15.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1848

tal-5 ta' Ottubru 2015

dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Billi:

(1)

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u adattabbli u swieq tax-xogħol li jwieġbu għat-tibdil ekonomiku bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' livell massimu ta' impjiegi u l-progress soċjali stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Wara li jqisu l-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-maniġment u tal-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fi ħdan il-Kunsill.

(2)

L-Unjoni għandha tindirizza l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont ta' rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ.

(3)

Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri huma konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (4). Flimkien dawn jifformaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-Istateġija Ewropa 2020 (“linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020”) u għandhom jiġu adottati mill-Kunsill biex ikunu ta' gwida għall-politiki tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

(4)

F'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni ta' politika għall-politiki fiskali, makroekonomiċi u strutturali. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien l-istrumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza multilaterali integrata ta' politiki ekonomiċi, baġitarji, dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali u għandu l-għan li jikseb il-miri tal-Ewropa 2020, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE (5). Is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tas-Semestru Ewropew, kif stabbilit fl-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, mistennija jkomplu jtejbu l-funzjonament tiegħu.

(5)

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika żvelat u enfasizzat dgħufijiet importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u fl-ekonomiji tal-Istati Membri tagħha. Hija enfasizzat ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. L-isfida ewlenija li qed niffaċċjaw illum hija li niżguraw li l-Unjoni timxi lejn stat ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u ħolqien ta' impjiegi. Dan jirrekjedi politika koordinata u ambizzjuża kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f'konformità mat-TFUE u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, dik l-azzjoni ta' politika għandha tagħti spinta lill-investiment, iġġedded l-impenn għal riformi strutturali u t-twettiq ta' responsabbiltà fiskali, filwaqt li tieħu kont tal-impatt tal-miżuri fuq l-impjiegi u fuq is-soċjetà. F'dan ir-rigward, it-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali fi ħdan ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2015 mill-Kunsill u l-Kummissjoni hija għodda partikolarment utli li tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni f'waqtha ta' problemi u diverġenzi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali u tidentifika oqsma fejn rispons ta' politika huwa l-aktar meħtieġ.

(6)

Riformi fis-suq tax-xogħol, fosthom il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, għandhom isegwu prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali u jippermettu l-ispazju tal-politika meħtieġ biex jiġu kkunsidrati b'mod ġenerali l-kwistjonijiet soċjoekonomiċi.

(7)

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi u jimmiraw li jibnu soċjetà koeżiva fejn iċ-ċittadini jkunu kapaċi jantiċipaw u jadattaw għat-tibdil, u jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Għandhom jiġu żgurati aċċess u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom jitnaqqsu, b'mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u jitneħħew l-ostakoli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku jitqassmu fost iċ-ċittadini kollha u r-reġjuni kollha.

(8)

Azzjoni konformi mal-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020 hija kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (“strateġija Ewropa 2020”). L-istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun sostnuta b'sett integrat ta' politiki Ewropej u nazzjonali li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw sabiex jinkisbu l-effetti kollaterali pożittivi ta' riformi strutturali koordinati, taħlita ġenerali adegwata tal-politiki ekonomiċi u kontribut aktar konsistenti mill-politiki Ewropej għall-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020.

(9)

Filwaqt li dawn il-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020 huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, huma għandhom jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, filwaqt li l-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jkunu involuti mill-qrib.

(10)

Il-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020 jiggwidaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi, filwaqt li jittieħed kont tal-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Dawk il-linji gwida integrati huma konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u ma' leġislazzjoni Ewropea eżistenti. Dawk il-linji gwida integrati għandhom isawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri.

(11)

Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jissorveljaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida dwar l-impjiegi, f'konformità mal-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawn il-kumitati u stanzi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stipulati fl-Anness, huma b'dan adottati. Dawn il-linji gwida għandhom jifformaw parti mil-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-linji gwida stipulati fl-Anness fil-politiki dwar l-impjiegi u l-programmi ta' riforma tagħhom, u għandu jsir rapport dwar dan f'konformità mal-Artikolu 148(3) TFUE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  Opinjoni tat-8 ta' Lulju 2015 (Għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-27 ta' Mejju 2015 (Għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tal-4 ta' Ġunju 2015 (Għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).


