9.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 264/1


DEĊIŻJONI (UE) 2015/1814 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Ottubru 2015

dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxiet sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (EU ETS) sabiex tippromwovi tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mod kosteffettiv u ekonomikament effiċjenti.

(2)

Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, EU ETS riformata u li tiffunzjona sew, bi strument li jistabbilizza s-suq ser tkun l-istrument ewlieni Ewropew biex tintlaħaq il-mira tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

(3)

L-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE jipprovdi li kull sena l-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju.

(4)

Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012 identifika l-ħtieġa għal miżuri sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-qafas ta' politika dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 tindika li tali żbilanċi huma mistennija li jkomplu, u mhux ser jiġu indirizzati b'mod suffiċjenti billi l-perkors lineari jiġi adattat għal mira aktar stretta f'dak il-qafas. Bidla fil-fattur lineari tibdel biss gradwalment il-kwantità ta' kwoti fl-Unjoni kollha (il-limitu massimu EU ETS). Għaldaqstant, is-surplus ukoll jonqos gradwalment biss, b'tali mod li s-suq ikollu jkompli jopera għal aktar minn deċennju b'surplus ta' madwar 2 biljun kwota jew aktar, u b'hekk ma jħallix li l-EU ETS twassal is-sinjal meħtieġ dwar l-investiment biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b'mod kosteffettiv u tkun mutur ta' innovazzjoni b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju biex b'hekk jingħata kontribut għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

(5)

Sabiex tiġi indirizzata dik il-problema u biex l-EU ETS tkun aktar reżistenti fir-rigward tal-iżbilanċi bejn il-provvista u d-domanda, sabiex l-EU ETS tiffunzjona f'suq ordinat, riżerva ta' stabbiltà tas-suq (ir-“riżerva”) għandha tiġi stabbilita fl-2018 u għandha tkun operattiva mill-2019. Ir-riżerva se ttejjeb ukoll is-sinerġija ma' politiki oħra tal-klima u l-enerġija. Sabiex jinżamm grad massimu ta' prevedibbiltà, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari għat-tqegħid tal-kwoti fir-riżerva u għall-ħruġ tagħhom minnha. Ir-riżerva għandha tiffunzjona billi tattiva l-aġġustamenti għall-volumi annwali tal-irkant. Meta l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, sa mill-2019, ammont ta'kwoti li jikkorrispondi għal 12 % tan-numru ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti tan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni mill-Kummissjoni, għandhom jitnaqqsu, kull sena, mill-volumi ta' rkant u jitqiegħdu fir-riżerva. Fi kwalunkwe sena partikolari, numru korrispondenti ta' kwoti għandhom jinħarġu mir-riżerva lill-Istati Membri bl-istess proporzjonijiet u ordni kif applikati meta jitqiegħdu fir-riżerva, u għandhom jiżdiedu mal-volumi ta' rkant jekk in-numru totali rilevanti ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun anqas minn 400 miljun.

(6)

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien żejjed wara l-pubblikazzjoni tan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni mill-Kummissjoni sal-15 ta' Mejju ta' sena partikolari, jiżguraw li l-kalendarji tal-irkantijiet tal-pjattaforma komuni tal-irkant u, fejn applikabbli, tal-pjattaformi tal-irkant indipendenti jiġu aġġustati biex jitqiesu l-kwoti li tqiegħdu fir-riżerva jew li jridu jinħarġu minnha. L-aġġustament tal-volum ta' kwoti li se jiġu rkantati għandu jitqassam fuq perjodu ta' 12-il xahar wara l-bidla għal kalendarju tal-irkant rilevanti. Minħabba l-ħtieġa ta' funzjonament bla xkiel tal-proċess tal-irkant, aktar dettalji dwar l-aġġustament, fejn ikun meħtieġ, għandhom ikunu stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (4).

