)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(3)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 1.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).


ANNESS

SUPPOŻIZZJONIJIET ATTWARJALI

Rata ta' skont reali

Skont il-linji gwida maħruġa minn De Nederlandsche Bank

Il-valur attwarjali tad-drittijiet ta' pensjonanti differiti u parteċipanti li m'għandhomx dritt għall-ħlas ta' pensjoni

Il-valur attwarjali tal-għażla (il-ħlas ta' pensjoni, it-trasferiment ta' drittijiet, il-ħlas ta' għotja għat-tmiem ta' impjieg) li għandha l-ogħla spiża għall-fond tal-pensjoni jew il-Europol

It-tabella tal-mortalità (persuni b'saħħithom)

It-tabelli stabbiliti mill-Att tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 (1), fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016

It-tabella tal-mortalità (persuni morda)

Tabelli għal nies b'saħħithom + tliet snin addizzjonali

Rata ta' mard

Proporzjon ta' benefiċjarji ta' pensjoni għal dawk morda fost in-numru totali ta' parteċipanti li jifdal

Ir-rata taż-żwieġ mat-tluq mis-servizz

Ibbażata fuq is-sitwazzjoni reali

Id-differenza fl-età bejn il-miżżewġin

Ibbażata fuq is-sitwazzjoni reali

Spejjeż amministrattivi futuri li għandhom jinżiedu mal-valur attwarjali tad-drittijiet

Għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-ispejjeż amministrattivi prevedibbli meħtieġa għall-ħlas ta' drittijiet li jifdal u t-tqassim mill-ġdid tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(3) ta' din id-Deċiżjoni.


(1)  Att tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi t-tabelli tal-mortalità msemmijin fl-Artikoli 6 u 35 tal-Appendiċi 6 tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-impjegati tal-Europol.