15.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/71


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1826

tal-15 ta' Ottubru 2014

dwar għajnuna mill-Istat SA.33797 — (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2011/CP) implimentat mis-Slovakkja għall-NCHZ

(notifikata bid-dokument numru C(2014) 7359)

(Il-verżjoni Slovakka biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikularment l-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u partikularment l-Artikolu 62(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni nediet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont il-proviżjoni msemmija hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Filwaqt:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' ittra elettronika tat-13 ta' Ottubru 2011 irċeviet ilment (2) li jallega li is-Slovakkja tat għajnuna illegali lil kumpanija jisimha Novácké chemické závody, a.s. v konkurze (“NCHZ”).

(2)

Il-Kummissjoni għaddiet l-ilment lis-Slovakkja fis-17 ta' Ottubru 2011 flimkien ma' talba għal informazzjoni. L-awtoritajiet Slovakki talbu verżjoni Slovakka tad-dokumenti, li ntbagħtet lilhom permezz ta' ittra elettronika fis-16 ta' Jannar 2012.

(3)

L-awtoritajiet Slovakki ssottomettew l-informazzjoni mitluba permezz ta' ittra datata s-17 ta' Frar 2012. Talbiet ulterjuri oħra għal informazzjoni ġew mibgħuta mill-Kummissjoni fit-22 ta' Marzu 2012 u fil-21 ta' Ġunju 2012. Is-Slovakkja rrispondiet fit-23 ta' April 2012 u fil-11 ta' Settembru 2012.

(4)

L-ilmentatur bagħat informazzjoni ulterjuri għall-ilment tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012. Fuq talba tal-ilmentatur, il-Kummissjoni u l-ilmentatur iltaqgħu fl-24 ta' Jannar 2013. Informazzjoni addizzjonali kienet sottomessa mill-ilmentatur permezz tal-ittri elettroniċi tat-8 u t-22 ta' Marzu 2013.

(5)

B'ittra data t-2 ta' Lulju 2013 il-Kummissjoni għarrfet lis-Slovakkja li ddeċidiet li tniedi l-proċedura stabbilita fl-Arikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-għajnuna.

(6)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi l-proċedura kienet ippubblikata f'Il-Ġurnal tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-allegata miżura ta' għajnuna.

(7)

Is-Slovakkja pprovdiet kummenti dwar id-deċiżjoni biex tinfetaħ proċedura fit-3 ta' Settembru 2013 u fit-2 u t-30 ta' Diċembru 2013. Fuq talba tal-awtoritajiet Slovakki, is-Slovakkja u l-Kummissjoni ltaqgħu fis-7 ta' Ottubru 2013 u s-17 ta' Frar 2014.

(8)

Il-Kummissjoni rċeviet żewġ kummenti minn partijiet interessati (it-tnejn li huma fit-12 ta' Novembru 2013). Bagħtithom lis-Slovakkja fit-2 ta' Diċembru 2014, flimkien ma' sett ta' mistoqsijiet addizzjonali. Is-Slovakkja ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti tagħha ġew riċevuta b'ittra datata l-14 ta' Jannar 2014.

(9)

Il-Kummissjoni staqsiet iktar mistoqsijiet lis-Slovakkja fit-2 ta' Mejju 2014, li għalihom is-Slovakkja wieġbet fl-14 u t-30 ta' Mejju 2014. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll talba addizzjonali għal kjarifikazzjoni permezz tal-posta elettronika lil waħda mill-partijiet terzi interessati fl-20 ta' Marzu 2014, li għaliha l-parti terza eventwalment wieġbet fis-6 ta' Mejju 2014.

2.   SFOND GĦAL U DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

2.1.   Benefiċjarju

(10)

NCHZ (li l-attivitajiet tagħha huma bħalissa segwiti mill-kumpanija Fortischem, a.s.) kienet produttur tal-kimiki bi tlett diviżjonijiet. L-attivitajiet prinċipali tal-kumpanija kienu l-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju u gassijiet tekniċi, il-produzzjoni tal-klorur tal-polivinil (PVC) u l-prodotti tal-iproċessar tiegħu u — f'ammonti dejjem jiżdiedu — kimiki bażiċi u speċjali b'tunnellaġġ baxx.

(11)

NCHZ operat impjant kimiku (imwaqqaf fl-1940) fir-reġjun Trenčín fil-punent tas-Slovakkja, li huwa reġjun eliġibbli għall-assistenza skont Artikolu 107(3)(a) TFUE. Il-kumpanija kienet propjetà privata (4).

2.2.   Proċedimenti ta' falliment ta' NCHZ

(12)

NCHZ fetħet proċediment ta' falliment fit-8 ta' Ottubru 2009, fejn iddikjarat li ma kinitx kapaċi ssostni l-operati tagħha minħabba multa ta' EUR 19.6 miljun imposta mill-Kummissjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell tal-karbur tal-kalċju (5). Il-Kummissjoni nnutat madankollu li l-multa ma kinitx l-unika obbligu maġġuri ta' NCHZ u li NCHZ iddikjarat falliment qabel ma saret dovuta l-multa tal-kartell.

2.2.1.   Att dwar Kumpaniji Strateġikament Importanti

(13)

Xahar wara li NCHZ fetħet proċediment ta' falliment, is-Slovakkja addottat Att Nru. 493 tal-5 ta' Novembru 2009 dwar ċerti miżuri li jirrigwardaw kumpaniji strateġikament importanti, li jagħti dritt ta' prelazzjoni lill-Istat li jixtri kumpaniji strateġiċi li jkunu fi proċedimenti ta' falliment u li jirrikjedi lill-amministratur tal-falliment jiżgura l-kontinwazzjoni tal-operat tal-kumpanija stateġika waqt il-proċedimenti. Il-Gvern iddikjara li NCHZ hija kumpanija strateġika taħt dak l-Att fit-2 ta' Diċembru 2009, jiġifieri ġurnata wara l-Att daħal fis-seħħ. L-Att skada fil-31 ta' Diċembru 2010. NCHZ kienet l-unika kumpanija li għaliha ġie applikat l-Att.

2.2.2.   Deċiżjoni li jitkompla l-operat waqt il-falliment

(14)

F'Jannar 2011, abbażi ta' deċiżjoni tal-kumitat ta' kredituri u l-kredituri garantiti, l-amministratur tal-falliment tal-kumpanija ngħata struzzjonijiet biex ikompli l-operat tal-NCHZ waqt il-falliment anki wara li l-Att skada. Din id-deċiżżjoni ttieħdet abbażi ta' rapport ekonomika li analizza s-sitwazzjoni tal-kumpanija u kkonkluda li l-eżitu tal-proċedimenti ta' falliment ikun iktar favorevoli għall-kredituri jekk il-kumpanija tkompli topera. Id-deċiżjoni li jitkompla l-operat kienet approvata wkoll mill-Qorti ta' Trenčín fi Frari 2011.

(15)

Kien hemm żewġ korpi ta' kredituri relevanti involuti fid-deċiżjoni jekk jitkompliex l-operat ta' NCHZ: il-Kumitat ta' Kredituri, li jikkonsisti f'ħames entitajiet (6), li erba' minnhom kienu propjetà privata. L-unika entità pubblika fil-Kumitat kienet il-Fond tal-Propjetà Nazzjonali Slovakka (Fond národného majetku Slovenskej Republiky). Barra min hekk, NCHZ kellha sitt kredituri garantiti. Minn dawn is-sitt kredituri garantiti, erba' kienu entitajiet pubbliċi — il-Fond tal-Propjetà Nazzjonali, il-Fond Ambjentali (Environmentálny fond), il-Bank Slovakk ta' Garanzija u l-Iżvilupp (Slovenská záručná a rozvojová banka, a. s.) u l-Belt ta' Nováky.

2.2.3.   Bejgħ tan-negozju ta' NCHZ

(16)

Waqt il-proċedimenti ta' falliment, kien hemm żewġ sejħiet għal offerti miftuħa organizzati mill-amministratur għall-bejgħ tan-negozju ta' NCHZ. L-ewwel waħda kienet bla suċċess peress li l-uniku offerent ipparteċipa fl-istadju finali, u offra EUR 2 miljuni. L-amministratur irrifjuta dik l-offerta u l-offerta tħassret b'deċiżjoni tal-Qorti ta' Trenčín. In-negozju nbiegħ wara t-tieni s-sejħa għall-offerti organizzata fl-2011. F'dik is-sejħa għall-offerti, żewġ offerenti kkwalifikaw għall-istadju finali, wieħed joffri EUR 2 046 000 u l-ieħor EUR 2 200 000. L-offerent bl-għola offerta ġie magħżul. L-offerent magħżul kien kumpanija Ċeka jisimha Via Chem Slovakia. Il-kuntratt ta' bejgħ ma' Via Chem Slovakia ġie konkluż fis-16 ta' Jannar 2012 u l-bejgħ ingħalaq fil-31 ta' Lulju 2012. NCHZ irċeviet […] (*), li kien inkluż fir-rikavat tal-bejgħ. Barra minn hekk, Via Chem Slovakia qablet li tieħu f'idejha l-impenji privati tan-negozju NCHZ imġarrbin waqt il-proċedimenti ta' falliment, li jammontaw għal EUR [10-13] miljun.

(17)

Skont il-kundizzjonijiet tat-tieni sejħa għall-offerti, l-offerenti potenzjali kellhom żewġ għażliet: setgħu jissottomettu offerta skont l-“Impenji taċ-Ċessjonarju” speċifikati fl-Artikolu 1.7 tal-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti jew inkella mingħajr ma jieħdu kont ta' dawk l-impenji. L-impenji kienu jinkludu l-kundizzjonijiet li:

tul perjodu ta' ħames snin wara l-akkwist tan-negozju NCHZ, il-produzzjoni tkun miżmuma f'livell ta' għallinqas 75 % tal-produzzjoni tal-2010;

investiment ta' mill-inqas EUR 11 miljun ikun magħmul f'miżuri ta' konformità ma' regola ambjentali neċessarji għall-kontinwazzjoni ta' produzzjoni kimika; kif ukoll

ix-xerrej ma jbigħx jew jitrasferixxi n-negozju NCHZ tul il-perjodu ta' ħames snin b'mod li jista' jipperikola l-kontinwazzjoni tal-operati tagħha.

(18)

Ir-regoli tas-sejħa għall-offerti kienu jistipulaw li, jekk l-ogħla offerta kienet minn offerent li ma jżommx ma' dawn l-impenji, l-ogħla offerent li jżommhom ikollu l-possibbiltà li jirrikonċilja mal-ogħla offerta. Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Slovakka, ħadd mill-parteċipanti fit-tieni sejħa ma ssottometta offerta li żżomm mal-impenji. Għaldaqstant, in-negozju ta' NCHZ inbigħ lil offerent li ma kienx iżomm mal-impenji.

(19)

Fl-1 ta' Awwissu 2012, ġurnata wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni bejn NCHZ f'falliment u Via Chem Slovakia, in-negozju prinċipali ta' NCHZ — id-diviżjoni kimika — inbigħ minn Via Chem Slovakia lil Fortischem għal EUR […]. Fortischem ħadet f'idejha wkoll l-impenji u l-kuntratti kollha relatati mad-diviżjoni kimika. Ħafna mill-1 412-il impjegat ta' NCHZ kienu trasferiti wkoll lil Fortischem. Is-Slovakkja qalet ukoll li inqas minn 60 % tal-propjetà oriġinali ta' NCHZ ġiet trasferita, peress li ebda assi immobbli ma kien inkluż fit-trasferiment. Madankollu, abbażi tal-kuntratt, Fortischem jista' juża' l-propjetà immobbli li oriġinarjament kienet tan-negozju trasferit iżda li baqgħet fis-sjieda ta' Via Chem Slovakia.

(20)

Anki jekk l-assi kollha ta' NCHZ inbiegħu tul il-proċedimenti ta' falliment, il-proċedimenti għadhom ma ġewx finalizzati (raġuni minnhom għal dan hija l-kawżi pendenti fil-qorti fir-rigward ta' ċerti pretensjonijiet). Fl-2013, parti mill-pretensjonijiet tal-kredituri pubbliċi, ta' madwar EUR 4.0 miljuni, kien imħallsa lura mir-rikavati tal-bejgħ tan-negozju NCHZ. Madankollu, għad hemm rikavati mill-bejgħ tal-assi li għadhom ma ġewx imqassma.

2.3.   Valutazzjoni tal-miżuri

(21)

Il-miżuri taħt valutazzjoni huma n-nuqqas ta' ħlas ta' obbligazzjoniet lil varji entitajiet tal-istat tul il-proċedimenti ta' falliment ta' NCHZ.

(22)

L-obbligazzjonijiet pendenti ta' NCHZ lejn entitajiet pubbliċi jew kumpaniji tal-istat imġarrba waqt il-proċedimenti ta' falliment ammontaw għal EUR 13 353 877,46 fl-1 ta' Awwissu 2012, id-data tal-bejgħ tan-negozju ta' NCHZ. Dawn l-obbligazzjonijiet jirrappreżentaw biss l-obbligazzjonijiet imġarrba waqt il-proċedimenti ta' falliment (mhumiex l-obbligazzjonijiet totali dovuti lill-Istat). Tali obbligazzjonijiet huma definiti f'Taqsima 87 tal-Att Slovakk ta' Falliment (7) bħala “pretensjonijiet fuq il-patrimonju”. Pretensjonijiet fuq il-patrimonju jinkludu pretensjonijiet wara li jiġi ddikkjarat il-falliment fir-rigward tal-amministrazzjoni u l-likwidazzjoni ta' assi f'falliment u pretensjonijiet li jqumu wara d-dikjarazzjoni tal-falliment fir-rigward ta' taxxi, imposti, dazji, primjums tal-assigurazzjoni fuq is-saħħa, u pagi jew salarji ta' impjegati tal-kumpanija falluta. Kwalunkwe obbligazzjoni mġarrba mill-kontinwazzjoni tal-operat tal-kumpanija waqt il-proċedimenti ta' falliment li ma jistgħux jitħallsu mid-dħul minn tali kontinwazzjoni tal-operat jiġu trattati bħala pretensjonijiet fuq il-patrimonju wkoll.

