28.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 397/2


DEĊIŻJONI TAL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-26 ta' Ottubru 2015

li temenda l-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew

(2015/C 397/03)

IL-BUREAU TAL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (1) (“l-Istatut”),

Wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 25 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-assistenti akkreditati u lokali matul is-seba' leġislatura, jeħtieġ li jsir għadd ta' tibdil għall-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (2) (“il-Miżuri ta' Implimentazzjoni”). L-għan prinċipali ta' dan it-tibdil huwa li jiġu ċċarati ċerti regoli, jiġu rimedjati n-nuqqasijiet li saru evidenti matul l-applikazzjoni tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni u li tittejjeb l-amministrazzjoni.

(2)

Il-ħlas tal-ispejjeż għall-assistenza Parlamentari għandu jkun ristrett għall-ispejjeż imġarrba matul il-perjodu ta' 30 ġurnata qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-ħlas lid-dipartiment rilevanti tal-Parlament. Dan jippermetti li l-applikazzjonijiet jiġu rifjutati meta dawn ġew ippreżentati tard wisq biex ikun possibbli li jiġi vverifikat li s-servizzi ddikjarati kienu fil-fatt ipprovduti u li l-liġi tas-sigurtà soċjali nazzjonali u tax-xogħol ġiet irrispettata.

(3)

L-ammont massimu li jista' jintefaq fir-rigward tal-assistenza parlamentari baqa' ma nbidilx mill-2011, minkejja ż-żidiet fis-setgħat tal-Parlament. Dak l-ammont għandu għalhekk jiżdied b'EUR 1 500 għal EUR 22 879 fix-xahar. Dispożizzjoni għall-approprjazzjonijiet meħtieġa għal din iż-żieda saret fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016.

(4)

Il-prinċipju tat-trasparenza huwa mnaqqax fl-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-importanza tiegħu ġiet enfasizzata inter alia mill-Ombudsman Ewropew f'ittra tat-30 ta' Settembru 2002 lill-President tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta' dak il-prinċipju, id-dettalji kollha għandhom jiġu ppubblikati, matul it-terminu kollu tal-kuntratt tagħhom, l-ismijiet tat-trainees kif ukoll l-ismijiet u l-ismijiet korporattivi tal-fornituri ta' servizz u tal-aġenti tal-ħlas li jitħallsu mill-ispejjeż tal-assistenza parlamentari.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tad-29 ta' April 2015, il-Parlament talab li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-assistenti lokali. Għal dan il-għan, 25 % tal-allokazzjoni għall-assistenza parlamentari għandhom jitwarrbu għall-paga tal-assistenti parlamentari akkreditati u l-infiq marbut mal-assistenti lokali, il-fornituri ta' servizz u l-aġenti tal-ħlas għandu għalhekk jiġi limitat għal 75 % tal-allokazzjoni.

(6)

Is-salarji u t-tariffi tal-assistenti lokali għandhom ikunu soġġetti għal limiti f'konformità mal-prinċipji li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp Temporanju ta' Evalwazzjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri u tal-Assistenti u mal-esperjenza tal-applikazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet mill-2012, bil-għan li jiġi limitat ir-riskju ta' ħlas li jmur lil hinn mill-paga medja fl-Istati Membri, barra minn kull proporzjon mal-kompiti mwettqa. Il-limiti massimi ta' paga għandhom jiġu stabbiliti għal kull Stat Membru b'referenza għall-paga grossa medja annwali rreġistrata mill-Eurostat għall-Istat Membru kkonċernat, immultiplikata bi tlieta. Il-limiti kkalkolati b'dan il-mod ma għandhomx madankollu jkunu inqas mill-paga minima ta' assistent parlamentari akkreditat fil-grad 6 u mhux ogħla minn dik ta' assistent parlamentari akkreditat fil-grad 19. Il-Bureau għandu jkun jista' jaġġusta l-limiti ta' referenza, li għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-internet tal-Parlament.

