17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/36


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1173

tal-14 ta' Lulju 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-punt (14) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE jawtorizza lill-Polonja teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta' EUR 10 000 bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni.

(2)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE (2), il-Polonja kienet awtorizzata, sal-31 ta' Diċembru 2012 u bħala deroga, biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta' EUR 30 000 bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni.

(3)

Bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE (3), il-miżura ta' deroga prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE kienet estiża sal-31 ta' Diċembru 2015.

(4)

F'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta' Diċembru 2014, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni għal estensjoni ulterjuri tal-miżura ta' deroga mill-punt (14) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli teżenta lil persuni taxxabbli mill-VAT li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx iktar mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta' EUR 30 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni. Permezz ta' dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli jkomplu jiġu eżentati minn ċerti obbligazzjonijiet jew mill-obbligazzjonijiet kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(5)

Permezz ta' ittri datati s-6 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja. Permezz ta' ittra datata d-9 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba tagħha.

(6)

Mill-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, 103 617-il persuna taxxabbli bbenefikaw mill-applikazzjoni tal-miżura u fl-2013 din wasslet għal tnaqqis fid-dħul baġitarju mill-VAT stmat bħala madwar 0,32 %.

(7)

Ladarba dan il-limitu ogħla rriżulta f'obbligazzjonijiet tal-VAT imnaqqsa għall-iżgħar negozji, filwaqt li dawn tal-aħħar għadhom jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja għandha tiġi awtorizzata biex tapplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor.

(8)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT.

(9)

Id-Deċiżjoni 2009/790/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/790/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2018.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE tal-20 ta' Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 53).

(3)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE tal-4 ta' Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja li tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 338, 12.12.2012, p. 27).