7.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 406/2


Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

tal-10 ta’ Ġunju 2014

dwar id-depożitu tal-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-arkivji storiċi tal-Unjoni Ewropea (l-Istitut Universitarju Ewropew)

(2015/C 406/02)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”) u b’mod partikolari l-Artikoli 35 u 53 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tiegħu;

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 20(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 26 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-Artikolu 19(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83, tal-1 ta’ Frar 1983, dwar il-ftuħ għall-pubbliku tal-arkivji storiċi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Energija Atomika (1), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1700/2003, tat-22 ta’ Settembru 2003 (2);

Wara li kkunsidrat il-ftehim bejn konkluż bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istitut Universitarju Ewropew (IUE) tas-17 ta’ Diċembru 1984, dwar il-kuntratt ta’ depożitu fi ħdan l-IUE tal-arkivji storiċi tal-Komunitajiet u l-aċċessibbiltà tagħhom għall-pubbliku kkurata mill-IUE, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu;

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (3);

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni tal-Kumitat amministrattiv tad-29 ta’ April 2013 dwar il-kompożizzjoni tal-katalogu tal-arkivji storiċi;

TADOTTA D-DEĊIŻJONI PREŻENTI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Id-deċiżjoni preżenti tistabbilixxi r-regoli interni dwar id-depożitu tal-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-arkivji storiċi tal-Unjoni Ewropea (l-Istitut Universitarju Ewropew).

2.   Id-deċiżjoni preżenti hija kkompletata bir-regoli tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Ġenerali u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar il-modalitajiet ta’ konservazzjoni u ta’ ftuħ lill-pubbliku tad-dokumenti fil-pussess tal-qrati fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom u bid-deċiżjoni tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-modalitajiet ta’ konservazzjoni u ta’ ftuħ lill-pubbliku tad-dokumenti fil-pussess tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Id-deċiżjoni preżenti għandha tapplika għall-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jirriżultaw mill-attività tal-qrati u tad-dipartimenti li fuqhom hija fformata l-istituzzjoni.

2.   Għandhom jitqiesu li jifformaw parti mill-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dawk id-dokumenti oriġinali, jew id-dokumenti li jissostitwixxu l-oriġinali, ta’ iktar minn tletin sena li huma inklużi fil-katalogu, konformement mal-pjan ta’ klassifikazzjoni adottat mill-Kumitat amministrattiv. Fir-rigward tad-dokumenti li jirriżultaw minn proċedura ġudizzjarja, il-perijodu ta’ tletin sena għandu jiġi kkalkolat mid-data ta’ għeluq tal-proċedura kkonċernata.

3.   Il-pjan ta’ klassifikazzjoni tal-katalogu tal-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi emendat skont id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat amministrattiv.

Artikolu 3

Depożitu tal-arkivji storiċi

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tittrasferixxi għad-depożitu l-arkivji storiċi tagħha lill-IUE taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-deċiżjoni preżenti kif ukoll minn ftehim konkluż mal-IUE f’dan is-sens.

2.   Ir-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet finanzjarji li jirregolaw id-depożitu, id-diġitalizzazzjoni, l-ispejjeż ta’ trasport u l-ispejjeż għat-trasferiment tal-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja fi ħdan l-IUE huma ddefiniti fil-ftehim bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-IUE.

3.   Il-paragrafu 1 ma jipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea teskludi mid-depożitu, għal raġunijiet ġuridiċi jew minħabba ħtiġijiet ta’ funzjonament tajjeb, ċerti dokumenti oriġinali, jew dokumenti li jissostitwixxu l-oriġinali.

Artikolu 4

Modalitajiet ta’ aċċess għall-pubbliku tal-arkivji storiċi

1.   Qabel ma jingħata l-aċċess għal dokument iddepożitat, l-IUE għandha titlob l-awtorizzazzojni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din it-talba għandha tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fid-dawl tal-eċċezzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 35 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 7(1) tal-Anness I tiegħu u mill-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 kif emendat. Id-dokumenti jistgħu jsiru aċċessibbli skont il-kategorija sa fejn jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ma tapplika ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet.

2.   It-talbiet li jirrigwardaw dokumenti li jaqgħu taħt il-proċeduri ġudizzjarji għandhom jiġu eżaminati mill-qorti kkonċernata li għandha tivverifika, skont il-modalitajiet adottati minn din il-qorti, li ebda waħda mill-eċċezzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83 ma tipprekludi l-għoti tal-aċċess. Fl-ebda każ ma għandhom isiru aċċessibbli dokumenti li jaqgħu taħt is-sigriet tad-deliberazzjonijiet.

3.   L-IUE għandha tagħmel aċċessibbli għall-pubbliku, taħt forma ta’ kopji sakemm il-persuna li titlob id-dokument ma tinvokax interess speċifiku u debitament motivat li tingħata aċċess għall-oriġinali konformement mal-Artikolu 1(5) tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 354/83, l-arkivji storiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li huma ddepożitati fi ħdanu, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu.

4.   Il-modalitajiet għall-ftuħ tal-arkivji storiċi ttrasferiti mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-IUE huma ppreżentati fis-sit internet ta’ kull waħda miż-żewġ istituzzjonijiet permezz tal-preżentazzjoni tal-katalogu u tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ġunju 2014.

Ir-Reġistratur

A. CALOT ESCOBAR

Il-President

V. SKOURIS


(1)  ĠU L 43, 15.2.1983, p. 1.

(2)  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.