(7)

Ir-remunerazzjoni ta' aġenti tal-ħlas għandha tkun irregolata billi tiġi stabbilita f'livell li ma jkunx ogħla minn 10 % tal-ammonti li l-aġent huwa responsabbli li jħallas, soġġetta għal limitu massimu totali ta' 4 % tal-allokazzjoni għal spejjeż tal-assistenza parlamentari.

(8)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba, in-natura u l-kontenut tad-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati meta ssir applikazzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kuntratti ta' impjieg tal-assistenti lokali jeħtieġ jiġu speċifikati. B'mod partikolari, id-dipartiment rilevanti tal-Parlament għandu jiġu pprovdut b'deskrizzjoni tax-xogħol dettaljata, dettalji tal-post tat-twettiq tal-kuntratt, kopja vera ċċertifikata ta' dokument tal-identità, prova tal-post ta' residenza, prova tal-kwalifiki u l-esperjenza professjonali u dikjarazzjoni li ma hemm l-ebda kunflitt ta' interess.

(9)

Fiż-żmien tar-regolarizzazzjoni tal-kontijiet annwali rigward l-infiq marbut mal-assistenti lokali koperti b'kuntratt ta' impjieg, l-aġenti tal-ħlas għandhom ikunu meħtieġa jippreżentaw dokumenti bħal prova ta' sħubija ta' skema tas-sigurtà soċjali jew ta' kopertura ta' assigurazzjoni kontra inċidenti. Fil-fatt, il-Membri huma, b'mod ġenerali, dipendenti fuq l-awtoritajiet nazzjonali għall-ħruġ ta' dawn id-dokumenti, u dawn l-awtoritajiet, ta' spiss mhumiex kapaċi joħorġuhom fi ħdan l-iskadenzi applikabbli attwalment.

(10)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba, ċerti rekwiżiti applikabbli għall-assistenti lokali taħt kuntratt ta' impjieg għandhom jiġu ċċarati, b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu mad-distanza bejn il-post tar-residenza u l-post tax-xogħol, mat-twettiq tal-attivitajiet barranin u mal-kandidatura f'elezzjonijiet.

(11)

Proċedura speċifika bbażata fuq il-prinċipji applikabbli għall-kuntratti pubbliċi stabbilita fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha tiġi stabbilita għall-ħlas tal-ispejjeż tas-servizzi b'valur ta' aktar minn EUR 500. F'dawn il-każijiet, l-applikazzjonijiet għall-ħlas għandhom jiġu ppreżentati flimkien ma' stima u abbozz ta' kuntratt li jiddefinixxu b'mod ċar in-natura tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti. Barra minn hekk, fil-każ ta' servizzi b'valur ta' aktar minn EUR 60 000, għandu jintwera li l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża minn mill-inqas tliet offerti, intgħażlet.

(12)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitti ta' interess għandhom jiġu emendati sabiex tiġi ċċarata l-projbizzjoni dwar il-finanzjament ta' attivitajiet politiċi jew nefqa personali.

(13)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu introdotti ċerti modifiki għall-Artikolu 46 tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni relatati mal-iskadenza tal-intitolament għall-allowance tranżitorja għall-Membri li jieħdu mandat f'parlament ieħor jew jieħdu kariga pubblika, fejn titqies l-esperjenza miksuba sa tmiem is-seba' leġislatura u l-ħtieġa li jirriflettu bis-sħiħ fil-Miżuri ta' Implimentazzjoni l-għanijiet u l-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatut, b'mod partikolari l-Artikoli 9(2), 11 u 13, filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipju tal-projbizzjoni ta' akkumulazzjoni ta' ħlasijiet minn fondi pubbliċi; b'konsegwenza ta' dan, l-ammonti li jirċievi Membru għat-twettiq ta' mandat f'parlament ieħor jew kariga pubblika, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe rimbors tal-ispejjeż effettivament imġarrba, se jiġu kkumpensati bl-allowance tranżitorja tal-Parlament Ewropew kif previst attwalment fil-każ tas-salarji paralleli mill-Artikolu 11 tal-Istatut. Din is-sistema l-ġdida għandha, sabiex tippermetti l-implimentazzjoni konsistenti tagħha, tapplika mill-bidu tal-leġislatura attwali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Miżuri ta' Implimentazzjoni huma emendati kif ġej:

1.

