22.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 245/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1570

tat-18 ta' Settembru 2015

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-approvazzjoni ta' trattament preferenzjali notifikat minn Membri tad-WTO, għajr l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward ta' servizzi u fornituri tas-servizzi ta' pajjiżi Membri l-inqas żviluppati, dwar l-applikazzjoni ta' miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu IX tal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) jistipula, fost l-oħrajn, il-proċeduri għall-għoti ta' eżenzjonijiet mill-obbligi imposti fuq il-Membri tad-WTO minn dak il-Ftehim jew mill-Ftehimiet Multilaterali dwar il-Kummerċ fl-Annessi 1 A jew 1B jew 1C għal dak il-Ftehim jew għall-annessi tagħhom.

(2)

Fl-2011, intalbet eżenzjoni li tat lok lill-Membri tad-WTO jagħtu trattament preferenzjali lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi tal-pajjiżi Membri l-inqas żviluppati (“Membri LCD”) mingħajr ma jikkonċedu l-istess trattament għal servizzi u fornituri ta' servizzi simili tal-Membri l-oħra kollha tad-WTO billi b'mod eċċezzjonali jidderogaw mill-obbligu taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu II tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (“GATS”). Il-pożizzjoni tal-Unjoni li tappoġġa dik l-eżenzjoni ġiet adottata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/8/UE (1).

(3)

Fis-17 ta' Diċembru 2011, il-Konferenza Ministerjali tad-WTO adottat deċiżjoni li tawtorizza lill-Membri tad-WTO jagħtu tali trattament preferenzjali lis-servizzi u lill-fornituri tas-servizzi tal-Membri LDC għal perijodu ta' 15-il sena. Skont dik id-deċiżjoni, il-Membri tad-WTO li jikkonċedu trattament preferenzjali għandhom jissottomettu notifika lill-Kunsill dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (“CTS”) u t-trattament preferenzjali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS, għandu jkun approvat mis-CTS b'konformità mal-proċeduri tiegħu.

(4)

F'din id-deċiżjoni tas-7 ta' Diċembru 2013, il-Konferenza Ministerjali tad-WTO reġgħet iddikjarat r-rekwiżit tal-approvazzjoni tas-CTS fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS.

(5)

L-approvazzjoni tat-trattament preferenzjali notifikat mill-Membri tad-WTO, għajr l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward tas-servizzi u l-fornituri tas-servizzi tal-Membri LCD hija fl-interess tal-objettivi tal-iżvilupp tal-Unjoni u twassal għall-konklużjoni tan-negozjati dwar is-servizzi li għandhom x'jaqsmu mal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp.

(6)

Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fis-CTS dwar l-approvazzjoni tat-trattament preferenzjali notifikat mill-Membri tad-WTO, għajr dawk tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward tas-servizzi u l-fornituri tas-servizzi tal-Membri LCD, dwar l-applikazzjoni tal-miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-CTS għandha tkun li tappoġġa l-approvazzjoni tat-trattament preferenzjali notifikat mill-membri tad-WTO, għajr dawk tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fir-rigward ta' servizzi u l-fornituri ta' servizzi tal-Membri LCD, dwar l-applikazzjoni ta' miżuri għajr dawk deskritti fl-Artikolu XVI tal-GATS skont id-deċiżjoni tas-7 ta' Diċembru 2013 fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

C. DIESCHBOURG


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward ta' talba għall-għoti ta' eżenzjoni biex jingħata trattament preferenzjali lis-servizzi u l-fornituri tas-servizzi tal-pajjiżi l-inqas żviluppati (ĠU L 4, 7.1.2012, p. 16).