20.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/43


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1876

tat-8 ta' Ottubru 2015

li tissottoponi 5-(2-amminopropil)indol għal miżuri ta' kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskji dwar is-sustanza psikoattiva ġdida 5-(2-amminopropil)indol skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI ġie mfassal mill-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) matul sessjoni speċjali, u sussegwentement ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fis-16 ta' April 2013.

(2)

Is-sustanza 5-(2-amminopropil)indol hija derivattiv sintetiku tal-indol sostitwit fin-naħa tal-fenil fis-sistema taċ-ċrieki tal-indol. Jidher li hija sustanza stimulanti li jista' jkollha wkoll effetti alluċinoġeniċi. Il-5-(2-amminopropil)indol nstabet l-aktar f'forma ta' trab, iżda wkoll f'forma ta' pilloli u kapsuli. Hija kummerċjalment disponibbli fuq l-internet u minn “head shops”, kummerċjalizzat bħala “kimika għar-riċerka”. Ġiet individwata wkoll f'kampjuni ta' prodott mibjugħ bħala “stimulant legali” msejjaħ “Benzo Fury”, u f'pilloli li jixbhu l-ecstasy.

(3)

L-informazzjoni u d-data eżistenti jissuġġerixxu li t-tossiċità akuta tal-5-(2-amminopropil)indol tista' toħloq effetti negattivi fil-bniedem bħal pereżempju t-takikardja u l-ipertermija, u tista' wkoll tikkawża midrijasi, aġitazzjoni u tregħid. Il-5-(2-amminopropil)indol tista' tinteraġixxi ma' sustanzi oħra, inklużi prodotti mediċi u stimulanti li jaġixxu fuq is-sistema monoaminerġika. Huwa diffiċli li jiġu determinati l-effetti fiżiċi speċifiċi tal-5-(2-amminopropil)indol fil-bniedem għaliex ma hemmx studji ppublikati li jivvalutaw it-tossiċità akuta u kronika tagħha, l-effetti psikoloġiċi u fuq l-imġiba, jew il-potenzjal tad-dipendenza, u minħabba l-informazzjoni u data limitati disponibbli.

(4)

Minn April sa Awwissu 2012 kien hemm total ta' 24 każ ta' mewt irreġistrati f'erba' Stati Membri, li b'konnessjoni magħhom il-5-(2-amminopropil)indol weħidha, jew flimkien ma' sustanzi oħra, ġiet individwata f'kampjuni meħuda post mortem. Filwaqt li mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat b'ċertezza r-rwol tal-5-(2-amminopropil)indol fl-imwiet kollha, f'xi każijiet ġiet speċifikament indikata fil-kawża tal-mewt. Jekk din is-sustanza psikoattiva ġdida ssir aktar faċilment disponibbli u tintuża b'mod aktar komuni, l-implikazzjonijiet għas-saħħa tal-individwu u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti. Ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji soċjali tal-5-(2-amminopropil)indol.

(5)

Disa' pajjiżi Ewropej irrappurtaw lill-EMCDDA u lill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) li huma rrappurtaw l-individwazzjoni tal-5-(2-amminopropil)indol. Mhix disponibbli data dwar il-prevalenza tal-użu tal-5-(2-amminopropil)indol, iżda mill-informazzjoni limitata li teżisti jidher li tista' tiġi kkunsmata f'ambjenti simili bħalma jiġri għal stimulanti oħra, bħal fid-dar, fil-bars u n-nightclubs jew fil-festivals tal-mużika.

(6)

Ma hemm l-ebda informazzjoni li tissuġġerixxi li l-5-(2-amminopropil)indol hija manifatturata fl-Unjoni, u ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, it-tqassim jew il-provvista ta' din is-sustanza psikoattiva ġdida.

(7)

Is-sustanza 5-(2-amminopropil)indol ma għandha l-ebda valur jew użu mediku magħruf, stabbilit jew rikonoxxut, u ma hemm l-ebda awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq li tkopri din is-sustanza psikoattiva ġdida fl-Unjoni. Minbarra l-użu tagħha bħala standard ta' referenza analitiku u fir-riċerka xjentifika, ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed tintuża għal skopijiet oħra.

(8)

Is-sustanza 5-(2-amminopropil)indol ma kinitx, u attwalment lanqas ma qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, kif definit fid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI. Żewġ Stati Membri jikkontrollaw din is-sustanza psikoattiva ġdida taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom bis-saħħa tal-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971. Ħames pajjiżi Ewropej japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar sustanzi psikoattivi ġodda, oġġetti perikolużi jew mediċini biex jikkontrollaw il-5-(2-amminopropil)indol.

(9)

Ir-Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskji juri li hemm evidenza xjentifika limitata disponibbli rigward il-5-(2-amminopropil)indol u jindika li hemm bżonn aktar riċerka biex jiġu determinati r-riskji għas-saħħa u soċjali li ġġib magħha. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli jipprovdu raġuni suffiċjenti biex l-5-(2-amminopropil)indol tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li din iġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi każijiet rappurtati ta' mewt, tal-fatt li l-utenti jistgħu jikkunsmawha bla ma jafu, u tan-nuqqas ta' valur jew użu mediku, il-5-(2-amminopropil)indol għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(10)

Minħabba l-fatt li sitt Stati Membri diġà jikkontrollaw il-5-(2-amminopropil)indol permezz ta' tipi differenti ta' dispożizzjonijiet leġislattivi, il-fatt li din is-sustanza tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jgħin biex jevita li jfiġġu ostakli fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u biex jipproteġi lill-utenti kontra r-riskji li l-konsum tagħha tista' ġġib magħha.

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni għal meta jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda li jkunu ġew individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi ġew issodisfati l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex il-5-(2-amminopropil)indol titqiegħed taħt kontroll fl-Unjoni kollha.

(12)

Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/496/UE (2) li ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) fis-sentenza tagħha tas-16 ta' April 2015 fil-Kawża C-679/13 (3). F'dik is-sentenza, il-Qorti żammet l-effetti tad-Deċiżjoni 2013/496/UE sad-dħul fis-seħħ ta' atti ġodda maħsubin biex jeħdulha postha. Għaldaqstant, mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-Deċiżjoni 2013/496/UE tieqaf tipproduċi effetti.

(13)

Sabiex tiżgura l-kontinwità ta' miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-5-(2-amminopropil)indol, din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta' żmien li fih dik is-sustanza psikoattiva ġdida għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/496/UE.

(14)

Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(15)

L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(16)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanza psikoattiva ġdida 5-(2-amminopropil)indol għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2013/496/UE tieqaf tipproduċi effetti mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta' żmien li fih l-5-(2-amminopropil)indol għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/496/UE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)   ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/496/UE tas-7 ta' Ottubru 2013 dwar l-issuġġettar ta' 5-(2-amminopropil)indol għal miżuri ta' kontroll (ĠU L 272, 12.10.2013, p. 44).

(3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015, il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea. C-679/13, ECLI:EU:C:2015:223.