(7)

Barra minn hekk, minbarra l-istabbiliment tar-riżerva, għandhom isiru xi emendi konsegwenzjali għad-Direttiva 2003/87/KE sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-funzjonament bla xkiel tal-EU ETS. B'mod partikolari, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tista' twassal għal volumi kbar ta' kwoti li jiġu rkantati fi tmiem kull perjodu ta' negozjar li jistgħu jfixklu l-istabbiltà tas-suq. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni ta' suq ta' provvista ta' kwoti żbilanċjat fi tmiem wieħed mill-perjodi ta' negozjar u l-bidu ta' dak li jmiss b'effetti li jistgħu jfixklu s-suq, għandu jsir provvediment għall-irkantar tal-parti ta' kwalunkwe żieda kbira fil-provvista fi tmiem wieħed mill-perjodi ta' negozjar fl-ewwel sentejn tal-perjodu li jmiss. Sabiex tissaħħaħ aktar l-istabbiltà tas-suq Ewropew tal-karbonju u biex jiġi evitat li jiżdied b'mod artifiċjali l-forniment lejn tmiem il-perjodu ta' skambju li beda fl-2013, kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE u kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(19) u (20) ta' dik id-Direttiva (“kwoti mhux allokati”), għandhom jitqiegħdu fir-riżerva fl-2020. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-Direttiva 2003/87/KE f'dak li għandu x'jaqsam ma' dawk il-kwoti mhux allokati u, jekk ikun xieraq, tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għażliet għal azzjoni ulterjuri.

(8)

L-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata ta' 300 miljun kwota fl-2019 u 600 miljun kwota fl-2020, kif determinat fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014 (5), tikkomprometti l-għan tar-riżerva biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. Għalhekk, dawk id-900 miljun kwota ma għandhomx jiġu rkantati fl-2019 u fl-2020, iżda minflok għandhom jitqiegħdu fir-riżerva.

(9)

Huwa importanti li l-EU ETS tinċentiva t-tkabbir effiċjenti fil-karbonju u li l-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni f'riskju reali ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tiġi protetta. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-qafas ta' politika dwar l-enerġija u l-klima għall-2030 msemmija hawn fuq taw gwida ċara dwar il-kontinwazzjoni tal-allokazzjonijiet mingħajr ħlas u d-dispożizzjonijiet dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju wara l-2020. Filwaqt li tibni fuq din il-gwida strateġika, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid id-Direttiva 2003/87/KE, b'mod partikolari l-Artikolu 10a tagħha, u tressaq proposta għar-reviżjoni ta' dik id-Direttiva fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Biex jinkiseb l-objettiv ta' kundizzjonijiet ekwi, dik ir-reviżjoni għandha tqis ukoll arranġamenti armonizzati biex tikkumpensa għal spejjeż indiretti fil-livell tal-Unjoni. Ir-reviżjoni għandha tqis ukoll jekk sa 50 miljun kwota li mhumiex allokati għandhomx jintużaw biex jissupplimentaw riżorsi eżistenti li jippromwovu proġetti msemmija fl-Artikolu 10a(8) ta' dik id-Direttiva u proġetti ta' innovazzjoni industrijali b'livell baxx ta' karbonju, bi proġetti fl-Istati Membri kollha, inklużi proġetti fuq skala żgħira, qabel l-2021.

(10)

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament ta' din ir-riżerva fil-kuntest tar-rapport annwali tagħha dwar is-suq tal-karbonju. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra l-effetti rilevanti fuq il-kompetittività, b'mod partikolari fis-settur industrijali, inklużi fir-rigward tal-indikaturi tal-PDG, tal-impjiegi u tal-investiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet snin minn meta r-riżerva tibda topera u minn hemm 'il quddiem perjodikament tirrevedi r-riżerva fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tagħha. Ir-reviżjoni tal-funzjonament tar-riżerva għandha b'mod partikolari tikkunsidra jekk ir-regoli dwar it-tqegħid ta' kwoti fir-riżerva u l-ħruġ tagħhom humiex xierqa fir-rigward tal-mira li jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn il-provvista u d-domanda. Ir-reviżjoni għandha tinkludi analiżi tal-bilanċ tas-suq, inklużi l-fatturi rilevanti kollha li jaffettwaw il-provvista u d-domanda, u ta' kemm hija xierqa firxa definita minn qabel li tattiva l-aġġustamenti għall-volumi ta' rkant annwali, kif ukoll ir-rata ta' persentaġġ applikat għan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni. Meta l-analiżi tindika li l-firxa ma għadhiex adatta fid-dawl ta' bidliet fl-iżviluppi tas-suq u ta' informazzjoni ġdida disponibbli fiż-żmien tar-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tressaq proposta biex tindirizza tali sitwazzjoni. Ir-reviżjoni għandha wkoll tħares lejn l-impatt tar-riżerva fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività industrijali tal-Unjoni u fuq ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Ir-reviżjoni tal-funzjonament tar-riżerva għandha tkun oġġettiva u tqis il-bżonn li tiġi ppreservata l-istabbiltà regolatorja u tiżgura prevedibbiltà fuq medda twila fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju.