L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-ispejjeż għandhom jitħallsu tul il-mandat kollu tal-Membru. Huma biss l-ispejjeż imġarrba l-aktar 30 jum qabel l-applikazzjoni għall-ħlas tiġi sottomessa skont dan il-Kapitolu li jistgħu jitħallsu.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-ammont massimu kull xahar li jista' jitħallas fir-rigward tal-persunal personali msemmi fl-Artikolu 34 għandu jkun EUR 22 879 b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.”.

2.

L-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Diversi Membri jistgħu, bi ftehim bil-miktub, jingħaqdu flimkien biex b'mod konġunt jimpjegaw jew jagħmlu użu mis-servizzi ta' assistent wieħed jew aktar kif imsemmi fil-paragrafu 1. F'dan il-każ, il-Membri kkonċernati għandhom jinnominaw minn fosthom, il-Membru/i awtorizzat(i) biex jiffirma(w) l-kuntratt, jew biex jissottometti/u talba għall-reklutaġġ, f'isem il-grupp.

Il-Membri għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni bil-miktub lid-dipartiment rilevanti li tistabbilixxi s-sehem rispettiv li għandu jitnaqqas mill-ammont previst fl-Artikolu 33(4).”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-Membri jistgħu wkoll jużaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jfornu servizzi sabiex jibbenefikaw minn servizzi okkażjonali u identifikati b'mod ċar marbuta direttament mat-twettiq tal-mandat parlamentari tagħhom, skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu.”;

(c)

il-paragrafi 7 u 8 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“7.   Il-Bureau għandu jadotta lista tal-ispejjeż li jistgħu jitħallsu għall-finijiet tal-assistenza parlamentari.

8.   L-ismijiet tal-assistenti u tat-trainees kif ukoll l-isem jew l-ismijiet korporattivi tal-fornituri ta' servizz u tal-aġenti tal-ħlas għandhom, matul it-terminu tal-kuntratt tagħhom, ikunu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-isem tal-Membru jew Membri li huma jassistu.

Dawk l-assistenti, it-trainees, il-fornituri ta' servizz u l-aġenti tal-ħlas jistgħu, fuq bażi ġġustifikata kif xieraq ta' protezzjoni tas-sikurezza tagħhom, jitolbu bil-miktub li isimhom jew l-isem korporattiv tagħhom ma għandux jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-Parlament Ewropew. Is-Segretarju Ġenerali għandu jiddeċiedi jekk għandhiex tiġi ssodisfata talba bħal din.”;

(d)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“9.   In-numru ta' kuntratti bejn Membru u assistenti akkreditati fis-seħħ fi kwalunkwe żmien partikolari ma għandux ikun aktar minn tlieta, irrispettivament mit-tul tax-xogħol previst f'dawk il-kuntratti. Dan il-limitu jista' jiżdied għal erba' jekk tingħata eżenzjoni espressament mill-President tal-Parlament wara verifika mid-dipartiment rilevanti li l-Membru kkonċernat għandu spazju għall-uffiċċji biżżejjed biex jikkonforma mal-istandards applikabbli għall-użu tal-bini tal-Parlament, filwaqt li jitqiesu wkoll l-għadd ta' trainees li jistgħu jkunu preżenti.

10.   Mill-inqas 25 % tal-ammont previst fl-Artikolu 33(4) għandu jkun maħsub biex ikopri l-ispejjeż li jirriżultaw taħt it-Titolu VII tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-ispejjeż kollha fir-rigward tal-ispejjeż ta' assistenza parlamentari differenti minn dawk li jirriżultaw taħt it-Titolu VII tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux flimkien jaqbżu l-75 % tal-ammont previst fl-Artikolu 33(4).

Barra minn hekk, l-ispejjeż b'rabta mal-provvista tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 34 ma jistgħux jaqbżu l-25 % tal-ammont previst fl-Artikolu 33(4).