ANNESS

LINJI GWIDA GĦAL-LINJI POLITIĊI DWAR L-IMPJIEGI TAL-ISTATI MEMBRI

PARTI II TAL-LINJI GWIDA INTEGRATI TAL-ISTRATEĠIJA EWROPA 2020

Linja gwida 5: Inżidu l-ħolqien tax-xogħol

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, inaqqsu l-ostakoli li n-negozji jiffaċċjaw biex jimpjegaw in-nies, jippromwovu l-intraprenditorija u, b'mod partikolari, jappoġġaw il-ħolqien u t-tkabbir tal-intrapriżi ż-żgħar. L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv l-ekonomija soċjali u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.

Il-piż tat-taxxa għandu jiġi ttrasferit minn fuq ix-xogħol għal sorsi oħra ta' tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u lit-tkabbir, filwaqt li jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u nfiq li jsaħħaħ it-tkabbir. It-tnaqqis tat-tassazzjoni tax-xogħol għandu jkollu l-għan li jnaqqas l-ostakoli u d-diżinċentivi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għall-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol.

L-Istati Membri, flimkien mas-sħab soċjali u f'konformità ma' prattiki nazzjonali, għandhom jinkoraġġixxu mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi li jippermettu li l-pagi jkunu jistgħu jwieġbu għall-iżviluppi fil-produttività. Għandu jittieħed kont tad-differenzi fil-ħiliet u tad-diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni, is-setturi u l-kumpaniji. Meta jiffissaw il-pagi minimi, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom iqisu l-impatt tagħhom fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, fuq il-ħolqien tal-impjiegi u fuq il-kompetittività.

Linja gwida 6: Insaħħu l-provvista tax-xogħol, il-ħiliet u l-kompetenzi

L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, għandhom jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi rilevanti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-investiment meħtieġ fis-sistemi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex itejbu l-effettività u l-effiċjenza tagħhom biex jgħollu l-livell tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-forza tax-xogħol, u b'hekk ikunu jistgħu jantiċipaw u jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet li qed jinbidlu b'mod rapidu tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali u fil-kuntest ta' tibdil teknoloġiku, ambjentali u demografiku. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess ta' kulħadd għal tagħlim ta' kwalità tul il-ħajja u jimplimentaw strateġiji għal tixjiħ attiv li jippermettu li l-ħajja tax-xogħol titwal.

Id-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jiġu indirizzati sabiex jiġu żgurati riżultati ta' tagħlim ta' kwalità, u biex jitnaqqas l-għadd ta' żgħażagħ li jitilqu l-iskola ta' età bikrija. L-Istati Membri għandhom iżidu l-kisbiet edukattivi, jinkoraġġixxu sistemi ta' tagħlim ibbażati fuq xogħol bħall-kombinazzjoni tat-tagħlim fl-iskejjel ma' dak fuq ix-xogħol, itejbu t-taħriġ professjonali u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' ħiliet u kompetenzi miksubin barra l-edukazzjoni formali.

Ir-rati għoljin tal-qgħad u l-inattività għandhom jiġu indirizzati. Il-qgħad fit-tul u strutturali għandu jitnaqqas b'mod sinifikanti u jiġi impedit permezz ta' strateġiji komprensivi u li jsaħħu lil xulxin u li jinkludu appoġġ attiv personalizzat għal min jerġa' lura għas-suq tax-xogħol. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għadd kbir ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs), għandhom jiġu indirizzati b'mod komprensiv permezz ta' titjib strutturali fit-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

L-ostakoli għall-impjieg għandhom jitnaqqsu, speċjalment għal gruppi żvantaġġati.

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għandha tiżdied u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata permezz ta' pagi ugwali. Ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja għandha tiġi promossa, b'mod partikolari l-aċċess għal edukazzjoni bikrija tat-tfal, servizzi ta' indukrar u kura fit-tul li jkunu ta' kwalità u bi prezz raġonevoli.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħra tal-Unjoni biex irawmu l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni, u jtejbu l-amministrazzjoni pubblika.