(11)

Minħabba li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq u li din issir operattiva fl-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dawk l-objettivi.

(12)

Id-Direttiva 2003/87/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Riżerva tal-istabbiltà tas-suq

1.   Għandha tiġi stabbilita riżerva tal-istabbiltà tas-suq fl-2018 u t-tqegħid ta' kwoti fir-riżerva għandu jibda jopera mill-1 ta' Jannar 2019.

2.   Il-kwantità ta' 900 miljun kwota mnaqqsa mill-volumi tal-irkant matul il-perjodu 2014-2016, kif determinat fir-Regolament (UE) Nru 176/2014 bis-saħħa tal-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, ma għandhomx jiġu miżjuda mal-volumi li għandhom jiġu rkantati fl-2019 u fl-2020, iżda minflok għandhom jitqiegħdu fir-riżerva.

3.   Kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE u kwoti li mhumiex allokati għal installazzjonijiet minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(19) u (20) ta' dik id-Direttiva għandhom jitqiegħdu fir-riżerva fl-2020. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward ta' dawk il-kwoti mhux allokati u, jekk ikun xieraq, għandha tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika n-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kull sena, sal-15 ta' Mejju tas-sena sussegwenti. In-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għal sena partikolari għandu jkun in-numru kumulattiv ta' kwoti maħruġa fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008, inkluż in-numru maħruġ skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2003/87/KE f'dak il-perjodu u d-drittijiet biex jintużaw il-krediti internazzjonali eżerċitati mill-installazzjonijiet taħt l-EU ETS fir-rigward tal-emissjonijiet sal-31 ta' Diċembru ta' dik is-sena partikolari, li minnu jitnaqqsu t-tunnellati kumulattivi tal-emissjonijiet ivverifikati mill-installazzjonijiet skont l-EU ETS bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru ta' dik l-istess sena partikolari, kwalunkwe kwota kkanċellata skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2003/87/KE u n-numru ta' kwoti fir-riżerva. Ma għandhomx jitqiesu l-emissjonijiet matul il-perjodu ta' tliet snin li jibda mill-2005 u jispiċċa fl-2007 u l-kwoti maħruġa fir-rigward ta' dawk l-emissjonijiet. L-ewwel pubblikazzjoni għandha sseħħ sal-15 ta' Mejju 2017.

5.   Kull sena, numru ta' kwoti ugwali għal 12 % tan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, għandu jitnaqqas mill-volum ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE u għandhom jitqiegħdu fir-riżerva matul perjodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Settembru ta' dik is-sena, sakemm in-numru ta' kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva ma jkunx anqas minn 100 miljun. Fl-ewwel sena ta' operazzjoni tar-riżerva, it-tqegħid għandu jsir ukoll bejn l-1 ta' Jannar u l-1 ta' Settembru ta' dik is-sena ta' 8 %, (li jirrappreżenta 1 % għal kull xahar kalendarju), tan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni kif stabbilit fl-aktar pubblikazzjoni reċenti.

Mingħajr preġudizzju għall-ammont totali ta' kwoti li għandu jitnaqqas skont dan il-paragrafu, sal-31 ta' Diċembru 2025, il-kwoti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE ma għandhomx jitqiesu meta jiġi ddeterminat is-sehem tal-Istati Membri bħala parti minn dak l-ammont totali.

6.   Fi kwalunkwe sena partikolari, jekk in-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni jkun anqas minn 400 miljun, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota mir-riżerva u jiżdiedu mal-volum ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE. Meta jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu.