Dawn il-limiti għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi kumulattiva għal kull sena finanzjarja tal-intitolamenti ta' kull xahar previsti fl-Artikolu 33(4), flimkien ma' kwalunkwe bilanċ mhux użat riportat għas-sena finanzjarja ta' wara skont l-Artikolu 33(6), fuq bażi pro rata.

11.   Il-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż tal-assistenti lokali għad-dħul gross jew it-tariffi netti tal-VAT sa limiti massimi ta' kull xahar li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau skont il-paragrafu 12. Il-limiti massimi jistgħu jiġu adattati mill-Bureau kull sena. Il-limiti massimi applikabbli għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Parlament.

12.   Il-limiti massimi għandhom jikkorrispondu għal tliet darbiet l-ammont ta' referenza. L-ammont ta' referenza għandu jkun wieħed minn tnax tal-ammont ippubblikat mill-Eurostat bħala paga grossa medja annwali ta' persuni b'impjieg full-time fl-Istat Membru ta' elezzjoni tal-Membru kkonċernat.

Madankollu, il-limiti massimi kkalkolati b'dan il-mod ma jistgħux ikunu inqas mill-paga bażika ta' assistent parlamentari akkreditat fil-grad 6 jew aktar minn dak ta' assistent parlamentari akkreditat fil-grad 19.

Kwalunkwe bonus għandu jitħallas biss sal-limiti massimi msemmija kkalkolati fuq bażi annwali.

Il-limiti massimi għandhom jitnaqqsu pro rata fejn l-assistent lokali jaħdem part-time jew fejn l-assistent lokali ma jaħdimx xahar sħiħ.”.

3.

Fl-Artikolu 35, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Membru għandu jikkonkludi kuntratt individwali ma' aġent tal-ħlas tal-għażla tiegħu jew tagħha li jkun jissodisfa r-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 2.

L-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu ta' servizzi ta' aġent tal-ħlas skont il-paragrafu 1, għandhom ikunu koperti mill-ammont previst fl-Artikolu 33(4) u ma għandhomx ikunu soġġetti għal-limitu stabbilit l-Artikolu 34(10) fir-rigward ta' servizzi.

It-tariffi tal-aġenti tal-ħlas, mingħajr il-VAT, ma jistgħux jaqbżu l-10 % tal-ispejjeż tas-salarju, it-tariffi u l-allowances tal-assistenti lokali, il-fornituri ta' servizzi u t-trainees, li l-ħlas tagħhom huwa r-responsabbiltà tagħhom, u lanqas l-4 % tal-ammont previst fl- Artikolu 33(4).

Il-limiti massimi fuq it-tariffi tal-aġenti tal-ħlas għandhom jiġu rieżaminati fuq bażi kumulattiva għal kull sena kalendarja bi proporzjon mat-tul tal-kuntratt tagħhom.”.

4.

L-Artikolu 38 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 38

Dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati fir-rigward ta' kuntratt ta' impjieg

L-applikazzjonijiet għall-ħlas tal-ispejjeż għal kuntratt ta' impjieg għandu jkun fihom:

(a)

il-kuntratt ta' impjieg oriġinali li l-Membru jkun ikkonkluda mal-assistent lokali tiegħu jew tagħha;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-impjieg u l-indirizz preċiż fejn għandu jitwettaq ix-xogħol;

(c)

kalkolu li juri d-dettalji tas-salarji, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi u tal-impjegati u spejjeż oħra li jridu jitħallsu waqt is-sena kalendarja u mat-tmiem tal-kuntratt u li jieħu kont tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, inklużi dawk li jirregolaw il-pagi minimi, u l-obbligi kuntrattwali, inkluż kwalunkwe ħlas ta' spejjeż ta' missjonijiet;

(d)

kopja vera ċċertifikata ta' dokument tal-identità validu tal-assistent lokali;

(e)

prova tal-post tar-residenza abitwali tal-assistent lokali;

(f)

prova tal-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tal-assistent lokali; u

(g)

dikjarazzjoni, bil-kontrofirma xierqa tal-Membru, li matul il-perjodu tal-kuntratt tal-assistent lokali, dan tal-aħħar ma jeżerċitax, direttament jew indirettament, f'attivitajiet oħra – anke dawk li ma jintitolawx lill-assistent għal xi remunerazzjoni – għal kull organizzazzjoni li ssegwi għanijiet politiċi, bħal partit politiku, fondazzjoni, moviment jew grupp politiku parlamentari, jekk dawn l-attivitajiet huma tali li jfixklu lill-assistent mill-qadi tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha f'dik il-kapaċità jew li jagħtu lok għal kunflitt ta’ interessi.”.