(23)

L-obbligazzjonijiet pubbliċi ta' NCHZ li qamu matul il-proċedimentiri ta' falliment huma stabbiliti fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1

L-obbligazzjonijiet ta' NCHZ lejn l-Istat jew kumpaniji tal-Istat li jirriżultaw matul il-proċedimenti ta' falliment (hekk kif kienu fl-1 ta' Awwissu 2012)

Awtoritajiet pubbliċi/kumpanija tal-Istat

Ammont tal-obbligi f'EUR

L-Istitut ta' Assigurazzjoni Soċjali

(…)

Všeobecná zdravotná poisťovňa (Kumpanija tal-assigurazzjoni tas-saħħa proprjetà tal-Istat)

(…)

L-impriża statali tal-ġestjoni tal-ilma (Slovenský vodohospodársky podnik, š.p.)

(…)

Il-belt ta' Nováky (tariffa għall-iskart, taxxa fuq il-proprjetà immobbli)

(…)

Fond Ambjentali

(…)

RTVS, s.r.o.

(…)

Diversi muniċipalitajiet (tariffa għall-iskart, taxxa fuq il-proprjetà immobbli)

(…)

Kumpanija tal-assigurazzjoni tas-saħħa komuni (Spoločná zdravotná poisťovna)

(…)

Awtorità tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur (daň z motorových vozidiel)

(…)

TOTALI

13 353 877,46

(24)

Skont it-Taqsima 88(5) tal-Att Slovakk dwar il-Falliment, l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operat tan-negozju jiġu saldati mill-amministratur mir-rikavati ta' dak l-operat skont l-ordni li jkunu dovuti fih.

(25)

Mill-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni jidher li tal-inqas ċerti istituzzjonijiet tal-Istat (eż. ill-Kumpanija ta' Assigurazzjoni Soċjali) ipprovaw jinforzaw ir-riċevibbli taħt il-proċedimenti a' falliment. Madankollu, l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ ma daħħalx biżżejjed biex ikopri l-kostijiet operatorji kollha inklużi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u riċevibbli oħra tal-istat iġġenerati matul il-proċedimenti ta' falliment. Id-dħul ta' NCHZ ġie użat primarjament biex ikopri kostijiet direttament relatati mal-operat tan-negozju (provvista ta' materja prima, enerġija, eċċ.) sabiex tinżamm l-attività kummerċjali tagħha, filwaqt li obbligazzjonijiet fil-konfront tal-Istat ma kinux imħallsa u komplew jikbru matul il-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ f'falliment.

(26)

Il-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ, li kien il-kawża ewlenija ta' dawn l-obbligazzjonijiet akkumulati, kien ibbażat fuq żewġ miżuri differenti matul il-proċedimenti ta' falliment: dwar l-Att — bejn Diċembru 2009 u Diċembru 2010 — u dwar id-deċiżjoni tal-kredituri sa minn Jannar 2011.

2.3.1.   L-operat skont l-Att

(27)

Mid-dħul fis-seħħ tal-Att fl-1 ta' Diċembru 2009 u d-Deċiżjoni tal-Gvern tat-2 ta' Diċembru 2009 sakemm jiskadi l-Att fil-31 ta' Diċembru 2010, NCHZ ibbenefikat mill-istatus ta' “kumpanija strateġika”. Skont l-Att, l-amministratur ta' falliment kien obbligat li: (i) jiżgura l-kontinwazzjoni tal-operat ta' kumpanija strateġika, anki jekk ir-rikavat tagħha ma kienx ikopri kompletament il-kostijiet operatorji tagħha inklużi t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali; u (ii) jevita t-tkeċċija kollettiva mhux ġustifikata tal-impjegati.

(28)

L-Att kellu japplika għal kumpaniji kummerċjali ta' importanza strateġika li kienu soġġetti għal proċedimenti ta' falliment. L-għan ta' dan l-Att kien li jżomm operattivi impriżi li kienu f'falliment iżda li ġew iddikjarati mill-Gvern Slovakk li huma strateġikament importanti. Barra minn hekk, l-Att ta lill-Gvern Slovakk dritt ta' prelazzjoni biex jixtri kumpaniji strateġiċi li fallew.

(29)

Sabiex kumpanija taqa' fi ħdan l-ambitu tal-Att, ir-rekwiżiti li ġejjin kollha kellhom jiġu ssodisfati:

il-kumpanija kellha tkun kumpanija kummerċjali li l-assi tagħha kienu s-suġġett ta' proċedimenti ta' falliment iddikjarat;

il-kumpanija kellha tkun importanti biex tipproteġi s-saħħa, is-sigurtà nazzjonali jew il-funzjonament korrett tal-ekonomija;

il-kumpanija kellu jkollha aktar minn 500 impjegat, jew b'mod sinifikanti tipprovdi enerġija, gass, sħana jew prodotti tal-industrija tar-raffineriji lill-pubbliku, industriji oħra u trasportazzjoni nazzjonali, jew topera infrastruttura tal-ilma, impjant pubbliku tat-trattament tal-ilma mormi, drenaġġ pubbliku jew provvista pubblika tal-ilma;

il-kumpanija kellha tiġi ddikjarata li hija ta' importanza strateġika mill-Gvern Slovakk.

(30)

NCHZ kienet l-unika kumpanija li bbenefikat minn dan l-Att. L-Att ġie adottat fil-5 ta' Novembru 2009 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009. Fit-2 ta' Diċembru 2009 il-Gvern Slovakk ipproklama NCHZ bħala kumpanija strateġika skont id-deċiżjoni Nru 534/2009.

(31)

Meta ddeċieda li NCHZ kienet ta' importanza strateġika, il-Gvern Slovakk enfasizza il-fatt li falliment tal-kumpanija jista' jwassal għal telf ta' aktar minn 1 700 impjieg dirett, u jipperikola 5 000 impjieg ieħor ma' fornituri ta' NCHZ fis-Slovakkja. Huwa ddikjara wkoll li l-waqfien tal-produzzjoni ta' NCHZ se jaffettwa b'mod negattiv il-prestazzjoni u l-kompetittività tal-industrija tal-kimika fis-Slovakkja u b'hekk jgħarraq ferm il-pożizzjoni tal-ekonomija Slovakka kollha (8).

2.3.2.   L-operat skont id-deċiżjoni tal-kumitat tal-kredituri

(32)

Wara li l-Att skada fil-31 ta' Diċembru 2010, l-amministratur tal-falliment, li kien marbut mal-istruzzjonijiet tal-kumitat tal-kredituri, iddeċieda li jissokta l-operati ta' NCHZ f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att Slovakka dwar il-Falliment.

(33)

Skont l-Att Slovakk dwar il-Falliment, il-kredituri tar-riċevibbli mhux garantiti rreġistrati kollha fil-proċediment ta' falliment, iridu jeleġġu kumitat tal-kredituri sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom waqt il-falliment. Il-kumitat għandu s-setgħa li joħroġ struzzjonijiet lill-amministratur tal-falliment fiċ-ċirkustanzi espliċitament previsti fl-Att Slovakk dwar il-Falliment, inkluż fejn il-kostijiet tal-operat tan-negozju fallut jaqbeż id-dħul mill-operati tiegħu u l-kontinwazzjoni tal-operat tiegħu b'hekk iwassal għal akkumulazzjoni akbar ta' obbligazzjonijiet. F'sitwazzjoni bħal din, l-amministratur irid jikseb struzzjonijiet rigward sa liema punt għandha titkompla il-kontinwazzjoni tal-operat tal-kumpanija (l-Artikolu 88 tal-Att Slovakk dwar il-Falliment). Dawn l-istruzzjonijiet għandhom jittieħdu b'votazzjoni tal-kumitat tal-kredituri flimkien mal-kredituri garantiti u mbagħad approvati u magħmula vinkolanti minn qorti tal-fallimenti.

(34)

Fil-każ tal-proċedimenti ta' falliment tal-NCHZ il-kumitat kien jikkonsisti f'ħames entitajiet, li erba' minnhom kienu proprjetà privata (9). Il-membru pubbliku fil-kumitat kien il-Fond tal-Propjetà Nazzjonali Slovakka (Fond národného majetku Slovenskej Republiky). Barra minn hekk, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, NCHZ kellha sitt kredituri garantiti. Erbgħa minn dawn il-kredituri garantiti kienu proprjetà tal-istat jew ta' impriżi pubbliċi: il-Fond tal-Propjetà Nazzjonali, il-Fond Ambjentali (Environmentálny fond), il-Bank Slovakk għall-Garanzija u l-Iżvilupp (Slovenská záručná a rozvojová banka, a. s.) u l-Belt ta' Nováky.

(35)

Kif meħtieġ skont l-Att Slovakk dwar il-Falliment l-amministratur informa kemm lill-kredituri garantiti u kemm li dawk li mhumiex (fil-laqgħa konġunta tagħhom tas-26 ta' Jannar 2011) li l-kostijiet tal-operat tan-negozju NCHZ kienu ogħla mid-dħul mill-operazzjoni. L-amministratur ipprovda wkoll lill-kredituri b'analiżi ekonomika datata t-23 ta' Diċembru 2010, li tidentifika diversi xenarji possibbli u tqabbel il-kostijiet u d-dħul mil-perspettiva tal-kredituri ta' NCHZ. L-analiżi kkonkludiet li kien fl-interess tal-kredituri li jkompli l-operat ta' NCHZ u li n-negozju jinbiegħ bħala negozju avvjat. L-analiżi tal-amministratur kienet issuplimentata minn preżentazzjoni tal-maniġment ta' NCHZ intitolata “NCHZ Nováky — Studju tal-Fattibbiltà ta' Ristrutturar”, li argumentat ukoll li l-aħjar soluzzjoni għall-kredituri tkun li NCHZ tinbiegħ bħala kumpanija li għadha topera. Filwaqt li jittieħed kont ta' dawn l-istudji, il-kredituri kollha fil-kumitat tal-kredituri u l-kredituri garantiti kollha qablu fis-26 ta' Jannar 2011 mal-kontinwazzjoni tal-operat tal-kumpanija. Dik id-deċiżjoni ġiet approvata u b'hekk saret vinkolanti għall-amministratur mill-Qorti ta' Trenčín f'deċiżjoni tat-23 ta' Frar 2011.

(36)

Wara l-approvazzjoni mill-kredituri u mill-Qorti ta' Trenčín, l-operat ta' NCHZ kompla mingħajr ebda interruzzjoni sal-bejgħ tagħha bħala negozju avvjat lil Via Chem Slovakia f'Lulju 2012.

2.3.3.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali

(37)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ tat-2 ta' Lulju 2013 sabet li NCHZ ma ħallsitx għalkollox il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-impjegati tagħha jew kwalunkwe obbligazzjoni oħra lejn bosta entitajiet tal-istat matul il-proċedimenti ta' falliment. L-ammont ta' dejn pubbliku għall-perjodu bejn l-2009 u l-2011 ammontaw għal EUR 12,1 miljun. Minħabba d-diffikultajiet finanzjarji ta' NCHZ fil-perjodu qabel id-dikjarazzjoni ta' falliment, peress li ppermetta l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ l-Istat kellu riskju kbir li NCHZ takkumula obbligazzjonijiet pubbliċi li imbagħad ma tkunx f'pożizzjoni li tonora. Id-dejn mhux imħallas għaldaqstant seta' jiġi evitat jew għall-inqas jitnaqqas b'mod sinifikanti billi jitwaqqfu l-operati ta' NCHZ matul il-proċedimenti ta' falliment.

(38)

Kien hemm ukoll indikazzjonijiet sodi li d-deċiżjoni tal-kredituri li jissoktaw joperaw NCHZ wara l-iskadenza tal-Att hija attribwita lill-Istat u pprovdiet lill-kumpanija b'vantaġġ mhux dovut, selettiv u ekonomiku.

(39)

Il-Kummissjoni għaldaqstant ikkonkludiet fuq bażi preliminari li billi tħalliet tissokta l-operati u l-attivitajiet tas-suq tagħha mingħajr ma kellha tħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u obbligazzjonijiet pubbliċi oħrajn matul perjodu sinifikanti, NCHZ ingħatat vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha li ma kinitx tirċievi f'kundizzjonijiet normali tas-suq.

(40)

Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk is-sejħa għall-offerti li permezz tagħha nbiegħet NCHZ kinetx bla kundizzjonijiet peress li ċerti offerenti kellhom il-possibbiltà li jgħollu l-offerti tagħhom fi stadju aktar tard, meta l-offerti kollha kienu diġà tressqu. Il-Kummissjoni għalhekk kellha dubji dwar jekk il-prezz imħallas għall-assi tal-kumpanija mill-offerent rebbieħ kienx jirrappreżenta prezz tas-suq li żgura l-massimazzjoni tad-dħul biex jissodisfa l-kredituri, inkluż l-Istat. Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet sodi li l-kontinwità ekonomika bejn NCHZ u l-entità l-ġdida ma kinitx interrotta. Dan ikun ifisser li kwalunkwe għajnuna inkompatibbli mill-istat mogħtija lil NCHZ tista' tiġi rkuprata mis-sid il-ġdid tan-negozju tal-kumpanija.

(41)

Il-Kummissjoni għaldaqstant iddeċidiet li tniedi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

3.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(42)

Żewġ partijiet terzi kkummentaw dwar id-deċiżjoni ta' ftuħ: l-ilmentatur u parti terza interessata oħra li xtaqet tibqa' anonima. Mill-partijiet interessati t-tnejn li huma approvaw il-fatti u r-raġunament ippreżentat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali.

(43)

Il-partijiet terzi enfasizzaw il-konnessjoni temporali evidenti bejn id-diffikultajiet ekonomiċi ta' NCHZ u l-introduzzjoni ta' Att dwar Kumpaniji Strateġiċi, li ġie adottat bi proċedura leġiżlattiva aċċellerata. Barra minn hekk, jum wieħed biss wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-Att, il-Gvern Slovakk addotta d-deċiżjoni li tiddikjara NCHZ kumpanija strateġika skont it-tifsira tal-Att. Il-partijiet interessati t-tnejn li huma sostnew li l-Istat seta' evita r-riskju prevedibbli ta' obbligazzjonijiet pubbliċi akkumulati mhux imħallsa billi ma jagħtix l-istatus ta' kumpanija strateġika lil NCHZ.

(44)

Barra minn hekk, NCHZ possibbilment ibbenefikat mill-vantaġġ li kellha l-istatus ta' kumpanija li ma setgħatx toħroġ mis-suq bil-liġi u għalhekk baqgħet sieħba tan-negozju affidabbli, mentri kumpaniji oħra fl-istess sitwazzjoni bħal ta' NCHZ, jiġifieri fi proċedimenti ta' falliment, x'aktarx li kellhom relazzjonijiet tan-negozju li marru għall-agħar, mal-fornituri u l-konsumaturi tagħhom minħabba l-possibbiltà tagħhom ta' ħruġ mis-suq.