7.   Fi kwalunkwe sena, jekk il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu ma jkunx applikabbli u l-miżuri jiġu adottati skont l-Artikolu 29a tad-Direttiva 2003/87/KE, għandhom jinħarġu 100 miljun kwota mir-riżerva u jiżdiedu mal-volum ta' kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE. Meta jkun hemm anqas minn 100 miljun kwota fir-riżerva, il-kwoti kollha fir-riżerva għandhom jinħarġu skont dan il-paragrafu.

8.   Meta, wara l-pubblikazzjoni tan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni, tittieħed azzjoni skont il-paragrafi 5, 6 jew 7, il-kalendarji tal-irkant għandhom iqisu l-kwoti li tqiegħdu fir-riżerva jew li għandhom jinħarġu mir-riżerva. Il-kwoti għandhom jitqiegħdu fir-riżerva jew jinħarġu minnha tul perjodu ta' 12-il xahar. Meta jinħarġu kwoti skont il-paragrafu 6 jew 7, irrispettivament mill-perjodu li matulu jkun sar il-ħruġ, dan għandu jsegwi l-ishma tal-Istati Membri applikabbli fil-ħin li l-kwoti jkunu tqiegħdu fir-riżerva u għandu wkoll isegwi l-ordni li fiha l-kwoti tqiegħdu fir-riżerva.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2003/87/KE

Id-Direttiva 2003/87/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Mill-2019 'il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas skont l-Artikoli 10a u 10c u li ma jitqiegħdux fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq stabbilita bid-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta' riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 1:

“1a.   Meta l-volum tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri fl-aħħar sena ta' kull perjodu msemmi fl-Artikolu 13(1) ta' din id-Direttiva jaqbeż b'aktar minn 30 % tal-volum tal-irkant medju mistenni għall-ewwel sentejn tal-perjodu ta' wara qabel l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1814, żewġ terzi tad-differenza bejn il-volumi għandhom jitnaqqsu mill-volumi tal-irkantar fl-aħħar sena tal-perjodu u miżjuda f'pagamenti ugwali għall-volumi li għandhom jiġu rkantati mill-Istati Membri fl-ewwel sentejn tal-perjodu ta' wara.”.

(2)

Fl-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu kwoti lill-persuni għall-perjodu attwali sabiex jissostitwixxu kwalunkwe kwota miżmuma minnhom li tkun ikkanċellata skont l-ewwel subparagrafu. Bl-istess mod, il-kwoti miżmuma fir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq u li ma għadhomx validi għandhom jiġu ssostitwiti minn kwoti li huma validi għall-perjodu attwali.”.

Artikolu 3

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament ta' din ir-riżerva fil-kuntest tar-rapport previst fl-Artikolu 10(5) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dak ir-rapport għandu jikkunsidra l-effetti rilevanti fuq il-kompetittività, b'mod partikolari fis-settur industrijali, inkluż fir-rigward tal-PDG, tal-impjiegi u tal-indikaturi tal-investiment. Fi żmien tliet snin minn meta r-riżerva tibda topera, u f'intervalli ta' ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' analiżi tal-funzjonament ordnat tas-suq Ewropew tal-karbonju, tirrevedi r-riżerva u tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta dan ikun xieraq. Kull reviżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari liċ-ċifra perċentwali għad-determinazzjoni tan-numru ta' kwoti li għandhom jitqiegħdu fir-riżerva skont l-Artikolu 1(5) ta' din id-Deċiżjoni, kif ukoll il-valur numeriku tal-valuri limiti għan-numru totali ta' kwoti fiċ-ċirkolazzjoni u in-numru ta' kwoti li għandhom jinħarġu mir-riżerva skont l-Artikolu 1(6) jew (7) ta' din id-Deċiżjoni. Fir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll l-impatt tar-riżerva fuq it-tkabbir, l-impjiegi, il-kompetittività industrijali tal-Unjoni u fuq ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

Artikolu 4

Dispożizzjoni tranżitorja

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendat bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandu jibqa' japplika sal-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta' Ottubru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 46.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2015.

(3)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta' Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità ( ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014 tal-25 ta' Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010, b'mod partikolari, sabiex jiġu stabbiliti l-volumi ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati fl-2013-20 (ĠU L 56, 26.2.2014, p. 11).

(6)  Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).