5.

L-Artikolu 39 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 39

Regolarizzazzjoni tal-kontijiet

1.   Għal kull wieħed mill-assistenti lokali impjegati, l-aġenti tal-ħlas għandhom jibagħtu lid-dipartiment rilevanti, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' wara s-sena finanzjarja tal-Parlament inkwistjoni, id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż imġarrba, it-tnaqqis fiskali u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u kull spejjeż oħra rimborsabbli, b'mod partikolari għall-iskop tar-regolarizzazzjoni tal-ħlasijiet li jkunu saru bil-quddiem. Barra minn hekk, huma għandhom jipprovdu prova li l-assistenti lokali inkwistjoni jappartjenu għal skema ta' sigurtà soċjali, li tindika lill-Membru bħala l-impjegatur, u ċertifikat ta' assigurazzjoni kontra inċidenti relatati max-xogħol fejn il-liġi nazzjonali applikabbli jeħtieġ tali assigurazzjoni. Huwa għandu jiċċertifika li ġew onorati l-obbligi kollha skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

F'każ ta' terminazzjoni ta' kuntratt bejn l-aġent tal-ħlas u l-Membru u fi tmiem il-mandat tal-Membru, dawn l-obbligi għandhom jiġu ssodisfati fi żmien massimu ta' tliet xhur.

Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitfasslu skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-Parlament.

2.   Wara li ssir verifika tad-dikjarazzjonijiet riferuti fil-paragrafu 1, għandha tintbagħat notifika lill-aġenti tal-ħlas mid-dipartiment rilevanti lill-aġenti tal-ħlas, flimkien ma' kopji lill-Membru, fejn jiġi ddikjarat jekk il-ħlasijiet li saru kinux regolari jew le u, fejn xieraq, liema dokumenti huma nieqsa u għad iridu jiġu ppreżentati.

Jekk notifika bħal din tindika li l-ħlasijiet mhumiex regolari, id-dokumenti meħtieġa għar-regolarizzazzjoni tagħhom għandhom jiġu ppreżentati lid-dipartiment rilevanti fi żmien xahar wara d-data tan-notifika. Fin-nuqqas ta' dan, il-Parlament għandu japplika l-Artikoli 67 u 68.”.

6.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 39a

Obbligi rigward il-kuntratti ta' impjieg

1.   L-aġenti tal-ħlas għandhom, għal perjodu stabbilit mil-liġi nazzjonali applikabbli, u mill-anqas għal sena wara t-tmiem tal-mandat parlamentari kkonċernat, iżommu reġistru ta' pagamenti li jelenka l-ammonti li tħallsu f'remunerazzjoni u f'taxxi u f'kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi u tal-impjegati. Jekk il-kuntratt mal-aġent tal-ħlas jintemm qabel tmiem il-mandat tal-Membru parlamentari, kopja vera ċċertifikata tar-reġistru ta' pagamenti għandha tiġi ppreżentata b'mod immedjat lill-aġent tal-ħlas il-ġdid magħżul mill-Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 35(3).

2.   L-assistenti għandhom jastjenu minn kwalunkwe azzjoni li ġġibhom f'kunflitt mal-interessi tal-Membri li jassistu u dawk tal-Parlament. Huma għandhom, mingħajr dewmien, jinformaw lill-Membru kkonċernat dwar l-intenzjoni tagħhom li jimpenjaw ruħhom f'xi attività esterna bi ħlas jew bla ħlas jew li joħorġu għall-elezzjoni.

Huma għandhom ikunu meħtieġa li joqogħdu f'distanza mill-post tax-xogħol tagħhom li hija kompatibbli mal-qadi xieraq tad-dmirijiet tagħhom.