(45)

Fejn għandu x'jaqsam l-operat ta' NCHZ wara d-deċiżjoni tal-kumitat tal-kredituri, waħda mill-partijiet interessati targumenta li l-membru tal-istat fil-kumitat tal-kredituri seta' u kellu jipprova jilħaq riżultat differenti — billi jikkonvinċi lill-membri l-oħra tal-kumitat jew għall-inqas billi jivvota kontra l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ. L-istess raġunament japplika għall-Istat bħala wieħed mill-kredituri garantiti, li skont il-partijiet interessati kellu d-dritt li jimponi veto fuq id-deċiżjoni li tawtorizza l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ. Il-partijiet interessati huma tal-fehma li dan in-nuqqas ta' azzjoni kien ifisser li d-deċiżjoni tal-kumitat tal-kredituri u l-kredituri garantiti jistgħu jiġu attribwiti lill-Istat.

(46)

Fi kwalunkwe każ, il-partijiet interessati argumentaw ukoll li d-deċiżjoni ta' Trenčín tal-Qorti tal-Ġustizzja li jippermettu ż-żamma tal-operat ta' NCHZ kienet ukoll attribwibbli lill-Istat.

(47)

Il-partijiet interessati t-tnejn li huma allegaw li t-tkomplija tal-operat ta' NCHZ fixklet il-kompetizzjoni, b'mod partikolari fis-suq tal-karbur tal-kalċju, u li NCHZ kellha politika ta' pprezzar aggressiva matul dak il-perjodu.

(48)

Fir-rigward il-bejgħ ta' NCHZ, waħda mill-partijiet interessati sostniet li l-impenji tas-sejħa għall-offerti għamlu l-eżitu tas-sejħa inċert u li din kienet ir-raġuni għaliex ma kinitx ipparteċipat fis-sejħa għall-offerti, għalkemm l-akkwist ta' negozju ta' NCHZ seta' kien jinteressaha.

(49)

Fl-aħħar nett, il-partijiet interessati ddikjaraw li l-operat u l-presenza kumplessiva ta' Fortischem fis-suq kienu bażikament identiċi ma' dawk tan-negozju NCHZ preċedenti. L-unika bidla osservabbli kienet bidla fl-isem u s-sid.

4.   KUMMENTI MIS-SLOVAKKJA

Eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku għal NCHZ

(50)

Is-Slovakkja stqarret li l-amministratur tal-proċedimenti ta' falliment ta' NCHZ kien obbligat li jkompli ħidmet il-kumpanija fuq il-bażi tal-Att sal-31 ta' Diċembru 2010. Fir-rigward tan-natura ta' dan l-Att, is-Slovakkja stqarret li din kienet tikkostitwixxi miżura ġenerali applikabbli għall-kumpaniji kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet.

(51)

Is-Slovakkja argumentat li, anki jekk l-ebda deċiżjoni ma ttieħdet mill-kredituri jew mill-qorti matul l-ewwel perjodu, x'aktarx li fin-nuqqas tal-Att il-kredituri fi kwalunkwe każ kienu se jiddeċiedu li jkomplu l-operat ta' NCHZ. Is-Slovakkja rreferiet għall-analiżi preliminari u dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-amministratur ta' Ottubru 2009 (jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att) li tindika preferenza għall-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ. Għaldaqstant l-Att ma kellu jkollu l-ebda effett materjali, peress li NCHZ kienet tkompli topera — anke kieku l-Att ma jiġix adottat — purament abbażi tar-regoli standard tal-falliment.

(52)

Sussegwentement, wara li l-Att skada f'Diċembru 2010, l-amministratur talab għal istruzzjonijiet rigward il-kontwinazzjoni tal-operat tal-kumpanija mill-kumitat tal-kredituri. Il-kumitat qabel u din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti ta' Trenčín (10). Is-Slovakkja ressqet l-analiżi ekonomika li kienet tħejjiet bħala l-bażi għal kumitat tal-kredituri biex jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Il-kumpanija kompliet topera sakemm inbiegħet fl-2012.

(53)

Is-Slovakkja pprovdiet ukoll analiżi ipotetika mill-amministratur ibbażata fuq il-metodoloġija użata għall-analiżi fit-tieni perjodu (il-kontinwazzjoni tal-operat ibbażat tad-deċiżjoni tal-kredituri u l-qorti), li turi li li kieku ġiet ikkunsidrata l-likwidazzjoni fil-bidu tal-ewwel perjodu (il-kontinwazzjoni tal-operat abbażi tal-Att), ir-riżultat tal-analiżi kien ikun l-istess. Minkejja livell aktar baxx ta' obbligazzjonijiet kurrenti li jammontaw għal EUR 8,5 miljun, ir-rikavati mil-likwidazzjoni ma kienx ikun akbar mill-kostijiet u l-obbligazzjonijiet kurrenti.

(54)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, is-Slovakkja argumentat li l-aġir tal-Istat matul il-proċedimenti ta' falliment kien f'konformità mal-prinċipju tal-kreditur f'ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, ma pprovdiet ebda vantaġġ ekonomiku lil NCHZ u ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-istat.

L-irkupru tal-pretensjonijiet tas-Slovakkja minn NCHZ f'falliment

(55)

Is-Slovakkja stqarret li, meta amministra u rkupra l-pretensjonijiet kontra NCHZ, il-kreditur prinċipali, il-Kumpanija ta' Assigurazzjoni Soċjali (Sociálna poisťovňa), aġixxiet skont l-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali Nru 461/2003, kif emendat, u f'konformità mal-Att Slovakk dwar il-Falliment. Sociálna poisťovňa eżawriet ir-rimedji kollha disponibbli skont il-liġi. Ma aċċettatx in-nuqqas ta' ħlas ta' primjums u rreġistrat minnufih il-pretensjoni tagħha mal-amministratur.

(56)

Il-Kumpanija ta' Assigurazzjoni Soċjali ma kellha ebda rekord ta' pretensjonijiet kontra NCHZ maħluqa qabel id-dikjarazzjoni ta' falliment li kien ikollhom bżonn jiddaħħlu fil-proċedimenti ta' falliment f'konformità ma' Taqsima 28 tal-Att Slovakk dwar il-Falliment (11). Hija għaldaqstant ma setgħetx issir membru tal-korpi ta' kredituri li ddeċiedew dwar il-kontwinazzjoni tal-operat ta' NCHZ.

(57)

Għaldaqstant, l-uniku mezz disponibbli biex jiġi żgurat il-ħlas tal-pretensjonijiet tagħha kien li jiġu rreġistrati fil-proċedimenti ta' falliment fis-seħħ bħala pretensjonijiet kontra l-patrimonju. Għalhekk dan huwa dak li Kumpanija tal-Assigurazzjoni Soċjali (permezz tal-fergħa tagħha fi Prievidza) għamlet fuq bażi kontinwa, f'konformità mat-Taqsimiet 87 u 88 tal-Att Slovakk dwar il-Fallimenti (għal iktar dettalji ara t-Tabella 2).

(58)

Skont it-Taqsima 87(3) tal-Att Slovakk dwar il-Falliment, pretensjonijiet kontra l-patrimonju għandhom jiġu ssodisfati mill-amministratur mir-rikavat tal-likwidazzjoni tal-assi tal-patrimonju inkwistjoni sad-data dovuta tal-pagament. L-amministratur ikun responsabbli lejn il-kredituri bi pretensjoni fuq il-patrimonju għal telf sostnut minnhom meta l-pretensjoni tagħhom fuq il-patrimonju ma tkunx ġiet issodisfata kif suppost u fil-pront skont din id-dispożizzjoni, sakemm ma jkunx jista' jagħti prova li huwa aġixxa b'diliġenza professjonali xierqa. Fl-24 ta' Awwissu 2011, iltaqgħu r-rappreżentanti tal-Kumpanija ta' Assigurazzjoni Soċjali u NCHZ fil-fergħa ta' Prievidza. Fil-laqgħa l-amministratur informa lir-rappreżentanti tal-Kumpanija tal-Assigurazzjoni Soċjali li huwa ma kienx f'pożizzjoni li jissodisfa il-pretensjonijiet kontra l-patrimonju minħabba li huwa kellu jipprijoritizza l-kontinwazzjoni tal-operat tan-negozju sabiex il-kumpanija tkun tista' tinbiegħ għall-aħjar prezz possibbli.

(59)

Skont it-Taqsima 47(1) tal-Att Slovakk dwar il-Falliment, dikjarazzjoni ta' falliment tissospendi l-proċedimenti ġudizzjarji u oħrajn kollha li jirrigwardaw l-assi li huma soġġetti għal proċedimenti ta' falliment u li jappartjenu lill-parti falluta. Il-limiti ta' żmien stabbiliti f'dawn il-proċedimenti ma jiskadux matul il-perjodu ta' sospensjoni.

(60)

Skont it-Taqsima 47 tal-Att Slovakk dwar il-Falliment, il-Kumpanija tal-Assigurazzjoni Soċjali ma tistax tasserixxi pretensjoni permezz ta' deċiżjoni skont l-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali u lanqas ma tista' sussegwentement tirkupra pretensjoni billi tibda l-proċedimenti ta' infurzar (ara t-Taqsima 48 tal-Att Slovakk dwar il-Falliment). Tabella 2 hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn il-pretensjonijiet irreġistrati mill-Kumpanija tal-Assigurazzjoni Soċjali fil-perjodu minn Settembru 2009 sa Jannar 2012.

(61)

Madankollu, fil-15 ta' Novembru 2011, il-Kumpanija għall-Assigurazzjoni Soċjali — il-fergħa ta' Prievidza ressqet ilment kontra persuni awtorizzati biex jaġixxu f'isem NCHZ lill-Prosekutur Pubbliku Distrettwali fi Prievidza, b'allegazzjoni li matul il-perjodu minn Ġunju 2011 sa Settembru 2011 kienu wettqu r-reat kriminali li naqsu milli jimponu u jħallsu l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni skont it-taqsimiet 277 u 278 tal-Att Nru 300/2005 (il-Kodiċi Kriminali), kif emendat. Fis-7 ta' Frar 2012, l-investigatur fid-Direttorat tal-Pulizija tad-Distrett ta' Prievidza ssospendew il-proċedimenti kriminali minħabba li ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti l-fatti li jippermettu prosekuzzjoni kriminali tal-persuni kkonċernati.

Tabella 2

Il-pretensjonijiet irreġistrati fil-proċedimenti ta' falliment (f'eluf ta' EUR)  (12) mill-Kumpanija tal-Assigurazzjoni Soċjali bejn Settembru 2009 u Jannar 2012

Deskrizzjoni tal-pretensjoni

Data ta' reġistrazzjoni mal-amministratur tal-falliment

Ammont f'eluf ta' EUR

Assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali u assigurazzjoni tal-pensjoni

11.10.2010

(…)

Assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali u assigurazzjoni tal-pensjoni

24.6.2011

(…)

Assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali u assigurazzjoni tal-pensjoni

Diċembru 2011

(…)

Assigurazzjoni ta' garanzija

11.10.2010

(…)

Assigurazzjoni ta' garanzija

24.6.2011

(…)

Assigurazzjoni ta' garanzija

18.1.2012

(…)

Ammont totali ta' pretensjonijiet rreġistrati sal-31 ta' Jannar 2012

 

(…)

Bejgħ ta' NCHZ

(62)

Fir-rigward tal-bejgħ ta' NCHZ, is-Slovakkja argumentat li l-bejgħ sar b'mod miftuħ, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet u l-ogħla offerent kien magħżul b'mod xieraq li permezz tas-sejħa għall-offerti. Fir-rigward tat-tip ta' bejgħ, is-Slovakkja argumentat li dan il-każ għandu jiġi kkunsidrat każ speċifiku ta' ftehim dwar l-assi fejn l-assi kollha huma trasferiti flimkien mad-drittijiet tagħhom u ċerti obbligazzjonijiet marbuta magħhom.

(63)

Is-Slovakkja argumentat ukoll li f'dan il-każ partikolari l-kundizzjonijiet marbuta mat-tieni sejħa għall-offerti x'aktarx ma kinux ta' influwenza fuq il-possibbiltà li jinkiseb l-ogħla prezz possibbli minħabba li l-ebda miż-żewġ offerenti li ħadu sehem fit-tieni sejħa ma kienu se jidħlu għall-obbligazzjonijiet. Barra minn hekk, il-prezz finalment miksub (EUR 2,2 miljun) kien viċin ħafna l-prezz tal-ewwel sejħa, li ġiet ikkanċellata (EUR 2 miljun). L-ewwel sejħa għall-offerti ma kienet tinkludi l-ebda impenn.

(64)

Peress li NCHZ kienet, fil-fehma tas-Slovakkja, mibjugħa f'sejħa suffiċjentement miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet, inkiseb prezz tas-suq għall-assi ta' NCHZ. Is-Slovakkja hija tal-fehma li m'hemm l-ebda rabta ta' kontinwità ekonomika bejn NCHZ, Via Chem Slovakia u issa Fortischem. Is-Slovakkja argumentat li fit-transazzjoni bejn Via Chem Slovakia u Fortischem inqas minn 60 % tan-negozju ġie trasferit, b'mod partikolari għaliex l-ebda propjetà immobbli ma kienet inkluża fil-bejgħ. Fl-aħħar nett, is-Slovakkja stqarret li l-Kummissjoni ma kellha ebda prova li turi li NCHZ kien mibjugħ bħala negozju avvjat għall-fini li jiġi evitat l-irkupru ta' għajnuna mill-istat.

