|
24.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 196/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1211
tal-20 ta' Lulju 2015
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li se tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fid-29 ta' Jannar 1996, il-Gvern tar-Repubblika tal-Każakistan applika għall-adeżjoni mal-Ftehim ta' Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim ta' Marrakexx”), b'konformità mal-Artikolu XII ta' dan il-Ftehim. |
|
(2) |
Fis-6 ta' Frar 1996 ġie stabbilit grupp ta' Ħidma dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-termini ta' adeżjoni aċċettabbli għar-Repubblika tal-Każakistan u l-Membri kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). |
|
(3) |
Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat sensiela komprensiva ta' impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tar-Repubblika tal-Każakistan li jissodisfaw it-talbiet tal-Unjoni dwar tariffi, dażji fuq l-esportazzjoni u dwar kummerċ fis-servizzi. |
|
(4) |
Dawk l-impenji huma issa inkorporati fil-Protokoll ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mad-WTO (“il-Protokoll tal-Adeżjoni”). |
|
(5) |
L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija tagħmel kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess ta' riforma ekonomika u għall-iżvilupp sostenibbli fir-Repubblika tal-Każakistan. |
|
(6) |
Il-Protokoll ta' Adeżjoni għandu għalhekk jiġi approvat. |
|
(7) |
L-Artikolu XII tal-Ftehim ta' Marakexx jiddisponi li għandu jintlaħaq ftehim dwar it-termini bejn l-Istat aderenti u d-WTO, u li l-Konferenza Ministerjali tad-WTO tapprova t-termini tal-adeżjoni min-naħa tad-WTO. L-Artikolu IV.2 ta' dak il-Ftehim li jipprevedi li matul l-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha għandhom jitwettqu mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO. |
|
(8) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li se tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mad-WTO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li se tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Każakistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, hija li tapprova l-adeżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Lulju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI