17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/39


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1175

tal-15 ta' Lulju 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2006/473/KE fir-rigward tar-rikonoxximent tad-distrett maġisterjali Gordonia fl-Afrika t'Isfel bħala ħieles mill-Guignardia citricarpa Kiely (ir-razez kollha li huma patoġeniċi għaċ-Ċitru)

(innotifikata taħt id-dokument C(2015) 4749)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-punt 16.4 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tagħha,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/473/KE (2), ċerti distretti maġisterjali tal-provinċja ta' Northern Cape tal-Afrika t'Isfel huma rikonoxxuti bħala ħielsa mill-Guignardia citricarpa (ir-razez kollha li huma patoġeniċi għaċ-Ċitru).

(2)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Afrika t'Isfel fir-rigward tad-distrett maġisterjali ta' Gordonia, fil-provinċja ta' Northern Cape, u n-nuqqas ta' interċettazzjonijiet tal-Guignardia citricarpa Kiely (ir-razez kollha li huma patoġeniċi għaċ-Ċitru) fuq il-frott taċ-ċitru li joriġina f'dik iż-żona, jidher li d-distrett maġisterjali ta' Gordonia huwa ħieles minn dan l-organiżmu ta' ħsara. Għalhekk, jixraq li dan jiġi rikonoxxut bħala ħieles mill-Guignardia citricarpa Kiely (ir-razez kollha li huma patoġeniċi għaċ-Ċitru).

(3)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2006/473/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-punt (a) tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2006/473/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

L-Afrika t'Isfel: Western Cape; Northern Cape: id-distretti maġisterjali ta' Gordonia, Hartswater u Warrenton;”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/473/KE tal-5 ta' Lulju 2006 li tagħraf ċerti pajjiżi terzi u ċerti żoni ta' pajjiżi terzi bħala ħielsa mill-Xanthomonas campestris (il-varjetajiet kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru), iċ-Cercospora angolensis Carv. et Mendes u l-Guignardia citricarpa Kiely (il-varjetajiet kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru) (ĠU L 187, 8.7.2006, p. 35).