(65)

Is-Slovakkja kkonfermat li l-impenji mhux monetarji kollha li għandhom x'jaqsmu ma' kuntratti mal-impjegati kienu ġew ittrasferiti wkoll lix-xerrej il-ġdid — Via Chem Slovakia. Is-Slovakkja ċċarat ukoll li ma sar l-ebda rapport ta' evalwazzjoni li jevalwa l-assi totali jew il-kumpanija bħala negozju avvjat. Barra minn hekk, is-Slovakkja kkonfermat li l-obbligazzjonijiet kollha lejn l-Istat imġarrba matul il-proċedimenti tal-falliment baqgħu għand NCHZ u se jiġu saldati mir-rikavat tal-bejgħ.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

5.1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(66)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-istat fi kwalunkwe forma, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(67)

Sabiex jiġi konkluż jekk kienx hemm għajnuna mill-istat, irid jiġi għaldaqstant evalwat jekk il-kriterji kumulattivi elenkati fl-Artikolu 107(1) TFUE (jiġifieri it-trasferiment ta' riżorsi tal-istat, l-imputabbiltà lill-Istat, il-vantaġġ selettiv, it-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni u l-effett fuq kummerċ intra-UE) humiex sodisfati f'dan il-każ. Dan għandu jiġi evalwat b'mod partikolari fir-rigward tan-nuqqas ta' ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u obbligazzjonijiet oħra lejn l-Istat matul il-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ f'falliment: (i) permezz tal-applikazzjoni tal-Att wara d-deċiżjoni tal-Gvern li tiddikjara lil NCHZ bħala kumpanija strateġika skont it-tifsira tal-Att (ara punt 5.2) u (ii) tal-kontinwazzjoni tal-operat skont id-deċiżjoni tal-kumitat tal-kredituri bil-qbil tal-kredituri pubbliċi (ara l-punt 5.3).

(68)

Il-valutazzjoni jkollha titwettaq filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji ta' NCHZ li wasslu għal dikjarazzjoni ta' falliment, billi ddikjara lil NCHZ kumpanija strateġika l-Gvern kien f'riskju reali li NCHZ takkumula obbligazzjonijiet pubbliċi li hija mbagħad ma tkunx f'pożizzjoni li tonora. Kien hemm riskju sostanzjali li l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ matul il-proċedimenti ta' falliment ma trendix biżżejjed dħul biex tkopri l-kostijiet operatorji kollha inklużi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u ammonti riċevibbli oħra lill-istat u li l-obbligazzjonijiet dejjem jakkumulaw fil-konfront tal-Istat ma jkunux imħallsa kif dovut. Ġaladarba dan ix-xenarju fil-fatt immaterjalizza matul l-2010, dan ir-riskju ta' aktar akkumulazzjoni ta' obbligazzjonijiet mhux imħallsa fil-konfront tal-Istat kien saħansitra iktar ċar fil-bidu tal-2011 meta, wara l-iskadenza tal-Att, il-kumitat tal-kredituri iddeċieda li jkompli l-operat ta' NCHZ. Fil-fatt, il-kredituri ta' NCHZ ġew avżati speċifikament dwar din il-kwistjoni mill-amministratur.

(69)

Il-kontinwazzjoni tal-operat tal-kumpanija f'falliment wasslet għal akkumulazzjoni ta' dejn dovut lill-Istat. L-ammont ta' dejn mhux imħallas li akkumula matul il-perjodu tal-proċedimenti ta' falliment (2009-2012) jammonta għal aktar minn EUR 13,3 miljun.

(70)

Ta' min jinnota wkoll li l-obbligazzjonijiet pubbliċi akkumulati x'aktarx li ma jkunux irkuprati għalkollox mir-rikavati tal-bejgħ tan-negozju tal-NCHZ (EUR 2,2 miljun tal-prezz tal-bejgħ u […] ritorn ta' […]). Tabilħaqq, sa issa madwar EUR 4,0 miljun biss mill-pretensjonijiet minn entitajiet pubbliċi ġew imħallsa lura mir-rikavat tal-bejgħ.

5.2.   Applikazzjoni tal-Att għal NCHZ

(71)

Għal 13-il xahar (mid-dħul fis-seħħ tal-Att fl-1 ta' Diċembru 2009 sakemm din tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010), l-applikazzjoni tal-Att għal NCHZ ipprovdiet l-bażi għall-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ minkejja l-fatt li l-kostijiet tal-operat tan-negozju kienu konsistentement ogħla mid-dħul miksub minnha, u b'hekk irriżultaw f'akkumulazzjoni ta' dejn.

(72)

Skont it-Taqsima 5(a) tal-Att, l-amministratur tal-falliment kien obbligat li jiżgura l-operat ta' kumpanija ddikjarata mill-Gvern bħala strateġikament importanti. Fir-risposta tiegħu għal talba għal informazzjoni, l-amministratur iddikjara li l-kontinwazzjoni tal-operat tal-kumpanija falluta kienet konsegwenza meħtieġa ta' konformità mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw direttament mill-Att. B'hekk, NCHZ kienet kapaċi tkompli topera u żżomm ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha minkejja li kienet f'sitwazzjoni fejn l-amministratur kien ikun obbligat jikkunsidra l-possibilità li jwaqqaf l-operati u jtemm l-attivitajiet tan-negozju (għaliex ma kienx f'pożizzjoni li jħallas id-dejn kollu tiegħu).

5.2.1.   Trasferiment ta' riżorsi tal-istat u imputabbiltà

(73)

Kif indikat hawn fuq, is-Slovakkja adottat l-Att u ddikjarat lil NCHZ bħala kumpanija strateġika abbażi ta' dak l-Att. Għaldaqstant, l-amministratur kien obbligat bl-applikazzjoni tal-Att li jkompli l-operat ta' NCHZ matul il-proċedimenti ta' falliment.

(74)

Bis-saħħa ta' dik id-dikjarazzjoni, l-operat tal-kumpanija inżamm anki jekk kien hemm riskju ċar (li fil-fatt seħħ) li d-dħul ma kienx se jkun biżżejjed biex ikopri l-kostijiet operatorji tan-negozju waqt falliment, inklużi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u obbligazzjonijiet oħra fil-konfront tal-Istat.

(75)

Konsegwentement, dan ir-riskju prevedibbli ta' akkumulazzjoni ta' obbligazzjonijiet mhux imħallsa lejn l-Istat seta' ġie evitat mill-Istat, billi eżerċita d-diskrezzjoni tiegħu skont l-Att u ma tax lil NCHZ l-istatus ta' kumpanija strateġika, li obbligat lill-amministratur biex ikompli jopera n-negozju ta' NCHZ matul il-proċedimenti ta' falliment.

(76)

Barra minn hekk, il-kontinwazzjoni tal-operati u l-akkumulazzjoni ta' obbligazzjonijiet addizzjonali bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Att għamluha aktar diffiċli għal kredituri pubbliċi eżistenti ta' NCHZ li jirkupraw il-pretensjonijiet eżistenti tagħhom.

(77)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dikjarazzjoni ta' NCHZ bħala kumpanija strateġika wasslet għal trasferiment ta' riżorsi tal-istat skont it-tifsira tal- Artikolu 107(1) TFUE. Dan it-trasferiment seħħ fil-forma ta' dħul mitluf minn kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u kredituri pubbliċi oħrajn li ma kinux onorati minn NCHZ matul il-perjodu meta l-Att kien japplika għaliha. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-deċiżjoni li tiddikjara NCHZ kumpanija strateġika ġiet adottata mill-Gvern u hija għalhekk attribwibbli b'mod ċar għall-Istat Slovakk.

5.2.2.   Vantaġġ ekonomiku

(78)

L-applikazzjoni tal-Att għal NCHZ tatha vantaġġ ekonomiku, peress li pproteġiet lill-kumpanija mill-kors normali ta' proċedimenti ta' falliment skont il-leġislazzjoni fallimentari standard. Għal kważi 13-il xahar, NCHZ kompliet l-operati tagħha esklussivament bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-Att. L-amministratur tal-falliment kellu jiżgura l-operat tal-impriża anke jekk id-dħul tagħha ma kienx ikopri l-kostijiet operatorji tagħha inklużi t-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. L-applikazzjoni tal-Att b'hekk ċaħħdet lill-amministratur u l-kredituri mid-diskrezzjoni tagħhom biex jiddeċiedu jekk il-kontinwazzjoni tal-operat tal-kumpanija jkunx ekonomikament vantaġġjuż.

(79)

Minħabba l-karattru ta' telf tal-kontwinazzjoni tal-operati, NCHZ ma kinitx kapaċi tħallas għalkollox l-obbligazzjonijiet tagħha, inklużi l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni tas-saħħa għall-impjegati tagħha u obbligazzjonijiet oħra fil-konfront ta' bosta entitajiet statali matul il-proċedimenti ta' falliment.

(80)

L-applikazzjoni tal-Att għal NCHZ ħtieġet lill-amminstratur li: (i) jiżgura l-operat ta' NCHZ u (ii) jevita t-tkeċċija kollettiva mhux ġustifikata tal-impjegati. Fuq dik il-bażi, l-amministratur stess stqarr li fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-Att huwa kien obbligat ikompli jopera NCHZ b'mod sħiħ, mingħajr l-ebda possibbiltà ta' analiżi ta' alternattivi u l-għażla tal-iktar waħda vantaġġjuża għall-kredituri tal-kumpanija f'falliment.

(81)

Filwaqt li l-Att kien fis-seħħ, il-kredituri ma setgħux jiltaqgħu biex jiddeċiedu dwar il-futur ekonomiku ta' NCHZ u ma saret ebda analiżi biex ikun valutat jekk il-kontwinazzjoni tal-operat ta' NCHZ f'dak l-istadju kinitx fl-interess tal-kredituri. Kien biss meta l-Att wasal biex jiskadi li l-amministratur ikkummissjona analiżi ekonomika komprensiva u sejjaħ laqgħa tal-kredituri tal-kumpanija biex jiddeċiedu dwar jekk għandhomx ikomplu l-operat ta' NCHZ jew le.

(82)

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Att għal NCHZ kienet ibbażata, mhux fuq kunsiderazzjonijiet meħuda mill-kredituri tal-kumpanija, iżda fuq kunsiderazzjonijiet oħra ta' politika pubblika. Il-memorandum ta' spjegazzjoni għad-Deċiżjoni tal-Gvern tat-2 ta' Diċembru 2009 li jiddikjara lil NCHZ kumpanija strateġika skont l-Att isemmi t-theddida ta' telfa diretta ta' 1 700 impjieg f'NCHZ u t-telfa ta' 5 000 impjieg addizzjonali għand il-fornituri ta' NCHZ jekk il-kumpanija tagħlaq. Jiddikjara wkoll li l-waqfien tal-produzzjoni ta' NCHZ kienet se taffettwa b'mod negattiv il-prestazzjoni u l-kompetittività tal-industrija sħiħa tal-kimika fis-Slovakkja u b'hekk jgħarraq ferm il-pożizzjoni tal-ekonomija Slovakka kollha. L-applikazzjoni tal-Att għal NCHZ mill-Gvern evidentement ma kinitx, għaldaqstant, ġustifikata abbażi tal-prinċipju ta' kreditur f'ekonomija tas-suq. Is-Slovakkja ssostni li, għalkemm ma ttieħdet ebda deċiżjoni la mill-kredituri u lanqas mill-Qorti matul l-ewwel perjodu, x'aktarx il-kredituri kienu jiddeċiedu li jkomplu joperaw NCHZ anki kieku l-Att ma kienx ġie applikat għaliha. Is-Slovakkja tirreferi għal analiżi preliminari tas-26 ta' Ottubru 2009 u stqarrijiet pubbliċi magħmula mill-amministratur f'Ottubru 2009 (jiġifieri qabel l-Att daħal fis-seħħ) li jindika li l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ kienet l-għażla ppreferuta tiegħu.

(83)

Madankollu, l-analiżi preliminari mill-amministratur hija pjuttost vaga, ma fihiex analiżi ta' għażliet alternattivi (bejgħ ta' assi jew likwidazzjoni) u għalhekk ma tistax tkun ikkunsidrata bħala bażi soda li l-kredituri kienu se jużaw għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ. Barra minn hekk, f'Diċembru 2009 il-qorti ssostitwiet l-amministratur oriġinali ta' NCHZ b'wieħed ġdid, li seta' wasal għal konklużjoni differenti abbażi ta' valutazzjoni aktar profonda. Madankollu, kwalunkwe valutazzjoni ulterjuri ta' din il-kwistjoni ġiet sospiża bid-dħul fis-seħħ tal-Att u b'hekk il-kredituri u l-qorti ma ngħatatilhom ebda opportunità biex jiddiskutu u jiddeċiedu dwar il-kwistjoni mill-perspettiva tal-interessi ekonomiċi tagħhom.

(84)

Għalkemm il-kredituri u l-qorti ġenerali ddeċidiet li NCHZ tkompli topera wara li l-Att skada, din id-deċiżjoni ttieħdet f'sitwazzjoni ekonomika differenti u kienet ibbażata fuq valutazzjoni ekonomika konsiderevolment aktar kumplessa u soda f'Diċembru 2010 fid-dawl tal-iskadenza tal-Att. Din l-analiżi primarjament kellha tqis li wara l-ewwel perjodu NCHZ kellha obbligazzjonijiet pendenti (kemm pubbliċi kif ukoll privati) mill-kontinwazzjoni preċedenti tal-operat tagħha li jammontaw għal EUR 16 miljun u dawn kienu prijorità fuq kwalunkwe obbligazzjoni ta' qabel il-falliment. Għalhekk, is-sitwazzjoni għall-kredituri ma kinitx l-istess bħal fil-bidu tal-proċedimenti ta' falliment meta parti kbira ta' dawk l-obbligazzjonijiet kienu għadhom ma ġewx imġarrba.

(85)

Barra minn hekk, l-inċertezza awtomatikament involuta fit-teħid ta' deċiżjonijiet taħt ir-regoli standard ta' falliment tneħħiet bl-applikazzjoni tal-Att għal NCHZ, li assigura li tal-anqas sakemm l-Att skada fi tmiem l-2010 NCHZ se tkun operattiva għalkollox. Din bagħtet sinjal qawwi lill-fornituri u lill-konsumaturi tal-kumpanija, li kienu żgurati li setgħu jżommu l-kummerċ ma' NCHZ, peress li l-kumpanija kienet se tibqa', minħabba l-istatus tagħha ta' kumpanija strateġika skont l-Att, operattiva għalkollox. Peress li s-sigurtà tal-provvista hija element importanti għal konsumaturi fis-settur kimiku, l-applikazzjoni tal-Att ipprovdiet vantaġġ sinifikanti lil NCHZ meta mqabbel mal-proċedura standard ta' falliment. Żgurat aktar lill-konsumaturi ta' NCHZ b'mod sinifikanti li minkejja telf ulterjuri u irrispettivament mill-fehmiet u l-interessi tal-kredituri tagħha, NCHZ se tkompli topera mill-inqas sakemm l-Att skada. NCHZ b'hekk irċeviet trattament privileġġjat meta mqabbel mal-kompetituri tagħha f'sitwazzjoni simili.