Linja gwida 7: Intejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prinċipji ta' flessibbiltá u ta' sigurtá (il-“prinċipji ta' flessigurtà”). Huma għandhom inaqqsu u jimpedixxu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol u jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet ilkoll għandhom jipprovdu ambjent adatt għar-reklutaġġ, filwaqt li joffru livelli adegwati ta' protezzjoni għal dawk kollha li għandhom impjieg u dawk li qed ifittxu impjieg. Għandhom jiġu żgurati impjiegi ta' kwalità mil-lat ta' sigurtà soċjoekonomika, organizzazzjoni tax-xogħol, opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, kondizzjonijiet tax-xogħol (inkluż is-saħħa u s-sikurezza) u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

F'konformità ma' prattiki nazzjonali, u sabiex itejbu l-funzjonament u effettività tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali u lis-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi u politiki rilevanti.

L-Istati Membri għandhom isaħħu l-politiki attivi fis-suq tax-xogħol billi jżidu l-effettività, l-għanijiet, l-ambitu, il-kopertura u l-interazzjoni tagħhom ma' miżuri passivi, akkumpanjati minn drittijiet u responsabbiltajiet biex dawk qiegħda jfittxu xogħol b'mod attiv. Dawn il-politiki għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-adattament għas-suq tax-xogħol u jappoġġaw transizzjonijiet sostenibbli.

L-Istati Membri għandhom jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aħjar u aktar effettivi biex il-qgħad jonqos u jiqsar billi jipprovdu servizzi individwalizzati lil dawk li jfittxu impjieg, billi tiġi appoġġata d-domanda tas-suq tax-xogħol u billi jiġu implimentati sistemi li jkejlu l-prestazzjoni. L-Istati Membri għandhom jattivaw b'mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jippermettulhom jagħmlu dan, filwaqt li jipproteġu lil dawk li ma jistgħux jipparteċipaw. L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi miftuħa għan-nisa u għall-irġiel kollha, billi jistabbilixxu miżuri effettivi kontra d-diskriminazzjoni, u jżidu l-impjegabbiltà billi jinvestu fil-kapital uman.

Il-mobbiltà tal-ħaddiema għandha tiġi promossa bl-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew. L-ostakoli għall-mobbiltà f'pensjonijiet okkupazzjonali u fir-rikonoxximent ta' kwalifiki għandhom jitneħħew. Fl-istess ħin l-Istati Membri għandhom jimpedixxu l-abbuż tar-regoli eżistenti u jagħrfu l-'eżodu potenzjali ta' mħuħ' minn ċerti reġjuni.

Linja gwida 8: Inrawmu l-inklużjoni soċjali, niġġieldu kontra l-faqar u nippromwovu opportunitajiet ugwali

L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni effettiva, effiċjenti u adegwata fl-istadji kollha tal-ħajja ta' individwu, filwaqt li jrawmu l-inklużjoni soċjali, jippromwovu opportunitajiet ugwali, inkluż għan-nisa u għall-irġiel, u jindirizzaw l-inugwaljanzi. L-issupplimentar ta' approċċi universali b'oħrajn selettivi għandu jtejjeb l-effettività, filwaqt li s-simplifikazzjoni għandha twassal għal aċċessibbiltà u kwalità aħjar. Għandha tingħata aktar attenzjoni lil strateġiji preventivi u integrati. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jinkoraġġixxu lin-nies biex jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. Huma meħtieġa servizzi ta' kwalità, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli bħall-indukrar tat-tfal, l-indukrar barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, id-djar, is-servizzi tas-saħħa, u ta' kura fit-tul. Għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari għal servizzi bażiċi u azzjonijiet għall-prevenzjoni ta' tluq bikri mill-iskola, għat-tnaqqis tal-faqar fost dawk li jaħdmu u għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Għal dak l-għan, għandhom jintużaw strumenti differenti b'mod komplementari, f'konformità mal-prinċipji ta' inklużjoni attiva, inkluż servizzi li jippermettu l-attivazzjoni tax-xogħol, servizzi aċċessibbli ta' kwalità u appoġġ għal introjtu adegwat, maħsuba skont ħtiġijiet individwali. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b'tali mod li dawk kollha intitolati għalihom isibuha faċli li jużawhom, b'tali mod li jkunu jappoġġaw il-protezzjoni u l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu fil-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali u joffru protezzjoni minnhom tul iċ-ċiklu ta' ħajja.

F'kuntest ta' żieda fil-lonġevità u t-tibdil demografiku, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet għan-nisa u l-irġiel. L-Istati Membri għandhom itejbu l-kwalità, l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà.