19.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 244/55 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1565
tal-14 ta' Settembru 2015
dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), b'mod konġunt mal--Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Soġġett għall-konformità tagħhom mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela operaw fl-ilmijiet tal-Unjoni fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża għal ħafna għexieren ta' snin. |
(2) |
L-industrija tal-ipproċessar ibbażata fil-Gujana Franċiża tiddependi mill-iżbark minn dawk il-bastimenti tas-sajd u għalhekk il-kontinwità ta' dawk l-operazzjonijiet għandha tiġi żgurata. |
(3) |
Din id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE (1) li ġiet annullata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2014 (2) u li u li l-effetti tagħha għandhom qiegħdin jinżammu sakemm tidħol fis-seħħ Deċiżjoni ġdida f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Peress li d-Dikjarazzjoni diġa ġiet notifikata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, ma hemmx bżonn li li ssir notifikata ġdida, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (minn hawn 'il quddiem “id-Dikjarazzjoni”) hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tad-Dikjarazzjoni jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Settembru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
J. ASSELBORN
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/19/UE tas-16 ta' Diċembru 2011 dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (ĠU L 6, 10.1.2012, p. 8).
(2) Kawżi magħquda C-103/12 u 165/12, Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill.
Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża
1. |
L-Unjoni Ewropea għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil għadd limitat ta' bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela biex jistadu fil-parti taż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża li tinsab aktar minn 12-il mil nawtiku mil-linji ta' bażi, soġġetti għall-kondizzjonijiet imniżżla f'din id-Dikjarazzjoni. |
2. |
F'konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (1), il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom, meta jistadu fiż-żona msemmija fil-paragrafu 1, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni Ewropea dwar il-konservazzjoni u l-miżuri ta' kontroll u dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f'dik iż-żona. |
3. |
B'mod akar partikolari, il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom jikkonformaw ma' kwalunkwe regola jew regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea li jispeċifikaw inter alia l-istokkijiet tal-ħut li jistgħu jkunu fil-mira, l-għadd massimu ta' bastimenti tas-sajd awtorizzati u l-proporzjon ta' qabdiet li għandhom jiżbarkaw fil-portijiet fil-Gujana Franċiża. |
4. |
Mingħajr preġudizzju għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil bastimenti tas-sajd individwali li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela minħabba nuqqas tagħhom li jikkonformaw ma' kawlunkwe regola jew regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tista' fi kwalunkwe ħin tirtira, permezz ta' dikjarazzjoni unilaterali, l-impenn speċifiku espress f'din id-Dikjarazzjoni li tagħti opportunitajiet tas-sajd. |