(86)

Ir-riskju li l-konsumaturi li jmorru għand fornituri oħra bħala riżultat tal-falliment mhux sempliċiment wieħed ipotetiku. Fil-fatt, anki bl-ilqugħ ipprovdut mill-applikazzjoni tal-Att, xi konsumaturi kienu ntilfu fl-2009 u fl-2010, kif indikat fl-analiżi ekonomika tal-amministratur magħmula wara li l-Att skada. Mingħajr l-applikazzjoni tal-Att ir-riskju li saħansitra iktar bejgħ jintilef minħabba l-inċertezzi maħluqa mill-proċedimenti ta' falliment kien se jkun sostanzjalment ogħla. Dan kien iżid ukoll ir-riskju li l-kredituri setgħu raw il-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ bħala li m'għadux jagħmel sens mil-lat ekonomiku.

(87)

Is-Slovakkja pprovdiet analiżi ipotetika mill-amministratur ibbażata fuq il-metodoloġija użata għall-analiżi fit-tieni perjodu li turi li li kieku l-likwidazzjoni ġiet ikkunsidrata fil-bidu tal-ewwel perjodu, ir-riżultat tal-analiżi ma kienx ikun differenti mill-eżitu tal-analiżi fit-tieni perjodu. Minkejja livell aktar baxx ta' obbligazzjonijiet kurrenti li jammontaw għal EUR 8,5 miljun, ir-rikavati mil-likwidazzjoni ma kinux ikunu akbar mill-kostijiet u l-obbligazzjonijiet kurrenti. Madankollu, din l-analiżi hija qasira ħafna u ipotetika u ġiet ippreżentata mill-amministratur biss wara l-avveniment (13), peress li ma kinitx imfassla u sottomessa qabel Marzu 2014.

(88)

Is-Slovakkja ma wrietx li l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ kien tassew ikun approvat fil-bidu tal-perjodu tal-falliment fuq il-bażi ta' analiżi u diskussjoni xierqa u fil-fond mill-partijiet interessati kollha, anki kieku l-Att ma ġiex applikat għal NCHZ. Fil-fatt, kieku l-Att ma ġiex applikat għal NCHZ, il-kumpanija kienet tiffaċċja konsegwenzi negattivi addizzjonali (bħal konsumaturi li jibdlu għal fornituri aktar sikuri), li kienu jżidu b'mod sinifikanti r-riskju li l-kredituri jagħżlu li ma jkomplux l-operat f'dak l-istadju.

(89)

L-applikazzjoni tal-Att għalhekk ipprovdiet lil NCHZ b'vantaġġ ekonomiku selettiv, peress li pproteġiet lill-kumpanija mill-kors normali ta' proċedimenti ta' falliment skont il-leġislazzjoni fallimentari standard. Hija ċaħħdet lill-amministratur, lill-kredituri u lill-qorti mill-possibbiltà li ma jkomplux l-operat ta' NCHZ jew jagħmlu tnaqqis sinifikanti fil-persunal (ara l-premessa (27)), jew fil-bidu tal-proċedimenti ta' falliment jew aktar tard (jiġifieri matul l-2010) fid-dawl tal-iżviluppi fis-sitwazzjoni ekonomika ta' NCHZ. Hija pprovdiet ukoll lil NCHZ u l-partijiet terzi (bħalma huma l-konsumaturi u l-fornituri) b'ċertezza ta' kontinwazzjoni ta' operat, li taħt regoli ta' falliment standard qatt ma tkun garantita.

(90)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-applikazzjoni tal-Att pprovdiet lil NCHZ b'vantaġġ ekonomiku mhux dovut.

5.2.3.   Valutazzjoni tal-miżuri

(91)

Id-deċiżjoni li jiġi applikat l-Att għal NCHZ, biex b'hekk tkun garantita il-kontinwazzjoni tal-operat tagħha, hija miżura individwali adottata mill-Gvern speċifikament rigward NCHZ u għalhekk hija, b'definizzjoni, selettiva.

(92)

L-awtoritajiet Slovakki jargumentaw li l-Att kien miżura ġenerali applikabbli għall-kumpaniji kollha li jissodisfaw il-kriterji stipulati fiha. Apparti l-fatt li l-miżura rilevanti mhijiex l-Att innifsu, iżda l-applikazzjoni tiegħu għal NCHZ b'deċiżjoni tal-Gvern, il-Kummissjoni tinnota li skont il-każistika stabbilita tal-qrati tal-UE l-fatt li l-Att kien miżura ġenerali ma jeskludix il-possibbiltà li jagħti vantaġġ selettiv lil entità partikolari.

(93)

L-ewwel nett, anki jekk l-Att kien miżura leġiżlattiva ġenerali, iċ-ċirkostanzi tal-każ jissuġġerixxu li fil-fatt kien immirat speċifikament lejn NCHZ (xi artikli tal-istampa saħansitra laqqmu l-Att “lex NCHZ”). L-att ġie adottat xahar wara li l-kumpanija ġiet iddikjarata falluta u NCHZ kienet l-unika kumpanija li għaliha l-Att ġie applikat.

(94)

It-tieni, biex l-Att jiġi applikat għal kumpanija partikolari, kienet meħtieġa deċiżjoni mill-Gvern li tiddikjara l-kumpanija “strateġika”, peress li l-Att ma kienx japplika awtomatikament għal kull kumpanija li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 1(2) tal-Att. Barra minn hekk, fid-dawl tal-mod ġenerali kif inhuma miktuba dawn il-kundizzjonijiet, il-Gvern kellu diskrezzjoni sinifikanti rigward liem kumpaniji jqis strateġiċi (14).

(95)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżura li tippermetti l-akkumulazzjoni ta' djun mhux imħallas ta' NCHZ lill-Istat tikkostitwixxi miżura selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

5.2.4.   Tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(96)

Il-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-Att kellha l-effett li jitnaqqsu l-kostijiet li NCHZ kien ikollha tħallas kieku l-Att ma ġiex applikat. Madankollu, l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ ma rendiex biżżejjed biex ikopri l-kostijiet operatorji kollha inklużi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u riċevibbli oħra tal-istat imġarrba matul il-proċedimenti ta' falliment. Minkejja l-inabbiltà tagħha biex tkopri l-obbligazzjonijiet kollha tagħha, u b'mod partikolari dawk fil-konfront tal-Istat (li baqgħu ma tħallsux għat-13-il xahar li tulhom l-Att kien fis-seħħ), NCHZ baqgħet attiva fis-suq toffri l-prodotti tagħha f'kompetizzjoni ma' produtturi Ewropej oħra ta' prodotti kimiċi.

(97)

Barra minn hekk, kif deskritt hawn fuq, l-applikazzjoni tal-Att pprovdiet lil NCHZ b'vantaġġi ekonomiċi li ma tgawdewx minn kumpaniji oħra f'sitwazzjoni simili. B'mod partikolari, x'aktarx kienet tnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju ta' telf ta' konsumaturi u fornituri matul il-proċedimenti ta' falliment. Il-fatt li l-kumpanija kienet obbligata, skont l-Att, li tkompli l-operati ħeġġeġ lis-sħab kummerċjali ta' NCHZ iżommu r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija. Is-sigurtà tal-provvista għall-konsumaturi ta' NCHZ, partikolarment importanti fl-industrija tal-kimika, kienet żgurata permezz tal-kontinwazzjoni tal-operat tan-negozju kif previst mill-Att. Kieku l-Att ma ġiex applikat, il-konsumaturi ta' NCHZ kienu x'aktarx ifittxu sorsi alternattivi ta' provvista minħabba l-biża' ta' waqfien għall-għarrieda ta' operati minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tiddeterjora tal-kumpanija falluta.

(98)

It-tnaqqis tal-kostijiet ta' kumpanija waħda jammonta għal għajnuna operattiva u għalhekk tfixkel il-kompetizzjoni għax il-kompetituri ta' NCHZ kellhom jħallsuhom dawk il-kostijiet jew ibatu l-konsegwenzi tal-inabbiltà li jħallsuhom. Barra minn hekk, il-miżuri setgħu wasslu għal xkiel tal-kompetizzjoni, billi b'mod artifiċjali jżżommu lil NCHZ fis-suq tal-karbur tal-kalċju u fi swieq oħra fejn hija kienet attiva.

(99)

Peress li hemm biss għadd limitat ta' produtturi ta' karbur tal-kalċju fl-UE u l-prodotti huma nnegozjati mal-Ewropa kollha, il-miżura inkwistjoni taffettwa wkoll b'mod ċar lill-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.2.5.   Konklużjoni dwar il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat

(100)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dikjarazzjoni ta' NCHZ bħala kumpanija strateġika skont l-Att kienet tikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur dik il-kumpanija, kienet imputabbli għall-Istat u kienet tinvolvi l-użu ta' riżorsi tal-Istat biex tfixkel il-kompetizzjoni f'suq miftuħ għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-miżura għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(101)

L-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi għall-obbligazzjonijiet mhux imħallsa dovuti lill-Istat u lil entitajiet statali akkumulati matul il-perjodu meta l-Att applika għal NCHZ. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mis-Slovakkja, id-dejn mhux imħallas fil-bidu tal-perjodu kien jammonta għal EUR 735 817,44 (15). Meta l-Att skada, l-obbligazzjonijiet pendenti kienu jammontaw għal EUR 5 519 241,54 (16). Għalhekk, l-ammont ta' għajnuna huwa ta' EUR 4 783 424,10.

5.3.   Il-kontinwazzjoni tal-operat skont id-deċiżjoni tal-kumitat tal-kredituri

(102)

Wara li l-Att skada, l-amministratur ma kienx għadu legalment obbligat li jkompli l-operat tal-kumpanija. Huwa informa lill-kredituri (kemm garantiti u mhux garantiti) li t-telf ta' NCHZ kien akkumula kontinwament minn mindu ġiet iddikjarata falluta u li l-kostijiet biex joperaw in-negozju kienu ogħla mir-rikavat mill-operat tagħha. Minkejja l-fatt li kienu konxji tal-kundizzjoni ħażina tal-kumpanija, il-kredituri kollha fil-kumitat tal-kredituri u l-kredituri garantiti qablu f'Jannar 2011 li NCHZ għandha tkompli topera. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata sussegwentement mill-qorti tal-fallimenti skont l-Att Slovakk dwar il-Falliment u għalhekk saret vinkolanti għal amministratur.

5.3.1.   Imputabbiltà u vantaġġ ekonomiku

(103)

Il-kontinwazzjoni tal-operati ta' NCHZ wara l-iskadenza tal-Att kienet ibbażata fuq deċiżjoni tal-kumitat tal-kredituri (korp rappreżentattiv ta' kredituri mhux garantiti), li l-membri tiegħu kienu prinċipalment kumpaniji privati. Il-proċedura ta' investigazzjoni formali wriet li l-ebda membru tal-kumitat tal-kredituri jew il-kredituri garantiti ma kellu d-dritt ta' veto skont l-Att Slovakk dwar il-Falliment. Fil-fatt, il-votazzjoni f'dawn il-korpi saret b'maġġoranza. Għaldaqstant, l-ebda entità statali ma setgħet tinforza l-interessi tagħha billi twaqqaf aktar akkumulazzjoni tad-djun.

(104)

Għaldaqstant jista' jiġi konkluż li l-kontinwazzjoni tal-operati ta' NCHZ kien ibbażata fuq deċiżjoni determinata mill-kredituri privati, peress li l-kredituri pubbliċi ma kinux f'pożizzjoni li jagħmlu veto fuq it-tkomplija tal-operat tal-NCHZ. Għal din ir-raġuni, id-deċiżjoni li NCHZ tkompli topera wara li l-Att skada ma tistax titqies bħala imputabbli lill-Istat.

(105)

Dan juri wkoll li d-deċiżjoni ta' diversi kredituri pubbliċi biex b'mod attiv jappoġġjaw li-kontinwazzjoni tal-operat tal-NCHZ fit-tieni perjodu ttieħdet fl-istess żmien u taħt l-istess kondizzjonijiet (pari passu) bħad-deċiżjonijiet tal-kredituri privati komparabbli, li tfisser li l-kredituri pubbliċi aġixxew f'konformità mal-prinċipju tal-kreditur f'ekonomija tas-suq.

(106)

Barra minn hekk, għal finijiet ta' kompletezza, il-Kummissjoni vverifikat l-analiżi ekonomika magħmula mill-amministratur, li kien disponibbli għall-kredituri u l-qorti fil-mument relevanti. L-analiżi tidentifika diversi xenarji possibbli u tqabbel il-kostijiet u d-dħul mill-perspettiva tal-kredituri ta' NCHZ. B'mod partikolari, l-analiżi tindika li li kieku ma tkompliex l-operat ta' NCHZ kien iwassal għal kostijiet sinifikanti li jammontaw għal aktar minn EUR 48 miljun. Il-biċċa l-kbira tal-kostijiet relatati mal-għeluq u tindif ambjentali tas-siti tal-produzzjoni kimika (madwar EUR 37,3 miljun) u kostijiet tal-persunal (EUR 10,5 miljun kieku l-obbligi legali kollha ġew sodisfatti). Fl-istess ħin, id-dħul mistenni mill-bejgħ ta' assi individwali kien fl-akwati ta' EUR 47-52 miljun (mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kostijiet addizzjonali taż-żarmar u t-tneħħija tat-tagħmir).

(107)

Peress li l-obbligazzjonijiet pendenti (pubbliċi u privati) imġarrba mill-operat waqt il-proċedimenti ta' falliment (EUR 16 miljun f'dak iż-żmien) kellhom trattament preferenzjali, l-ebda pretensjoni ta' qabel il-falliment ma kienet tiġi ssodisfata. Madankollu, l-analiżi tqis li l-bejgħ tal-impriża b'kontinwazzjoni tal-operat x'aktarx kien iwassal għal dħul ogħla, peress li xi tagħmir teknoloġiku kien jiġi ddanneġġat b'mod irreparabbli kieku l-operart ma tkompliex. L-analiżi tindika wkoll li, minkejja l-falliment tal-ewwel sejħa għall-offerti, kien hemm bosta xerrejja interessati. B'mod ġenerali, l-analiżi kkonkludiet li kien fl-interess tal-kredituri li jkompli l-operat ta' NCHZ u li n-negozju jinbiegħ bħala negozju avvjat.

(108)

L-analiżi ekonomika tal-amministratur kienet ukoll akkumpanjata minn analiżi magħmula mill-maniġment ta' NCHZ. Dik l-analiżi kkunsidrat li l-valur reali mistenni tal-assi tal-kumpanija f'każ li ma tkompliex l-operat kien jammonta biss għal EUR 15,5 miljun, li tagħmel il-waqfien tal-operat ta' NCHZ saħansitra inqas attraenti għall-kredituri. Barra minn hekk, l-istudju argumenta li l-kumpanija setgħet tkun mibjugħa b'suċċess wara li ċertu miżuri ta' ristrutturar jiġu adottati; peress li l-Att għamel is-sensi ta' ħaddiema pjuttost diffiċli, tnaqqis fil-persunal ġew implimentati minn NCHZ biss wara li l-Att ma baqax japplika fil-bidu tat-tieni perjodu. B'mod ġenerali, l-istudju kkonkluda wkoll li l-kredituri kienu jmorru aħjar kieku NCHZ inbiegħet bħala negozju avvjat.

(109)

Il-proposta għall-kontinwazzjoni tal-operat abbażi ta' dawk id-dokumenti kienet sussegwentement aċċettata mill-kredituri kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Il-Kummissjoni tinnota li d-djun dovuti lil mill-inqas xi wħud mill-kredituri privati kienu wkoll qed jiżdiedu matul il-perjodu ta' falliment, bl-ammont finali ta' EUR 11,5 miljun.

(110)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni fil-fond uriet li tnejn biss mill-erba' kredituri pubbliċi rrappreżentati fil-korpi ta' kreditur (il-Fond Nazzjonali tal-Proprjetà, il-Fond Ambjentali, il-Bank Slovakk għall-Garanziji u l-Iżvilupp u l-Belt ta' Nováky) kienu direttament ikkonċernati bit-theddida ta' akkumulazzjoni ulterjuri tad-djun dovuti lilhom minn NCHZ matul il-kontinwazzjoni tal-operat tagħha. Dawn kienu l-Fond Ambjentali, li l-pretensjonijiet addizzjonali tiegħu matul it-tieni perjodu kienu biss EUR [100-500] elf, u l-Belt ta' Nováky, li l-pretensjonijiet pendenti addizzjonali tagħha matul it-tieni perjodu tela' għal EUR [300-800] elf. Il-kredituri pubbliċi ewlenin li l-ammonti dovuti lilhom akkumulawlhom matul il-proċedimenti ta' falliment, b'mod partikolari l-kumpaniji tas-saħħa pubblika u tal-assigurazzjoni tas-sigurtà soċjali, ma kienu rappreżentati fuq l-ebda korp ta' kredituri li jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ. Għalhekk, huma ma kellhom l-ebda possibbiltà li jinfluwenzaw direttament it-teħid ta' deċiżjonijiet u b'hekk ma setgħux jevitaw li il-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ. Dawk il-kredituri pubbliċi għamlu kulma setgħu biex jirkupraw id-djun billi rreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom mal-amministratur tal-falliment u bl-użu ta' mekkaniżmi ta' infurzar kollha disponibbli taħt l-Att dwar il-Falliment.

(111)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-imġiba ta' entitajiet statali differenti kienet skont it-test tal-kreditur privat.

(112)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li NCHZ ma bbenefikatx minn vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha li ma kinitx tirċevieh xorta f'kundizzjonijiet normali tas-suq fit-tieni perjodu meta l-Att ma kienx iktar applikabbli u NCHZ kompliet l-operat tagħha fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-kumitat tal-kredituri.

5.3.2.   Konklużjoni dwar il-preżenza ta' għajnuna mill-Istat

(113)

Peress li minn tal-inqas żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jiddefinixxu l-għajnuna mill-istat (l-imputabbiltà lill-Istat u l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku) mhumiex sodisfatti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ skont id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-kredituri ma tikkostitwixxix għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

5.4.   Għajnuna illegali

(114)

Il-Kummissjoni tinnota li, peress li l-applikazzjoni ta' dan l-Att għal NCHZ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ġiet mogħtija bi ksur tan-notifika u tal-obbligi ta' sospensjoni stabbiliti fl-Artikolu 108(3) TFUE. B'hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna mogħtija lil NCHZ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali.

5.5.   Il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern

(115)

Peress li l-miżura identifikata hawn fuq tikkostitwixxi għajnun mill-istat fi ħdan it-tifsira fl-Artikolu 107(1) TFUE, il-kompatibbiltà tagħha trid tiġi evalwata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stabbiliti f'paragrafi 2 u 3 ta' dak l-Artikolu.

(116)

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kompitu tal-Istat Membru li jinvoka raġunijiet possibbli ta' kompatibbiltà u li juri li l-kundizzjonijiet għal tali kompatibbiltà jintlaħqu (17). L-awtoritajiet Slovakki jqisu li l-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-istat u ma ċċitaw l-ebda raġuni possibbli li fuqhom tiġi vvalutata l-kompatibbiltà.

(117)

Il-Kummissjoni madankollu vvalutat jekk kwalunkwe waħda mir-raġunijiet stipulati fit-TFUE ikunux applikabbli prima facie għall-miżuri taħt valutazzjoni.

(118)

Peress li l-NCHZ kienet is-suġġett ta' proċedimenti ta' falliment fi żmien meta ġew konċessi l-miżuri, kienet ċarament kumpanija f'diffikultà fi ħdan it-tifsira tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà (“il-Linji gwida S u R”) (18).

(119)

Għaldaqstant, kwalunkwe evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' għajnuna mill-istat mas-suq intern għandha fil-prinċipju ssir abbażi tal-kriterji stabbiliti f'dawk il-linji gwida.

(120)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kundizzjonijiet għal għajnuna ta' salvataġġ stipulati f'punt 3.1 tal-Linji Gwida S u R ma jidhrux li huma ssodisfati: b'mod partikolari, il-miżuri ma jikkonsistux f'għajnuniet ta' likwidità fil-forma ta' garanziji ta' self jew self u ma kinux akkumpanjati minn impenn mis-Slovakkja li tikkomunika lill-Kummissjoni pjan ta' ristrutturar jew pjan ta' likwidazzjoni u l-bqija.

(121)

F'dak li għandu x'jaqsam ma' għajnuna għar-ristrutturar kif definit fil-punt 3.2 al-Linji Gwida S u R, il-Kummissjoni tosserva li s-Slovakkja ma nnotifikat l-ebda miżura identifikata hawn fuq bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni u li hija naqset milli turi li xi elementi meħtieġa sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiesu bħala tali huma preżenti (pjan ta' ristrutturar, il-kontribuzzjoni proprja, il-miżuri kompensatorji u l-bqija).

(122)

Il-punt 34 tal-Linji Gwida S u R jeħtieġ li l-għoti tal-għajnuna jkun kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni ta' pjan ta' ristrutturar, li għandu jkun approvat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta' għajnuna individwali. L-għajnuna f'dan il-każ kienet mogħtija mingħajr pjan ta' ristrutturar kredibbli li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida S u R. Din iċ-ċirkustanza fiha nnifisha kienet tkun biżżejjed biex teskludi l-kompatibbiltà ta' dawn il-miżuri mas-suq intern.

(123)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-Slovakkja ma ġabet għall-attenzjoni tal-Kummissjoni l-ebda fatt li għandu jiżgura konformità mar-rekwiżiti meħtieġa biex l-għajnuna għar-ristrutturar tinstabb kompatibbli: ir-restawr tal-vijabbiltà fit-tul ta' NCHZ, livelli aċċettabbli ta' kontribuzzjoni proprja, miżuri kompensatorji adegwati, u l-bqija.

(124)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura identifikata hawn fuq mhijiex kompatibbli fuq il-bażi tal-Linji Gwida S u R, u għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-istat li hija inkompatibbli mas-suq intern.

5.6.   L-irkupru tal-għajnuna

(125)

Skont it-Trattat u l-każistika stabbilita tal-qorti, il-Kummissjoni għandha normalment tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jannulla għajnuna mogħtija illegalment meta din l-għajnuna tinstabli kienet inkompatibbli mas-suq intern (19). Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat Membru li jannulla għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (20).

(126)

F'dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li dan l-objettiv jintlaħaq ġaladarba r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b'hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu minflok il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet restawrata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna (21).

(127)

F'konformità mal-każistika, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 jistipula li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju …” (22).

(128)

B'hekk, minħabba li l-miżuri inkwistjoni ma kinux innotifikati lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 108 tat-Trattat, iżda jridu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna illegali u inkomptibbli, l-ammonti mogħtija jridu jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħataw. L-irkupru għandu għalhekk ikopri ż-żmien minn meta seħħ il-vantaġġ għall-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sal-irkupru effettiv tagħha u s-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom imgħax sal-irkupru effettiv. L-irkupru għandu jqis l-ammonti ta' djun pendenti li jikkostitwixxu għajnuna statali li ntwerew li kienu diġà mħallsa lura mir-rikavat tal-bejgħ tal-assi ta' NCHZ.

(129)

Fid-dawl tal-bejgħ tan-negozju ta' NCHZ lil Via Chem Slovakia u Fortischem, il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltà ta' kontinwità ekonomika bejn dawn il-kumpaniji sabiex tanalizza jekk l-irkupru tal-għajnuna għandux ikun estiż għalihom jew le.

5.7.   Kontinwità ekonomika ta' NCHZ permezz tal-bejgħ tan-negozju

(130)

Kif indikat, f'każ ta' deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni rigward l-irkupru ta' għajnuna inkompatibbli lil impriża fil-kuntest tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, l-Istat Membru inkwistjoni huwa meħtieġ li jirkupra l-għajnuna inkompatibbli. L-obbligu ta' rkupru jista' jiġi estiż għal kumpanija ġdida li lilha l-kumpanija inkwistjoni ġiet trasferita jew mibjugħa parti mill-assi tagħha, fejn dik l-istruttura ta' trasferiment jew bejgħ twassal għall-konklużjoni li hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpaniji (23).

(131)

Fir-rigward tal-għan tat-tranżazzjoni, il-Kummissjoni tinnota li, għalkemm m'għandhiex evidenza diretta li l-intenzjoni tat-tranżazzjoni kienet li tevita l-effetti ta' deċiżjoni potenzjali ta' rkupru, kien madankollu ċar għall-awtoritajiet Slovakki li l-Kummissjoni kienet qed tinvestiga b'mod preliminarju ilment kontra NCHZ mis-17 ta' Ottubru 2011 (ara premessa (2)) u li kien hemm pretensjoni eżistenti għall-ħlas tal-multa tal-kartell ta' EUR 19,6 miljun imposta fuq NCHZ b'deċiżjoni tat-22 ta' Lulju 2009 (ara l-premessa (12)).

(132)

Skont id-deċiżjoni tal-Qorti f'l-Italja u SIM 2 vs il-Kummissjoni  (24), li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjonijiet tagħha dwar il-kumpaniji Olympic Airlines, Alitalia u SERNAM (25), il-valutazzjoni ta' kontinwità ekonomika bejn il-benefiċjarju tal-għajnuna u l-impriża li l-assi tagħha ġew trasferiti huwa stabbilit abbażi ta' sett ta' indikaturi. Il-fatturi li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati: il-prezz tal-bejgħ korrispondenti għal prezz tas-suq jew le, l-ambitu tal-assi mibjugħin (assi u obbligazzjonijiet, iż-żamma tal-persunal, l-assi kollha kemm huma), l-identità tax-xerrej(ja), iż-żmien ta' bejgħ (wara l-bidu ta' valutazzjoni preliminari, il-proċedura ta' investigazzjoni formali jew id-deċiżjoni finali) u l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni. Dan is-sett ta' indikaturi ġie kkonfermat mill-Qorti fis-sentenza tagħha tat-28 ta' Marzu 2012, Ryanair vs il-Kummissjoni, li kkonfermat id-deċiżjoni Alitalia (26).

(133)

Fid-dawl tal-bejgħ tan-negozju ta' NCHZ lil Via Chem Slovakia, u sussegwentement lil Fortischem, il-Kummissjoni se tanalizza għalhekk, abbażi tal-kriterji elenkati hawn fuq, jekk hemmx kontinwità ekonomika bejn NCHZ u n-negozju finalment miksub u attwalment operat minn Fortischem.

(134)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li mhuwiex xieraq li jiġu analizzati separatament il-kontinwitajiet ekonomiċi taż-żewġ tranżazzjonijiet li wasslu għall-akkwist tal-attivitajiet tan-negozju ta' NCHZ minn Fortischem, jiġifieri l-ewwel bejgħ lil Via Chem Slovakia u mbagħad il-bejgħ lil Fortischem. Via Chem Slovakia biegħet in-negozju lil Fortischem fit-tieni tranżazzjoni fl-1 ta' Awwissu 2012, jiġifieri ġurnata biss wara li għalqet l-ewwel tranżazzjoni. Għalhekk, Via Chem Slovakia filfatt qatt ma mmaniġġjat u operat l-attivitajiet tan-negozju ta' NCHZ li akkwistat.

(135)

Il-Kummissjoni tagħraf li l-ambitu taż-żewġ tranżazzjonijiet mhuwiex eżattament l-istess, peress li Via Chem Slovakia żammet is-sjieda ta' ċerti assi immobbli (bini u art). Madankollu, huwa evidenti mill-informazzjoni pprovduta li l-attivitajiet ekonomiċi kollha ta' NCHZ akkwistati minn Via Chem Slovakia ġew trasferiti immedjatament lil Fortischem. Bl-eċċezzjoni waħdanija tal-assi immobbli, Fortischem ħadet f'idejha minn Via Chem Slovakia l-assi u drittijiet kollha relatati mal-produzzjoni kimika (magni u tagħmir ta' produzzjoni, kuntratti, eċċ.) kif ukoll impenji relatati mal-produzzjoni kimika (inkluż il-kuntratti tal-impjieg kollha). L-assi immobbli li ma nbigħux lil Fortischem iżda kienu meħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi ta' NCHZ kienu disponibbli għal Fortischem abbażi ta' kuntratt tal-lokazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni se tanalizza direttament jekk kienx hemm kontinwità ekonomika bejn NCHZ u l-attivitajiet tan-negozju tagħha miksuba minn Fortischem. Il-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet ser ikunu kkunsidrati sal-punt li huma rilevanti għal din il-valutazzjoni.

5.7.1.   Prezz tal-bejgħ

(136)

Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-prezz ta' EUR 2,2 miljun imħallas għall-assi tal-kumpanija minn Via Chem Slovakia, l-offerent rebbieħ, kienx jirrappreżenta prezz tas-suq.

(137)

Is-sejħa għall-offerti ġabet magħha kundizzjonijiet mehmuża li jidhru li x'aktarx baxxew il-valur tal-assi. Skont il-kundizzjonijiet tas-sejħa, offerenti potenzjali setgħu jagħżlu jekk jagħmlux l-offerta tagħhom bl-“Impenji taċ-Ċessjonarju” jew mingħajrhom (għad-dettalji ara l-premessi (17) u (18)).

(138)

Ir-regoli tas-sejħa kienu jistipulaw li, jekk l-ogħla offerta kienet minn offerent li għażel ma jżommx ma' dawn l-impenji, l-ogħla offerent li jagħmel dawk l-impenji jkollu l-possibbiltà li jirrikonċilja mal-ogħla offerta. Il-Kummissjoni tqis li din il-possibilità għal offerent wieħed biex iżid l-offerta tiegħu wara li l-offerti kollha ġew sottomessi x'aktarx li tiskoraġġixxi lil parteċipanti potenzjali u/jew ikollha impatt negattiv fuq l-offerti li jsiru.

(139)

Fil-fatt, wieħed mill-elementi li jiżguraw li l-ogħla prezz huwa miksub f'offerta hija l-inċertezza fir-rigward tal-prezzijiet offruti minn offerenti oħra. Jekk offerent li jissottometti offerta bl-impenji jaf li l-offerta tiegħu għandha għalfejn biss tkun l-ogħla fost l-offerti b'impenji u li se jkun jista' jirrikonċilja l-offerta tiegħu għal dak li jagħmel l-ogħla offerta mingħajr l-impenji, huwa jista' jkun li jagħmel offerta iktar baxxa milli kieku ma kienet prevista l-ebda opportunità biex jirrikonċilja fil-kundizzjonijiet tas-sejħa.

(140)

Barra minn hekk, din il-kundizzjoni setgħet tiskoraġġixxu l-offerenti li ma jixtiqux jagħmlu offerta b'impenji peress li jafu li, anki jekk l-offerta tagħhom hija l-ogħla, tista' tkun rifjutata għaliex xerrej ieħor li huwa ppreparat li jieħu l-impenji jista' jirrikonċilja mal-offerta tiegħu. Jekk dan iseħħ, l-offerent mingħajr impenji mhuwiex mogħti l-opportunità biex jagħmel l-offerta mill-ġdid u joffru prezz ogħla ta' xiri.

(141)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti jidhru li jagħtu preferenza lil offerenti li jżommu l-impenji, peress li jekk żewġ offerenti joffru l-istess prezz, wieħed b'impenji u waħda mingħajr, l-offerta mal-impenji hija ppreferut fuq l-oħra. Din tidher li hija indikazzjoni li l-prezz li jista' jinkiseb fl-assenza ta' dawn l-impenji jistgħu ikun potenzjalment ogħla mill-prezz offrut mill-offerent rebbieħ. Jista' jiġi raġonevolment preżunt li l-obbligu li jiġu ssodisfati l-impenji għandu implikazzjonijiet finanzjarji għax-xerrej li jieħu inkunsiderazzjoni meta jissottometti l-offerta tiegħu. Mingħajr l-impenji, il-prezz offrut minn dak ix-xerrej x'aktarx għalhekk li jkun ogħla.

(142)

Is-Slovakkja targumenta li anki offerent li offra li jaċċetta l-impenji ma setax ikun ċert li ma jkun hemm ebda offerent ieħor joffri impenji b'offerta potenzjalment ogħla. Madankollu, dan ma jimminax il-fatt li offerenti mingħajr impenji kienu b'mod ġenerali ttrattati b'mod inqas favorevoli minn offerenti b'impenji, u li l-offerenti potenzjali li mhux lesti li jżommu l-impenji jistgħu b'hekk ġew skoraġġuti milli jipparteċipaw.

(143)

Is-Slovakkja targumenta wkoll li, fid-dawl tal-volum totali tal-impenji, li qabżu EUR 11-il miljun, kien improbabbli ħafna li xi offerent se jissottometti offerta li żżomm dawn l-impenji. Hija ssostni li, b'mod partikolari fid-dawl tal-prezz ta' EUR 2 miljuni biss offruti matul l-ewwel sejħa, li l-ebda parteċipant razzjonali fis-sejħa għall-offerti ma kien se jidħol għal impenji b'tali implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti. L-impenji fil-fatt jinkludu investimenti ta' mill-inqas EUR 11-il miljun. Madankollu, l-investiment huwa allokat biex jiffinanzja miżuri li jiżguraw il-konformità mar-regoli ambjentali applikabbli meħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-produzzjoni kimika. Kull offerent li jixtieq ikompli l-produzzjoni kimika jkollu bżonn jagħmel tali investiment u dan l-ammont b'hekk jeħtieġ li jiġi kkunsidrati wkoll minn offerenti li ma jidħlux għall-impenji. Filwaqt li ż-żewġ impenji l-oħra (msemmija fil-premessa (17)) kellhom effett potenzjali fuq il-prezz, xerrej li jippjana li jżomm jew anke jespandi l-attivitajiet ta' NCHZ ma jsibx dawk l-impenji ta' piż eċċessiv, meta wieħed iqis il-vantaġġ mogħti fis-sejħa lil offerenti bl-impenji. Għaldaqstant, il-possibbiltà ta' offerta li tidħol għall-impenji ma tistax tiġi mwarrba bħala “estremament improbabbli” u li din il-possibbiltà kienet għalhekk suxxettibbli li tinfluwenza l-prezz offrut fl-offerta.

(144)

Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar ebda offerta b'impenji ma ġiet irċevuta, il-kundizzjonijiet ma ppermettewx għall-inklużjoni tal-ogħla għadd possibbli ta' offerenti joffru kontra xulxin l-aħjar offerti tagħhom, li huwa prerekwiżit għal bejgħ bl-ogħla prezz tas-suq possibbli.

(145)

Barra minn hekk, il-bejgħ kien organizzat bħala bejgħ tan-negozju sħiħ bħala negozju avvjat, jiġifieri bl-assi kollha miġbura flimkien u l-ebda offerent ma seta' jixtri xi assi separatament. Dan eskluda l-possibbiltà li jiġi mmassimizzat il-prezz finali permezz ta' offerti għal oqsma parzjali tal-attivitajiet ta' NCHZ (filwaqt li fl-istess ħin jiġu evitati jew limitati d-diffikultajiet potenzjali li jirriżultaw min-nuqqas ta' kontinwazzjoni possibbli tal-operati). Il-Kummissjoni tosserva li d-dokumenti sottomessi mill-awtoritajiet Slovakki jindikaw li kien hemm offerenti potenzjali li kienu interessati jakkwistaw biss xi partijiet min-negozju ta' NCHZ (pereżempju, bluO Epsilon Limited kienet interessata biss fl-akkwist tal-faċilitajiet ta' produzzjoni tal-karbur). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li bejgħ ta' oqsma parzjali tan-negozju ta' NCHZ ma kinux iwasslu għal prezz tal-bejgħ totali ogħla.

(146)

Fir-rigward tal-bejgħ minn Via Chem Slovakia lil Fortischem, kienet tranżazzjoni bejn żewġ partijiet privati fejn l-ebda sejħa ma ġiet organizzata. Il-prezz kien sempliċiment negozjat bejn iż-żewġ partijiet privati mingħajr ebda possibbiltà għal partijiet oħra li joffru prezz ogħla. Għaldaqstant, dubji dwar jekk il-prezz imħallas minn Via ChemSlovakia kienx jikkorrispondi għal prezz tas-suq għandhom ukoll x'jaqsmu mal-prezz imħallas minn Fortischem.

(147)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, jidher probabbli li l-assi ta' NCHZ ma kinux mibjugħa f'mod li żgura l-massimizzazzjoni tad-dħul min-negozju trasferit.

(148)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezz imħallas minn Via Chem Slovakia għan-negozju ta' NCHZ ma kienx probabbilment prezz tas-suq realistiku, peress li l-kundizzjonijiet tal-offerta kif ukoll il-fatt li l-offerenti kellhom jagħmlu offerta għall-assi kollha miġbura flimkien kellhom impatt fuq il-prezz.

5.7.2.   Ambitu tat-tranżazzjoni

(149)

Sabiex tiġi evitata kontinwità ekonomika, l-assi u l-elementi l-oħra tan-negozju trasferiti jeħtieġu li jirrappreżentaw biss parti mill-kumpanija preċedenti jew l-attivitajiet tagħha. Ikbar ma tkun il-parti tan-negozju oriġinali li tiġi trasferita lil entità ġdida, aktar ikun hemm probabbiltà li l-attività ekonomika relatata ma' dawn l-assi tkompli tibbenefika mill-għajnuna inkompatibbli.

(150)

Għalkemm is-Slovakkja ssostni li l-bejgħ kien “asset deal”, it-termini tal-bejgħ effettivament jindikaw li l-kumpanija kienet mibjugħa bħala negozju avvjat. Kif indikat fil-premessa (19) hawn fuq, l-assi kollha u mill-inqas parti mill-impenji trasferibbli nbiegħu lis-sid il-ġdid.

(151)

Il-bejgħ ta' NCHZ lil Via Chem Slovakia ġiet approvata mill-Awtorità Slovakka tal-Kompetizzjoni fid-19 ta' Lulju 2012. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li n-negozju sħiħ ta' NCHZ, bħala negozju avvjat, kien is-suġġett ta' fużjoni nnotifikata u b'hekk tal-bejgħ (27).

(152)

L-ambitu tal-attività tan-negozju akkwistat minn Fortischem jibqa' l-istess bħall-ambitu preċedenti tal-attivitajiet ta' NCHZ. Dan jintwera permezz ta' paragun bejn il-programm tal-produzzjoni ta' NCHZ fil-bidu nett tal-proċedimenti ta' falliment (28) ma' programm ta' produzzjoni attwali skont il-websajt ta' Fortischem (29). Fiż-żewġ każi, l-oqsma prinċipali tal-attività ta' NCHZ u Fortischem rispettivament jikkonsistu f'kimiki inorganiċi (elettrolitiku), inklużi l-karbur tal-kalċju, kimiki organiċi, polimeri u prodotti tal-ipproċessar tal-PVC. L-14-il prodott ewlieni minn dawn l-oqsma ta' produzzjoni, li jirrappreżentaw 99 % tad-dħul ta' NCHZ fl-2008 (30), huma wkoll prodotti minn Fortischem. Id-dħul iġġenerat minn dawn il-prodotti mibjugħa minn Fortischem kien jammonta għal EUR 161,3 miljun fl-2013 (31). Dan id-dħul huwa komparabbli għad-dħul tal-NCHZ ta' madwar EUR 150-160 miljun matul il-proċedimenti ta' falliment (32). Għaldaqstant, kemm il-programm tal-produzzjoni u d-dħul tan-negozju trasferit baqgħu l-istess bħal dawk ta' NCHZ. Iktar minn 95 % tal-1 412-il impjegat ta' NCHZ kienu trasferiti wkoll lil Fortischem. L-impjegati ma ngħatawx is-sensja u reġgħu ġew impjegati minn Fortischem, minflok il-kuntratti tax-xogħol tagħhom kienu sempliċiment trasferiti lil Fortischem.

(153)

Is-Slovakkja targumenta li inqas minn 60 % tan-negozju ġie trasferit, b'mod partikolari minħabba li ma ġiet inkluża l-ebda proprjetà immobbli. Madankollu, kif spjegat hawn fuq (ara l-premessa (134)), Fortischem tikri b'lokazzjoni l-proprjetà immobbli (art u bini) meħtieġa għall-produzzjoni kimika mingħand Via Chem Slovakia. Barra mill-proprjetà immobbli, l-assi l-oħra kollha, id-drittijiet u l-obbligi relatati mat-trasferiment tan-negozju ġew akkwiżiti minn Fortischem. Għalhekk Fortischem tmexxi n-negozju ta' NCHZ u tkompli bl-istess portafoll ta' prodotti.

(154)

Barra minn hekk, Fortischem żammet ukoll il-maniġment eżistenti ta' NCHZ. Pereżempju, is-CEO ta' NCHZ qabel it-trasferiment tan-negozju sar il-President tal-Bord tad-Diretturi ta' Fortischem.

(155)

Fil-mument tal-akkwist tan-negozju ta' NCHZ, Fortischem wkoll ħabbret pubblikament fl-istampa li hija ma kinitx qed tippjana xi bidliet kbar fir-rigward tal-persunal jew il-produzzjoni u li kienet se żomm il-maniġment eżistenti (33).

(156)

Għaldaqstant, fir-rigward tal-ambitu tat-tranżazzjoni, Fortischem effettivament ħadet f'idejha l-attivitajiet ekonomiċi kollha ta' NCHZ, flimkien mal-assi, id-drittijiet u l-obbligi assoċjati kollha. Il-fatt li parti mill-assi huma użati abbażi ta' kuntratt ta' lokazzjoni aktar milli bi sjieda diretta ma jbiddilx il-fatt li Fortischem sempliċiment qed tkompli l-attivitajiet ekonomiċi ta' NCHZ fl-istess ambitu bħal qabel it-tranżazzjoni.

(157)

Barra minn hekk, iż-żewġ partijiet interessati li ssottomettew kummenti jsostnu wkoll li Fortischem qed tkompli taġixxi bl-istess mod bħal NCHZ, toffri l-istess portafoll ta' prodotti fl-istess swieq ġeografiċi u li l-unika bidla viżibbli hija l-bidla fl-isem.

(158)

Għaldaqstant, Fortischem qed tkompli n-negozju ta' NCHZ mingħajr ebda bidliet kbar ta' politika kummerċjali, ta' persunal jew ta' produzzjoni.

5.7.3.   L-identità tas-sidien

(159)

Fejn is-sidien ta' kumpanija li takkwista huma l-istess bħal dawk ta' kumpanija tal-bejgħ, din tkun indikazzjoni qawwija ta' kontinwità ekonomika.

(160)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tiġbor ebda evidenza li tikkonferma l-allegazzjonijiet tal-ilmentatur li hemm rabtiet bejn is-sidien l-oriġinali u l-ġodda finali tan-negozju NCHZ. Filwaqt li l-proprjetarji diretti huma differenti, mhuwiex possibbli li jiġi vverifikat minn sorsi indipendenti u affidabbli li s-sidien aħħarija huma wara xi wħud mill-kumpaniji prinċipali diretti jew indiretti bbażati Ċipru.

