22.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/42


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1199

tas-17 ta' Lulju 2015

li tirrikonoxxi lill-Bożnija-Ħerzegovina bħala ħielsa mill-Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckerman u Kotthoff) Davis et al.

(notifikata bid-dokument C(2015) 4838)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u partikolarment il-punt (12), tal-Parti A tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Il-punt 12 tal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2000/29/KE jistipula projbizzjoni ġenerali fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' tuberi tal-ispeċi Solanum L. u l-ibridi tagħhom, għajr dawk speċifikati fil-punti 10 u 11 ta' dik il-Parti A, inklużi tuberi tas-Solanum tuberosum L., li joriġinaw f'pajjiżi terzi. Dik il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika f'pajjiżi terzi Ewropej rikonoxxuti li huma ħielsa mill-Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckerman and Kotthoff) Davis et al. (“l-organiżmu”).

(2)

Mill-informazzjoni relatata mal-kampanji ta' stħarriġ fl-2011, l-2012 u l-2013 u mir-rapport marbut mal-kampanja ta' stħarriġ fl-2014 imressqin mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-informazzjoni miġbura waqt verifika mwettqa f'dak il-pajjiż mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju f'Marzu u April 2014, jidher li l-organiżmu mhuwiex preżenti fil-Bożnija-Ħerzegovina u li dan il-pajjiż ħa azzjoni ta' segwitu sodisfaċenti b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-verifika tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju.

(3)

Għalhekk huwa xieraq li l-Bożnija-Ħerzegovina tiġi rrikonoxxuta bħala ħielsa mill-organiżmu.

(4)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għal kull sejba sussegwenti li tista' turi li l-organiżmu huwa preżenti fil-Bożnija-Ħerzegovina.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rikonoxximent

Il-Bożnija-Ħerzegovina hija rrikonoxxuta bħala ħielsa mill-Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckerman and Kotthoff) Davis et al. (“l-organiżmu”).

Artikolu 2

Talba għall-informazzjoni

Il-Kummissjoni se titlob lill-Bożnija-Ħerzegovina biex kull sena tippreżenta l-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika li l-Bożnija-Ħerzegovina tkun għadha ħielsa mill-organiżmu.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.