3.   Il-Membru għandu jinforma b'mod immedjat lid-dipartiment rilevanti dwar kull bidla fil-kundizzjonijiet tal-impjieg li taffettwa l-ispejjeż tal-assistenza parlamentari u ta' kwalunkwe pjan mill-assistenti li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet esterni jew li joħorġu għall-elezzjoni. Il-Membru jrid jiżgura li l-attivitajiet esterni u l-parteċipazzjoni f'elezzjonijiet ma jfixklux il-prestazzjoni tal-assistenti mid-dmirijiet tagħhom jew imorru kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Id-dipartiment rilevanti jista' jeżiġi prova tal-arranġamenti magħmula dwar dan mal-assistenti kkonċernati.

4.   L-assistenti lokali li għandhom l-intenzjoni jikkontestaw elezzjoni għandhom jikkonformaw mal-liġi nazzjonali rigward kampanji elettorali. Mill-inqas gћall-perjodu tal-kampanja uffiċjali, l-assistenti jridu jkunu fuq leave annwali jew leave mingħajr ħlas. Jekk jiġu eletti, il-ħlas tal-ispejjeż b'rabta magħhom għandu jieqaf sakemm ma jistgħux jipprovdu prova li l-mandat tagħhom huwa konsistenti mal-qadi ta' dmirijiethom bħala assistenti parlamentari.

5.   Kuntratti konklużi bejn il-Membri u l-assistenti jridu jinkludu l-obbligi imposti fil-paragrafi 2 u 4.”.

7.

L-Artikolu 41 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 41

Dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati fir-rigward ta' kuntratt ta' servizz

1.   Bl-eċċezzjoni ta' servizzi okkażjonali li l-valur tagħhom ma jaqbiżx EUR 500, VAT inkluża, trid tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ħlas ta' spejjeż qabel il-konklużjoni ta' kuntratt għall-provvista ta' servizzi u jrid ikun fiha:

(a)

stima u abbozz tal-kuntratt li l-Membru għandu l-intenzjoni jikkonkludi ma' fornitur ta' servizz u li juri b'mod ċar in-natura tas-servizzi li għandhom jingħataw;

(b)

fil-każ ta' servizzi b'valur ta' aktar minn EUR 60 000, VAT inkluża, il-ġustifikazzjoni għall-offerta magħżula, li trid tkun l-aktar ekonomikament vantaġġuża ta' mill-inqas tliet offerti minn fornituri għalkollox indipendenti, filwaqt li jittieħed kont, minbarra tal-prezz, anke tal-kwalità tal-offerta u tal-aspetti soċjali; dan il-limitu minimu għandu japplika fuq bażi kumulattiva f'każ ta' kuntratti suċċessivi għal servizzi simili mingħand l-istess fornitur;

(c)

fil-każ ta' fornituri ta' servizz li huma persuni ġuridiċi, kopja tad-dħul tagħhom fir-reġistru kummerċjali jew dokument ekwivalenti, flimkien mal-artikoli ta' inkorporazzjoni, jew fil-każ ta' fornituri ta' servizz li huma persuni fiżiċi, id-dokumenti elenkati taħt il-punti (d) sa (f) tal-Artikolu 38, u, ħlief fil-każ ta' kuntratti okkażjonali, taħt il-punt (g) tiegħu;

(d)

fil-każ ta' fornituri ta' servizz li huma persuni ġuridiċi, dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess li tikkonferma li l-ebda wieħed minn dawk involuti fil-forniment tas-servizzi huwa assistent fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 34 jew f'ebda waħda mill-kategoriji msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 43.

2.   L-ispiża tas-servizzi pprovduti għandha titħallas wara preżentazzjoni min-naħa tal-Membru lid-dipartiment rilevanti ta' fattura jew dikjarazzjoni tal-ħlasijiet dwar is-servizzi li ġew effettivament ipprovduti u kopja tal-kuntratt konkluż mal-fornitur ta' servizz. Il-fattura jew id-dikjarazzjoni tal-ħlasijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn konferma mill-Membru li s-servizz ikun fil-fatt ġie fornit. Fuq talba mid-dipartiment rilevanti, il-Membru għandu wkoll jissottometti d-dokumenti ta' appoġġ ewlenin.

Fejn is-servizzi huma parzjalment jew totalment eżentati mill-VAT, id-dipartiment rilevanti jista' jeħtieġ lill-aġent tal-ħlas jikkonferma l-bażi ġuridika għal dik l-eżenzjoni.”.

8.

L-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

biex jiġu ffinanzjati kuntratti konklużi ma' organizzazzjoni li ssegwi għanijiet politiċi, bħal partit politiku, fondazzjoni, moviment jew grupp politiku parlamentari;”;

(b)

il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

biex jiġu ffinanzjati kuntratti li jipprevedu l-impjieg jew l-użu tas-servizzi tal-konjuġi tal-Membri jew tas-sħab stabbli jew tal-ġenituri tagħhom, uliedhom jew ħuthom jew, b'mod ġenerali, li jagħtu lok għal kull possibbiltà ta' kunflitt ta' interess kif definit fl-Artikolu 62(1a).”.

9.

L-Artikolu 46 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-ex Membri għandhom ikunu intitolati għall-allowance tranżitorja. Jekk ikollhom mandat f'parlament ieħor jew ikollhom kariga pubblika, is-salarju li huma intitolati għalih għandu jiġi kkumpensat bl-allowance tranżitorja.

2.   L-Artikolu 2(3) għandu japplika mutatis mutandis għall-allowance tranżitorja.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ‘Parlament ieħor’ għandha tfisser kwalunkwe parlament b'setgħat leġislattivi li huwa stabbilit fi Stat Membru.”;

(b)

fil-paragrafu 4, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ‘kariga pubblika’ għandha tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:”;

(c)

fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

kariga ta' uffiċjal anzjan li jeżerċita awtorità pubblika jew kariga ta' uffiċjal jew Membru ta' istituzzjoni tal-Unjoni.”.

10.

Fl-Artikolu 48, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Biex ikun jista' jirċievi l-allowance tranżitorja, l-ex Membru għandu japplika lis-Segretarju Ġenerali għalih sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem tal-mandat tiegħu jew tagħha, u jehmeż dikjarazzjoni bil-miktub li tindika li mhu qed iwettaq l-ebda wieħed mid-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 46.”;

11.

Fl-Artikolu 61, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-implimentazzjoni ta' dawn il-Miżuri ta' Implimentazzjoni u kwalunkwe applikazzjoni għall-ħlas ippreżentata skont dawn il-Miżuri ta' Implimentazzjoni għandhom ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (5).

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1)."

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).”."

12.

Fl-Artikolu 62, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-Membri involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit ma għandhom jieħdu ebda azzjoni li tista' ġġib l-interessi tagħhom f'kunflitt mal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Jeżisti kunflitt ta' interess fejn l-azzjonijiet tal-Membri jkunu influwenzati bla bżonn għal raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja emozzjonali, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess kondiviż ieħor ma' riċevitur.”.

13.

L-Artikolu 78 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 78

L-arranġamenti tranżitorji applikabbli għall-kuntratti ta' assistenti lokali u aġenti tal-ħlas

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 34 u 35, hekk kif ġew emendati permezz tad-deċiżjoni tal-Bureau tas-26 ta' Ottubru 2015, dwar l-għadd ta' assistenti u r-remunerazzjoni tal-assistenti u tal-aġenti tal-ħlas ma għandhomx jaffettwaw kuntratti li għadhom validi, sakemm l-applikazzjonijiet għall-ħlas tal-ispejjeż li jirriżultaw minnhom ġew ippreżentati lid-dipartiment rilevanti qabel is-27 ta' Ottubru 2015.

2.   Kuntratti tat-tip imsemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu mġedda jew immodifikati skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu 1, Kapitolu 5.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(9) u (10), li għandhom japplikaw mil-1 ta' Lulju 2014.


(1)  Id-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1).

(2)  Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju u tad-9 ta' Lulju 2008 dwar miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU C 159, 13.7.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).