(161)

Madankollu, l-awtoritajiet Slovakki ppreżentaw dikjarazzjonijiet ġuramentati minn Energochemica, il-kumpanija prinċipali attwali ta' Fortischem, li jiddikjaraw li s-sidien ta' Fortischem b'ebda mod ma huma marbuta mas-sidien preċedenti ta' NCHZ.

(162)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza li turi bil-kontra, il-Kummissjoni tippreżumi li ma hemm ebda rabta bejn is-sidien l-oriġinali u l-ġodda tan-negozju NCHZ ittrasferit lil Fortischem.

5.7.4.   Iż-żmien tal-bejgħ

(163)

Il-bejgħ sar wara li l-Kummissjoni kienet fetħet l-investigazzjoni preliminari dwar l-ilment u ressqet l-ilment għall-kummenti lill-Istat. Għaldaqstant, għallinqas l-Istat Slovakk kien konxju li kien hemm il-possibbiltà li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli li trid tiġi rkuprata.

5.7.5.   Loġika ekonomika tal-operazzjoni

(164)

L-iskop tal-kriterju loġiku ekonomiku huwa li jiġi vverifikat jekk l-akkwirent tal-assi użahomx bl-istess mod bħall-bejjiegħ jew jekk, għall-kuntrarju, integrax l-assi fl-istrateġija kummerċjali tiegħu stess u b'hekk irrealizza sinerġiji li jiġġustifikaw l-interess tiegħu fl-akkwist ta' dawn l-assi.

(165)

L-akkwist minn Fortischem involva d-diviżjoni kimika sħiħa ta' NCHZ, jiġifieri l-parti ewlenija tan-negozju NCHZ bħala negozju avvjat, flimkien ma' aktar minn 95 % tal-impjegati u d-drittijiet u l-obbligi relatati. Kif muri hawn fuq, il-portafoll tal-produzzjoni u l-ambitu tal-attivitajiet ta' Fortischem huma identiċi għal dawk ta' NCHZ.

(166)

Fortischem ukoll ħabbret pubblikament fl-istampa li ma kellha pjan għal ebda tibdiliet kbar fil-mod kif in-negozju ta' NCHZ jopera u fl-ambitu tal-attivitajiet tagħha (34). Għalkemm Fortischem tifforma parti minn grupp akbar ta' kumpaniji, fil-grupp Energochemica, ma jidhirx li hemm xi effetti kbar ta' sinerġija ma' membri oħra tal-grupp. Għalkemm xi wħud minnhom huma wkoll attivi fl-industrija tal-kimiki, il-qasam ta' attività tagħhom huwa differenti (stabilizzaturi tad-dawl, reżini fenoliċi, deterġenti, eċċ.), u konsegwentement ma jidhirx li hemm rabta kbira mal-attivitajiet ta' Fortischem.

(167)

Għalhekk, ma kien hemm ebda bidla fl-istrateġija kummerċjali u Fortischem sempliċement tuża l-assi bl-istess mod bħall-bejjiegħ.

5.7.6.   Konklużjoni dwar il-kontinwità ekonomika bejn NCHZ u l-attivitajiet ekonomiċi akkwistati u operati minn Fortischem

(168)

Kumplessivament, jidher li l-uniċi tibdiliet jikkonċernaw l-isem tal-kumpanija u l-entità legali li għaliha tappartjeni. Artikolu 1.2 tal-kondizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti jistipula li NCHZ hija maħsuba li tinbiegħ fl-intier tagħha bħala sett ta' assi tanġibbli u intanġibbli flimkien mal-persunal tagħha. Artiklu 3.1 tal-ftehim ta' bejgħ bejn Via Chem Slovakia u NCHZ datat is-16 ta' Jannar 2012 jiddikjara li “in-negozju avvjat li qed jiġi trasferit skont dan il-Ftehim jinkludi l-assi kollha immobbli, l-assi mobbli, id-drittijiet u l-valuri tal-propjetà l-oħra li: (i) iservu l-operat tan-negozju avvjat, jew, skont il-karatteristika tagħhom, huma intenzjonati biex iservi tali għan, u (ii) mid-data deċiżiva jappartjenu għall-Bejjiegħ”. Barra minn hekk, l-akkwirent ikompli bil-portafoll tal-produzzjoni u l-politika kummerċjali ta' NCHZ. Fl-aħħar nett, il-prezz imħallas għan-negozju NCHZ probabbilment ma jikkostitwixxix prezz tas-suq.

(169)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm kontinwità ekonomika bejn NCHZ u Fortischem.

(170)

Bħala konsegwenza ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-vantaġġ mogħti mis-Slovakkja lil NCHZ jikkostitwixxi għajnuna mill-istat illegali u inkompatibbli, u li l-irkupru ta' din l-għajnuna mill-istat inkompatibbli mogħtija lil NCHZ għandha tiġi estiża wkoll lis-sid il-ġdid tan-negozju. Bil-preżenza operattiva kontinwa tagħha fis-suq, Fortischem ikompli jibbenefika minn għajnuna mill-istat li kienet irċevuta għal attivitajiet ekonomiċi ta' NCHZ u li tkompli tfixkel il-kompetizzjoni.

6.   KONKLUŻJONI

(171)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li d-deċiżjoni tal-Gvern Slovakk li jiddikjara lil NCHZ kumpanija strateġika skont l-Att, u b'hekk ikennha mill-applikazzjoni normali tal-liġi tal-falliment, kienet tikkostitwixxu għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(172)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li din l-għajnuna ġiet mogħtija illegalment bi ksur tal-obbligu tan-notifika u ta' sospensjoni previsti mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(173)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern, għax il-kundizzjonijiet rilevanti tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar tal-2004 ma ġewx issodisfati u ebda bażi oħra ta' kompatibbiltà ma ġiet identifikata.

(174)

Din l-għajnuna trid tiġi rkuprata minn NCHZ u l-ordni ta' rkupru għandha tiġi estiża wkoll għal Fortischem, li għandha kontinwità ekonomika ma' NCHZ,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-istat ta' EUR 4 783 424,10 ipprovduta lil NCHZ permezz tad-dikjarazzjoni li hija kumpanija strateġika skont l-Att dwar Kumpanija Strateġikament Importanti, u b'hekk ingħatat kenn mill-applikazzjoni normali tal-liġi tal-falliment, kienet mogħtija llegalment mis-Slovakkja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni li tippermetti l-kontinwazzjoni tal-operat ta' NCHZ wara l-iskadenza tal-Att abbażi tad-deċiżjoni tal-kumitat tal-kredituri ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Artikolu 3

1.   Is-Slovakkja tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand NCHZ.

2.   Minħabba l-kontinwità ekonomika bejn NCHZ u Fortischem, l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna jiġi estiż wkoll lil Fortischem.

3.   Is-somom biex jiġu rkuprati jġorru imgħax mid-data li fihom kienu mpoġġija għad-dispożizzjoni ta' NCHZ sal-irkupru attwali tagħhom.

4.   L-imgħaxijiet ikunu kkalkolati skont l-iskema ta' imgħax kompost tal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (35) u tar-Regolament (KE) Nru 271/2008 (36) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1 ikun immedjat u effettiv.

2.   Is-Slovakkja tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, is-Slovakkja tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont totali (kapital u mgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda jew ippjanati li jittieħdu biex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Is-Slovakkja żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 jkun tlesta. Hija tissottometti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati li jittieħdu biex tiġi konformi ma' din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax ta' rkupru li diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lis-Slovakkja.

Brussell, 15 ta' Ottubru 2014

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3555 finali tat-2 ta' Lulju 2013 (ĠU C 297, 12.10.2013, p. 85).

(2)  L-ilmentatur talab li l-identità tiegħu ma tinkixifx.

(3)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(4)  Is-sid tal-kumpanija kienet Disor Holdings Limited, kumpanija b'ebda attività kummerċjali ddikjarata reġistrata f'Ċipru li s-sidien finali tagħha mhumiex magħrufa pubblikament.

(5)  Il-multa kienet imposta b'deċiżjoni tal-Kummissjoni fit-22 ta' Lulju 2009 fil-Każ COMP/39.396 — reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass (ĠU C 301, 11.12.2009, p. 18).

(6)  Skont ir-regoli applikabbli, membri tal-kumitat ta' kredituri huma kredituri mhux garantiti eletti fil-laqgħa tal-kredituri kollha fejn il-voti ta' kull kreditur jikkorrispondu għall-ammont tal-pretensjonijiet tiegħu.

(*)  Informazzjoni konfidenzjali.

(7)  Zákon č. 7/2005 Z.z. z 9. decembra 2004 o konkurze a reštrukturalizácii a o zmene a doplnení niektorých zákonov [Att Nru 7/2005 tad-9 ta' Diċembru 2004 dwar il-Falliment u r-Ristrutturar u li Jemenda Ċerti Atti].

(8)  Memorandum ta' spjegazzjoni lid-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 534/2009 tat-2 ta' Diċembru 2009 li tipproklama NCHZ kumpanija strateġika.

(9)  Il-membri privati fil-kumitat tal-kredituri kienu INVEST — KREDIT, s.r.o. (proprjetà ta' DISOR HOLDINGS LIMITED, l-uniku azzjonist ta' NCHZ); Novácká energetika, a.s. (oriġinarjament sussidjarja ta' NCHZ, l-azzjonist maġġoritarju sa minn Jannar 2011 kien STUPEFY HOLDINGS LIMITED); M-ENERGO, s.r.o. (azzjonista maġġoritarju STUPEFY HOLDINGS LIMITED) u DAK KIABA, s.r.o.

(10)  Obchodný vestník [Gazzetta Kummerċjali] Nru 37B, 23.2.2011.

(11)  Il-Kumpanija tal-Assigurazzjoni Soċjali ma kinitx kreditur garantit minħabba li l-obbligazzjonijiet lejha ġew imġarrba biss wara l-bidu tal-proċedimenti ta' falliment.

(12)  Iċ-ċifri kollha huma arrotonditi.

(13)  Is-sentenza tal-5 ta' Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10, UE:C:2012:318, paragrafi 83-85 u 105; Is-sentenza tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, UE:C:2002:294, paragrafi 71 and 72; Is-sentenza tat-30 ta' April 1998, City Flyer Express Ltd vs Il-Kummissjoni, IT-16/96, UE:T:1998:78, paragrafu 76.

(14)  F'dan ir-rigward, ara b'mod partikolari l-Każ T-152/99, Hijos de Andrés Molina SA (HAMSA) vs Il-Kummissjoni, UE:T:2002:188, paragrafu 157.

(15)  Dan l-ammont jikkorrispondi għad-djun pendenti dovuti lill-kredituri pubbliċi fil-31 ta' Diċembru 2009. L-awtoritajiet Slovakki jsostnu li ma hemm ebda informazzjoni preċiża dwar l-ammonti fid-data eżatta meta NCHZ ġiet iddikjarata bħala kumpanija strateġika. Għaldaqstant, iċ-ċifra hija l-aktar stima preċiża disponibbli (u waħda pjuttost konservattiva) tal-ammont tal-obbligazzjonijiet pendenti fil-bidu tal-applikazzjoni tal-Att.

(16)  Dan l-ammont jikkorrispondi għad-djun pendenti dovuti lill-kredituri pubbliċi fil-31 ta' Diċembru 2010. L-awtoritajiet Slovakki jsostnu li ma hemm ebda informazzjoni preċiża dwar l-ammonti fid-data eżatta meta NCHZ ma baqgħetx kumpanija strateġika skont l-Att. Għaldaqstant, iċ-ċifra hija l-aktar stima preċiża disponibbli (u waħda pjuttost konservattiva) tal-ammont tal-obbligazzjonijiet pendenti fit-tmiem tal-applikazzjoni tal-Att.

(17)  Il-Każ C-364/90, l-Italja vs il-Kummissjoni, UE:C:1993:157, paragrafu 20.

(18)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(19)  Il-Każ C-364/72, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, UE:C:1973:87, paragrafu 13.

(20)  Ara l-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Spanja vs il-Kummissjoni UE:C:1994:325, paragrafu 75.

(21)  Il-Każ C-364/97, il-Belġju vs il-Kummissjoni, UE:C:1999:311, paragrafu 64.

(22)  Ir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(23)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ta8-28 ta' Marzu 2012, Ryanair Ltd vs il-Kummissjoni Ewropea; Il-każ T-123/09, paragrafu 155.

(24)  Is-sentenza tal-Qorti tat-8 ta' Mejju 2003, ir-Repubblika Taljana u Sim 2 Multimedia SpA vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Kawżi Konġunti C-328/99 u C-399/00.

(25)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2008, Għajnuna mill-istat N 321/2008, N 322/2008 u N 323/2008– Il-Greċja — Vente de certains actifs d'Olympic Airlines/Olympic Airways Services; Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2008, Għajnuna mill-Istat N 510/2008 — L-Italja — Bejgħ ta' assi ta' Alitalia; Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2012 SA.34547 — Franza– Reprise des actifs du groupe SERNAM dans le cadre de son redressement judiciaire.

(26)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta' Marzu 2012 fil-Każ T-123/09, Ryanair Ltd vs il-Kummissjoni Ewropea.

(27)  Ara b'mod partikolari l-premessi (25) — (29) tad-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-fużjoni (id-Deċiżjoni Nru 2012/FH/3/1/032) disponibbli fuq http://www.antimon.gov.sk/2012fh31032/.

(28)  Ara l-preżentazzjoni tal-amministratur tal-falliment tas-26 ta' Ottubru 2009“Novácké chemické závody, a.s. — Prezentácia správcu”, slajds 4 u 5.

(29)  Ara www.fortischem.sk.

(30)  Ara slajd 5 tal-preżentazzjoni tal-amministratur tal-falliment tas-26 ta' Ottubru 2009“Novácké chemické závody, a.s. — Prezentácia správcu”.

(31)  Ara r-Rapport Annwali tal-2013, ta' Energochemica Group, li tiegħu Fortischem hija l-akbar membru, http://www.energochemica.eu/data/files/Vyrocka_ECH_2013.pdf.

(32)  Ara, pereżempju, l-analiżi ekonomika magħmula mill-amministratur f'Diċembru 2010, paġna 3 (ara l-premessa (106)).

(33)  Ara, pereżempju, l-artiklu “Novácku chemičku bude prevádzkovať spoločnosť Fortischem” [NCHZ se tiġi operata minn Fortischem] tat-2 ta' Awwissu 2012, ippubblikata fuq Webnoviny: http://www.webnoviny.sk/ekonomika/novacku-chemicku-bude-prevadzkovat-s/526742-clanok.html

(34)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 33.

(35)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(36)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).