15.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/142


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1521

tal-14 ta' Settembru 2015

li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/320/PESK b'appoġġ għas-sigurtà fiżika u l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-ħażniet biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fl-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom fil-Libja u r-reġjun tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/320/PESK (1) ipprevediet li l-Unjoni għandha tistinka għall-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà fil-Libja u r-reġjun inġenerali permezz ta' miżuri ta' appoġġ bil-għan tal-iżgurar tas-sigurtà fiżika tajba u l-ġestjoni tajba tal-ħażniet tal-arsenali tal-armi Libjani mill-istituzzjonijiet tal-istat Libjani sabiex jitnaqqsu r-riskji għall-paċi u s-sigurtà bit-tixrid illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom, inkluż it-trawwim tal-multilateraliżmu effettiv fil-livell reġjonali.

(2)

Id-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà ġiegħel lill-parti l-kbira tal-missjonijiet diplomatiċi u l-persunal internazzjonali jitilqu mil-Libja wara l-ġrajjiet vjolenti tas-sajf tal-2014.

(3)

Id-djalogu politiku mmexxi min-Nazzjonijiet Uniti għadu ma rriżultax f'riżoluzzjoni politika bejn il-fazzjonijiet kombattenti prinċipali.

(4)

Mhux ċar dwar meta s-sitwazzjoni fil-Libja ser tmur għall-aħjar b'tali mod li l-persunal internazzjonali jkun jista' jerġa' jopera b'mod sigur fil-Libja.

(5)

Id-Deċiżjoni 2013/320/PESK għandha għalhekk titħassar.

(6)

L-Unjoni tixtieq tafferma mill-ġdid l-impenn politiku qawwi tagħha biex tappoġġa lill-awtoritajiet Libjani responsabbli biex inaqqsu r-riskji tat-tixrid illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' SALW u l-munizzjon tagħhom, hekk kif il-kondizzjonijiet fil-Libja jippermettu dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/320/PESK hija mħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mit-30 ta' Ġunju 2015.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Settembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/320/PESK tal-24 ta' Ġunju 2013 b'appoġġ għas-sigurtà fiżika u l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-ħażniet biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fl-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom fil-Libja u r-reġjun tagħha (ĠU L 173, 26.6.2013, p. 54).